Fl-Ombra tal-organizzazzjoni.
Il-posponiment tal-ispirtu żagħżugħ ma kienx jgħodd għal kulħadd. Il-kbir kien għadu ġej. Fl-aħħar tas-70ijiet l-industrija tal-mużika rok speċjalment dik Ingliża, ħalliet l-atar tagħha fuq dawn il-gżejjer u l-invoga tal-gruppi Led Zeppelin, Deep Purple, Queen u ruxxmata iktar flimkien mal-punk rock tas-Sex Pistols, Stranglers, the Clash u oħrajn bdew jixterdu qishom l-imxija tal-influwenza. Diffatti bdew isiru d-distinzjonijiet bejn ir-rockers awtentiċi u l-dawk posers. L-awtentiċi kienu kienu dawk li bħall-erwieħ mitlufa kienu jiġġerrew mat-toroq libsin ġins inkallat, buz bil-pett mikul u ġakketta tal-ġild imqabra. Dawn kienu jafu x’inhi l-vera mużika u jafu jiddefinixxu bejn andament rittmiku u riffijiet ripettittivi. Il-posers kienu dawk libsin l-aħħar flokk tal-Iron Maiden, nodfa tazza u mqaxxrin puliti u li filgħodu jaħdmulek il-fabbrika u filgħaxija jintefgħu bil-walkman f’widnejhom u bil-liri fil-but jixorbu l-Coca. Għira forsi? Jista’ jkun imma li kien żgur hu li r-rokers bdew jiżdiedu.
Bdew isir l-ewwel kunċerti fl-1982. Valdacry, Fusion u ieħor li insejt ismu ghamlu kunċert flimkien, jekk niftakar sew, l-Orpheum il-Gżira. Warajhom Stratkast fl-istess post. Kunċerti żgħar fl-Tignè minn diversi gruppi rock u punk. Imbagħad ir-Rockfest li ta’ spinta ‘l quddiem lix-xena tal-baned rok maltin. Ir-Rifffs bdew jagħtu kunċerti u xi gig ‘l hawn u ‘l hemm u ġennew bosta punks u rudeboys warajhom bit-Too Pushy Mamma, imbaghad wara d-Dance Music for the 80s depression. Bil-mod il-mod ir-rockers bdew isibu l-irkejjen partikulari tagħhom prefferibbilment fejn ikun hemm xi jubebox bil-mużika preferita. Bdew jiffurmaw klikek f’postijiet different, it-Torri Bar Tignè u l-ieħor fejn kienet il-guardroom l-antika tal-Ingliżi ħdejn il-kappella ta’ Tignè. Ħal Qormi u r-Rabat bdew ukoll ikollhom ir-roqgħa tagħhom. Bdew isiru xi rock nights f’diversi postijiet madwar Malta.
Din l-isplużjoni ta’ mużika qawwija u ribellża flimkien mal-valuru differenti li bdiet iġġib magħha, bdiet togħrok għajn l-awtoritajiet. Il-massa li titħarrek dejjem tinkwieta lin-nies tal-poter. Diġa semmejna l-Tignè u l-AST u għalkemm wieħed jista’ jara l-pożittiv ta’ dan, min-naħa l-oħra ma nistgħux ma nxommux strateġija ta’ kontroll li taħt l-umbrella tal-organizzazzjoni tibda tagħti d-direzzjoni hi u tliġġem lil dawk li jkun sejrin barra l-linja. L-awtoritajiet tal-knisja wkoll tħajru jitfgħu ix-xbiek biex jaghmlu s-sajda tagħhom. Fl-1983 saret l-ewwel Rock Mass bil-għan li tressaq li dawn iż-żgħażagħ devjanti lejn is-sagramenti u l-preċetti tal-knisja. Id-dell taħt din l-umbrella ‘qaddisa’ inħass ristrett u strinġenti wisq għall-ispirtu ħieles ta’ rockers. L-attivita’ fil-forma ta’ quddiesa rok li saret Santa Tereża Birkirakara, kellha rispons fenominali. Il-knisja kienet imballata bir-rockers ghalkemm il-KDŻ li organizzata rat kif għamlet u kaxxret magħha kull moviment u għaqda reliġjuża li sabu minn Malta kollha. L-attrazzjoni għar-rockers dakinhar pero, kienet il-mużika u l-grupp Stratkast. L-atmosfera fil-biċċa l-kbira kienet profana b’xi joint idur minn taħt, bl-agħajt u t-tpaċpiċ u b’xi rokan imdamdam bl-inbid, jistrieħ minn qasma bewl mal-konfessinarju. Xi wħud minna taċ-Ċirku Bertu Funtana konna involuti f’din ir-Rock Mass u ħdimna mill-qrib mal-KDŻ. L-influwenza reliġjuża ma naħsibx li ħalliet l-effett mixtieq mill-knisja għallanqas, mhux daqshekk malajr. Dan għax xi snin wara smajt li kien hemm xi rockers li daħħlu f’movimenti reliġjużi u li l-quddisiet rok, ghalkemm mhux bil-kobor tal-ewwel waħda xorta baqgħu isiru. Allura nista’ ngħid li s-sajda ta’ KDŻ qabdet ukoll xi ħut fix-xibka.
