30.10.11

L-Għid tal-Erwieħ ta' kull sena




L-GĦID TAL-ERWIEĦ hija festa tradizzjonali tal-Maltin fix-xahar ta’ Novembru, f’atmosfera ta’ ċelebrazzjoni u ferħ b'ikla speċjali ta’ majjal il-forn u ikel ieħor tradizzjonali Malti marbut ma’ din il-festa antika, mogħtija libsa ġdida u moderna adattata għall-żmienna.
L-Għid tal-Erwieħ jiċċelebra l-ħajja u jfakkar b’rispett lil dawk li darba għexu f’din id-dinja u li llum m’għadhomx magħna. Mhux ta’ b’xejn din l-ikla qed issir popolari man-nies b’rashom fuq għonqhom u b’gosti kulturali u ma’ nies li jafu jgħixu. Dan għax din l-okkażjoni tagħtihom x’jomogħdu fuq il-misteru tal-ħajja u tal-mewt u fl-istess waqt ikel bnin għas-saħħa, dejjem f’ambjent ferrieħi b’tiżjin u mużika tematika mal-Għid tal-Erwieħ.

Ix-xbihat ewlenin li jirrappreżentaw din il-festa huma l-ħanżira tal-erwieħ, drawwa tal-imgħoddi fejn fl-irħula l-kappillan kien jitlaq ħanżira tiġġerra fit-toroq sabiex tintema’ min-nies imbagħad kien ibigħha biex jiġbor il-flus għall-quddies tal-erwieħ. Ix-xbieha tal-iskeletru jew ras ta’ mewt biex tfakkar it-tmiem tal-ħajja f’din id-dinja. Hemm ukoll ix-xbieha tal-imgħammad jew il-fratell li jirrappreżenta l-erwieħ, il-misteru tal-ħajja l-oħra u t-tifkira tal-ġest uman fl-opri tajba tiegħu u r-rispett li dejjem wera għall-mejtin. Fl-imgħoddi kien hemm fratellanzi li joħorġu libsin il-kunfratija b’wiċċhom mgħammad u kienu jiġbru l-flus għall-quddies tal-erwieħ kif ukoll biex jgħinu lill-familji tagħhom. Dawn illum saru xbihat simboliċi u flimkien mat-tiżjin bħall-fanali tal-erwieħ, l-għadam tal-ħelu u s-sarvetta mimlija bil-ħelu, jagħtu karatteristika unika lil din il-festa tagħna l-Maltin.

Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur s-sit elettroniku http://www.erwieh.synthasite.com/