26.11.14

Malta Comic Con 2014

Ltqajt ma' wieħed nafu u staqsieni jekk kontx hemm fil-Comic Con li għaddiet. Għedtlu, il-Comic Con għadha ġejja u iva, hemm ser nkun. Meta qalli hekk, kien qed jalludi għal Malta Comics Expo li saret f'Settembru li għadda. 

Din inizjattivi oħra biex tikber il-kultura tal-komiks f'Malta u ta' min jappoġġaha. Kemm aħna nifilħu li jkollna żewġ avveniment kbar tal-komiks, ma nafx ngħid sinċerament, imma jista' jkun li għal xi artisti delettanti, jarawha wisq għal buthom biex iħallsu l-miżata ta' parteċipazzjoni għal żewġ festivaljiet fi spazju ta' xahar biss. Dan meta l-bejgħ tal-komiks jew it-tpenġijiet tagħhom ikun minimu ħafna u qajla jkopri għall-ispejjeż li jagħmlu. Imma wieħed m'għandux għax jaraha negattiva għax il-fatt li qed ikun hemm iktar opportunità biex in-nies tattendi u tesponi ruħha għax-xogħlijiet lokali, diġa huwa biżżejjed. 

Dawn l-avveniment qed jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom b'logħob tal-kompjuter, films, lbies ta' kostumi, bejgħ u bosta attivitaiet oħra attrajenti. Diversi personalitajiet magħrufa fil-qasam tal-komiks jew tal-films ipoġġu fil-comic con biex jiffirmaw u jitkellmu mas-segwaċi tagħhom u d-dilettanti tal-komiks. Dan għalhekk jiġbed firxa ikbar ta' nies li jkollhom interess f'affarijet oħrajn mhux neċessarjament fil-komiks biss.

L-appuntament li jmiss din is-sena huwa l-Malta Comic Con 2014 nhar isSibt u l-Ħadd 29 u 30 ta' Novmebru 2014 fiċ-Ċentru għall-Kreattività, il-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt.

Aqbżu qabża s'hemm. Titilfuhx. 



8.11.14

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2014




Bħal kull sena, wieħed jeħtieġ iżomm appuntament mal-festival nazzjonali tal-ktieb f'Dar il-Meditteran, il-Belt Valletta. Dan għax għalkemm matul is-sena jiena nixtri bosta kotba li jkunu ħarġu, jkolli nistenna dan il-festival għaliex il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi jerfgħu l-aħjar pubblizzjonijiet tagħhom għal dan iż-żmien. Iżda mhux biss fix-xiri li wieħed jigwadanja f'dan il-festival, iżda ukoll fid-diskussjonijiet u t-tnedijiet organizzati biex iqanqlu interess akbar fis-suġġett akkedemiku jew letterarju tal-ktieb.

Kull sena niltaqa' ma nies li naf u oħrajn li nsir nafhom għall-ewwel darba. U waqt li nkun qed inqalleb dejjem insib dak il-ktieb li qatt ma smajt bih jew li kont ili għalih biex nakkwistah. Nimmeravilja bl-inizjattivi u r-riskji li jittieħdu mill-pubblikaturi biex joħorġu l-kotba. Tassew nammirhom u sa fejn jista' jtini l-but, napprezzahom ukoll billi nixtrihom, dejjem jekk ikollu użu għal dak il-ktieb partikulari. Imma ktieb dejjem issib użu għalih hux veru, għax jekk ma taqrahx, tagħtih rigal.

Missieri, Alla jtih il-ġenna, għallimni napprezza l-kotba. Rabbieni b'ċerta reverenza lejhom tant li bħal ma l-misilmin jagħmlu għal Koran, drajt naħsel idejja qabel immiss ktieb. Ma nikolx waqt li nkun naqra, li ma mmurx inċappsu jew intebbgħu b'xi ħaġa. Ma niftħax ktieb qoxra ma' qoxra biex ma niksirlux il-legatura u lanqas ma niksirlu l-ponot tal-paġni jew inħożż fuqu. Fi kliem ieħor nipprova inżommu talikwali, qisu għadu ħiereġ mill-istamperija. Kelli għalliem li kien jinkoraġġina biex inħożżu n-noti personali tagħna u nimmarkaw fuq il-kotba iżda dejjem ħassejtni nagħmel sagrileġġ meta missejt ktieb imqar bil-lapes. Iż-żewġ għedewwa l-kbar u qerrieda tal-ktieb huma ż-żmien u l-kamla. Lil tal-ewwel ma tegħelbux u lil tat-tieni tidħol fi gwerra dejjiema miegħu. Biss illum inħoss li l-agħar li jista' jiġrilu l-ktieb hu li jintesa jew iktar gravi minn hekk, li ma jinqarax.


Post by TVAM.


2.11.14

Ix-xahar tal-erwieħ, xogħol, galbu u frieħ.



Agħfas fuq l-istampa biex tkabbar u taqra l-artiklu.

L-Għid tal-erwieħ - 2 ta' Novembru.

Illum l-għid tal-erwieħ.
F'dan il-jum niftakru f'l-għeżież tagħna li darba kienu magħna. Inġeddu t-tifkira tagħhom u f'isimhom nagħmlu l-ġid. Jum il-mejtin kollha jiġi biex niftakru u nirriflettu fuq il-mejtin predeċessuri tagħna. Huma ġew qabilna u ħallewlna dak li issa aħna qed inkomplu, biex meta nitilqu aħna, ukoll inħalluh f'idejn ta' warajna. Hekk timxi din il-mogħdija kbira tal-ħajja li fl-istess ħin żżomm id f'id mal-mewt. Aħna ħolqa ċkejkna ċkejkna f'katina twila twila li hu ż-żmien, l-ispazju u l-univers. Ferħana li nagħmlu parti minnu. Dan hu l-mument tagħna. Naħfnuh sewwa bla ma nħalluh jaħarbilna, ingawduh, napprezzawh u nużawh tajjeb għal ġid tal-umanità.

1.11.14

L-għid tal-imwiet 2014

L-attività tal-ghid tal-imwiet organizzata mill-Karmelitani tal-Imdina. Prosit. Dan il-jum jistħoqqlu li jingħata iktar importanza fid-djarju kulturali u reliġjuż.

Segwu din il-ħolqa: http://www.carmelitepriory.org/events_items/imwiet/