L-ombra tal-organizzazzjoni bdiet riesqa wkoll fuq in-nies taċ-Ċirku Bertu Funtana. B’dawk il gzuz ta’ rockers deħlin u ħerġin fil-Kafè Imperajal, Bertu li kien membru attiv fil-YMCA tas-70ijiet beda jħajjarhom biex jiffurmaw kumitat u jmexxu l-YMCA il-ġdida. Qabda rockers mhux la kemm taqbad u tliġġimhom u ssuqhom fejn trid. Bdejna ntellgħu u n-niżlu din l-idea. Bertu b’makkerija ta’ xitan kien jaf kif għandu jdawwarna. Issikka minn hawn u ffitta minn hemm, wegħedna post fejn niltaqgħu u norganizzaw l-affarijiet tagħna u anki fejn indoqqu kellu jipprovdilna. Fil-bard ta’ Jannar kif tista’ tirrifjuta saqaf fuq rasek u bir-riedni f’idejna wkoll...it-tentazzjoni għelbitna u aċċettajna bil-kundizzjoni li nsibu isem ieħor għalina minflok YMCA. Bertu żamm iebes u fl-aħħar għaddiet tiegħu u issa sibna ruħna taħt umbrella ġdida bl-isem ta' YMCA. Fra Ġorġ li kien introdott minn xi żgħażagħ taċ-ċirku sab ruħu f’dan il-kumitat il-ġdid. Iddikjara lilu nnifsu Direttur Spirtwali u saret elezzjoni u nħatru l-ewwel membri tal-kumitat.
Iċ-Ċirku Bertu Funtana kien għadu mtajjar, jixxewwel mar-riħ tal-mużika u l-ideali tal-ħajja libra. Bil-mod il-mod u mingħajr ma ndunajna bdejna nersqu lejn il-formalita’ u ir-regolamentazzjoni. Ħassejna li taħt l-umbrella tal-organizzazzjoni stajna nwettqu dak li ħlomna u li b’hekk stajna nħallu l-marka tagħna fis-soċjeta.
Fuq il-mejda ta’ Bertu fl-Imperial Caffe, mat-tazzi tat-tè, issa kien hemm it-tajpiera u warajha tfjala tittajpja l-ismijiet tal-membri l-ġodda tal-YMCA.
tkompli..............................
12 comments:
Sinċerament nittamma li dawn l-artikli mill-iktar interessanti ma jiqfux hawn fuq l-Internet.
Hello, Mikiel, nixtieq nghidlek proset tal-bloggs li qed ittella'. Kont qed naqra n-novella ta' Immanuel Mifsud "Ruby" u fiha jsemmi xi affarijiet li qed issemmi int. Nghidlek id-dritt issa, bis-sahha tal-info li qed taghti, stajt napprezzaha iktar.
Imma l-aktar li ridt nghidlek hu li tassew interessanti.
Naf li tinstema tad dahk u naive, imma ma tahsibx li tkun idea tajba li kieku taghmlu attentat biex issir tip ta "re-union" bejn in nies ta dak iz zmien? Imqar riklam fil gazzetta, u tiltaqaw waqt xi gig tajjeb....
Fl-aktar bloggata ricenti tieghi jiena semmejt li kien hemm aspetti fl-istorja tieghek li jorbtu mill-qrib mal-esperjenza personali tieghi ta' dawk iz-zminijiet. Din tar-Rock Mass hija wahda mill-aktar sinifikanti. Bil-maqlub ta' dawk ir-rockers li semmejt inti li resqu lejn is-sagramenti wara dak li raw fil-knisja ta' Santa Tereza, jiena gharaft li hemm perspettiva differenti ghad-devozzjoni spiritwali dak in-nhar. Ridt li kull quddiesa li nattendi (imqar nhar ta' hadd biss) tkun bil-muzika rock. U meta dan beda jidher bic-car li mhux ser isehh, jiena sibt li kien hemm nuqqas ta' kommunikazzjoni serja bejn dak li kont nemmen jien u dak li kienu jemmnu dawk li sa dak iz-zmien kien ghalmuni x'ghandi nemmen mill-aspett spiritwali.
Aktar ma' naqra dan li qed tikteb int aktar qed nintebah kemm hu tassew importanti li jien ukoll nikteb dwar dak iz-zmien. S'issa qadt lura l-aktar ghax ma tantx jien it-tip li nhobb nghix fil-passat. Pero bis-sahha tieghek, u bil-mod il-mod, qed nifhem li hemm hafna valur fil-kitba ta' narrattivi dwar dawk iz-zminijiet...specjalment ghax, fil-fehma tieghi, ahna t-tip ta' nies li ahna llum minhabba l-formazzjoni li hadna f'dawk is-snin; anke jekk aktarx li hemm ragunijiet ohra wkoll.
Mikiel, ippermettili kumment kritiku (f'sens kostruttiv, sintendi!): interassanti kif fin-narrattiva tieghek imkien ma ssemmi r-rwol tieghek personali f'dan kollu. B'mod specifiku, per ezempju, nixtieq hafna nisma'/naqra dwar ir-relazzjoni diretta tieghek mal-iStratkast. Inkun qed nizvela xi sigriet kbir jekk nghid li inti kont il-kantant principli tal-iStratkast ghal xi zmien? Jew forsi kont ser tikteb xi haga dwar dan f'wahda mill-bloggati li jmiss, meta tkompli titkellem dwar il-YMCA u r-RockFest (hekk minghalija kien jismu) li kontu torganizzaw ma' Bertu?
Jekk tassew tara lilek innifsek bhala semplici parti minn gabra ta' nies minghajr individwalita' allura nifhem li ma tiktibx wisq dwar rwoli personali b'mod aktar dirett. Mill-banda l-ohra, jekk dan huwa sempliciment rizultat tal-umilta' tieghek allura taghti kaz xejn tal-kumment tieghi fl-ahhar ftit sentenzi li ghadni kemm ktibtlek hawn. Madankollu, nemmen 100% li mhux qed nesagera meta nitkellem dwar il-modestja tieghek! Int qatt ma' kont show-off jew estrovert tant li tispikka fil-folla.
Nistenna l-episodju li jmiss b'herqa kbira.
Kenneth tkunx tentatur. Għandi x'nagħmel biżżejjed.
Stella qed nieħu gost li qed tapprezza. L-iskop ta' dawn il-bloggati huma sempliċi ritratt istamatiku li in fondo hemm ħafna iktar x'wieħed isib. Jien ċert li hemm bosta gruppi jew klikek li għandhom l-istorja tagħhom x'jirrakkontaw u forsi xi darba din toħroġ ukoll.
fre...din tar-riunjoni ma taħdimx. Illum kulħadd mitfuġħ fuq xogħlu u l-ħajja tal-lum mhux dejjem tħallik iżżur il-passat. Dak iż-żmien ġie darba u qatt iktar ma jerġa' jkun għal għalina u għan-nies ta' dak iż-żmien. Jien pero naħseb li illum ukoll jeżistu xi gruppi li qed ifittxu ħajja alternattiva u qed jgħixu dawn il-mumenti sbieħ flimkien.
Mikiel, jien nifhem li kulhadd ghandu skoss xoghol, imma se ninghaqad ma' Kenneth fl-appell tieghu. Modestja apparti, jekk ikollok bzonn ghajnuna lest nghin milli nista', imma tkun tassew hasra jekk dan li qed tikteb jieqaf hawn. Naf li Toni mhux se jahsibha bhali, imma minkejja kollox il-mezzi konvenzjonali tal-komunikazzjoni ghadhom validi u importanti. Mela issa ghandek lil Kenneth, lil Stella u lili li qed naghmlulek dan l-appell, u ninsab cert li hemm ohrajn ta' l-istess fehma. Wara kollox dan mhuwiex ezercizzju ta' nostalgija, imma ta' taghrif li jghinna nifhmu sew min konna, min ahna u x'aktarx min ghad inkunu. Inhalli f'idejk, Mikiel.
Aw Ton. Hekk vera li qed tgħid. Qieghed inħalli barra r-rwol dirett tiegħi minn dan kollu għal żewġ raġunijiet. Waħada għalex kieku nagħmel hekk il-ġrajja kollha tieħu iktar fit-tul allura jien ikolli niddedika iktar ħin u forsi wkoll il-qarrejja jibdew jitilfu l-interess. Kif kumbinazzjoni għadni kif semmejt fil-kumment ta’ qabel dan, propju qed nipprova nqiegħded il-ġrajja kollha fi kwadru wieħed. Ritratt istamatiku, bil-ħsieb li jagħti stampa ħafifa. It-tieni raġuni li r-rwol tiegħi ma ndaħħlux wisq hi, għaliex il-protaganist huwa l-ispirtu kollettiv tal-grupp kollu.L-iżvolġiment kollu tal-ġrajja tappartjeni lil kulħadd involut. Lil qarrej irridu jħossu iktar qrib il-grupp milli qrib tiegħi. Dan kollu bl-iskop li nxaqleb il-miżien xi ftit lejn is-sens kommunitarju u soċjali kontra l-individwaliżu li illum sirna nagħtuh piż iktar milli jixraqlu.
Fuq tal-istratkast ngħidlek li qatt ma kont il-kantant ewlieni tagħhom imma biss ħabib u segwaċi tagħhom. Il-kantant tagħhom kien Martin Scicluna u fiż-żmien li kont qed naħdem magħhom fuq il-lirika tar-rock mass, għal xi raġuni li ma nafiex ma baqax. U hawn dħalt jien biex inkanta l-istess numri li kont ktibt. Miegħi ukoll kien kanta Vince Fabri dakinhar tal-quddiesa. Fl-ewwel kunċert tagħhom fl-Orpheum ħriġt inkanta erba’ numri minn tiegħi u ma qtajtx fugura tajba għax qlajt xebgħa ibbuwjar.
Dwar il-kunċert tal-YMCA.....fil-puntata li jmiss taqta’ l-kurżita’ ras!
Grazzi Ton tal-interess tiegħek u nħeġġek tikteb dwar l-esperjenzi tiegħek għax tista’ toħloq xrara biex tqabbad ħuġġieġa fl-ispirtu tal-ġenerazzjonijiet futuri. Tinstema’ bombastika imma naħseb li hekk hi.
Grazzi tal-offerta Immanuel imma eħjar nistennew sa ma ntemm l-aħħar bloggata fuq is-suġġet imbagħad nevalwaw u nistmaw ix-xogħol li jirrikjedi proġġett bħal dan. Imbagħad nitkellmu. Biex issir biċċa xogħol tajba tirrikjedili ħafna enerġija u riżorsi. Nitlobkom ma tagħfsunix f'dan il-mument.
Grazzi tal-offerta Immanuel imma aħjar nistennew sa ma ntemm l-aħħar bloggata fuq is-suġġet imbagħad nevalwaw u nistmaw ix-xogħol li jirrikjedi proġġett bħal dan. Imbagħad nitkellmu. Biex issir biċċa xogħol tajba tirrikjedili ħafna enerġija u riżorsi. Nitlobkom ma tagħfsunix f'dan il-mument.
L-ass f'idejk, xbin. Nifhem li tkun imħabbat. Imma dawn it-talbiet tagħna teħodhomx bħala insistenza biex inqabbżuhielek sa ma jkollok taċċetta biex issoddilna ħalqna, imma sempliċiment bħala indikazzjoni li hemm għatx qawwi għal dak li qed tirrakkonta.
Is-snin sebgħin u tmenin huma meqjusa fuq fomm kulħadd bħala ż-żmien tad-deheb fl-istorja riċenti ta' Malta, u jnisslu ċertu nostalġija f'kulħadd donnhom. Li kieku mhux għal kitbiet simili, dawk li bħali ma laħqux dawn iż-żminijiet (u anki dawk li għexuhom), ma jkollhom xejn lejn xiex iħarsu.
Għax fuq kollox, jekk ma jinkitbux illum, meta rriduhom jinkitbu, ħamsin sen'oħra, meta jkun miet kulmin għex b'ruħu u b'ġismu f'dawk iż-żminijiet?
Kont għaddej mill-Imsida, ilma dieħel mill-bibien...
Mela l-kanzunetti tat-Triccas għadhom iduru Kenneth?! Xejn ma ngħdilek, għalissa ejja ngħoddu dawn il-bloggati bħala bidu.
Prosit Mikiel! Bghattni hamsa u ghoxrin sena lura u ma nfaqtx juro petlor :). Konna nkunu mal-klikka ta' Alex, huh Michael u l-ohrajn. Kellna band (bhal kulhadd :)). Kien idoqq il-Buxu maghna bhala bass. Flower, The Clock Forgot, etc; Maltasajf ta' ta' Qali kien klassi :) Kien tassew zmien iehor, imma tghid kien sabih ghax il-boghod? Nahseb li kien semplici iktar u forsi ghalhekk kien sabih; napprezzuw ix-xejn u allura kienet hajja rhisa. Dan l-ahhar ergajt hrigt il-kitarra u ghad fadlilha r-riha tas-sigaretti ta' ghoxrin sena ilu! :)
Kompli bbloggja!
Andrew
Post a Comment