2.1.16

Il-ġ(d)id tas-sena 2016



Is-sena t-tajba lil kulħadd. Kif iċċelebrajtuha? Tajjeb bħal kull sena nittama. Is-sena l-ġdida dejjem iġġib magħha ħsibijiet sbieħ u tamiet ġodda. Għalhekk nagħmlu l-proposti jew kif insejħulhom ukoll, il-proponimenti tas-sena l-ġdida.

Iż-żmien huwa kunċett f'moħħ il-bniedem u l-kalendarju huwa l-istrument tal-kejl tiegħu. It-tmiem u l-bidu ta' dan il-kalendarju nimmarkawh b'ċelebrazzjonijiet li jfakkruna fit-toroq mnejn għaddejna u fil-mogħdijiet ġodda li rridu ngħaddu minnhom. Dan kollu spiss b'xalar u briju biex iferraħna. Ngħaddsu d-dwejjaq u d-diżappunti tagħna f'xi grokk jew tnejn... jew tlieta... insomma... b'xi ftit anzjetà għall-ġejjieni. Għada ħadd ma rah imma rriduh li jkun tajjeb, hux hekk!?

Fuq magazin li joħroġ ma' xi gazzetta tal-Ħadd iltqajt ma' artiklu li esplora l-modi differenti ta' kif ikun iċċelebrat l-ewwel tas-sena. Isemmew diversi drawwiet u ritwali ta' bosta pajjiżi, xi uħud minnhom tassew strambi bħal ta-Ċileni li jiċċelebraw din il-festa mal-mejtin tagħhom. Imma dawn id-drawwet narawhom estrani għax isiru f'kuntest u f'mentalità differenti minn tagħna. Fosthom ukoll issemmiet id-drawwa (skond l-artiklu) tal-Ingliżi li biex ikollhom risq tajjeb għas-sena l-ġdida, fl-ewwel tas-sena jrid ikun raġel li jidħol f'darhom bħala viżitatur u jixrob bis-saħħa tal-familja kollha. Din narha drawwa ħelwa li qatt ma smajt biha qabel minkejja li għext xi ftit taż-żmien ukoll l-Ingilterra. Ma nafx jekk l-artiklu li semmejt sarx b'ġirja mal-ħin biex jitlesta malajr qabel l-istampar. Nittama li sar t-tiftix sewwa għal dan l-artiklu sabiex isir servizz xieraq mal-qarrejja tal-magazin.

Skond l-artiklu ta' dan l-istess magazin, aħna l-Maltin niċċellebraw l-ewwel tas-sena mal-ħbieb nieklu u nixorbu u nibgħatu l-messaġġi minn fuq il-mobile. Verità pura din. Għax aħna l-Maltin fejn jidħlu tradizzjoniiet u drawwiet li ġejjin mill-predeċessuri tagħna għandna ħabta li nitfgħu kollox fil-landa taż-żibel.  B'hekk naħseb li nħossuna nies tassew moderni, dejjem aġġornati u mirkubin fuq quddiem nett tal-karru tal-progress.

Ngħid għalija jien inħossni iktar kuntent kieku nipprattikaw il-kontinwità tal-kultura tagħna u ngħożżu s-simboli u l-ideat tan-nies li ġew qabilna u fl-istess ħin inġedduhom biex jaqblu mal-ħajja tagħna illum. Ħolm bil-ftajjar! Min jaf forsi xi darba jkun hemm minn jisfrutta l-idea tal-Qarinza għaż-żminijiet tagħna bħal ma sar bil-Qarċilla tal-karnival.

Fl-ewwel tas-sena, jien inħobb infakkar il-figura simbolika tal-Imlejka, s-sultana tan-natura, tal-istaġuni u taż-żmien, li minn xwejħa li tissimbolizza s-sena l-qadima tinbidel f'żagħżugħa sabiħa, allegorija tas-sena l-ġdida. L-Imlejka tinża' l-qadim u xxidd il-ġdid. Għal min ikun lest li jaħdem biex iqum fuq tiegħu u jinbidel għall-aħjar, l-Imlejka ġġiblu r-risq biex jirnexxi. L-Imlejka tgħaddi mit-toroq tagħna u żżur id-djar u fejn issib in-nadif u xxomm il-fwieħa tal-fjuri hija tħalli r-risq u fejn issib it-telqa u xxomm l-intiena tħall l-fell, jiġifieri risq ħażin.

Is-simboliżmu ngħixu bih u madwaru u m'hemm xejn ħażin f'li wieħed ipinġi kwadru u jirrakkonta storja li tarrikkixxi l-ħajja tiegħu. Kull kultura u reliġjon tħaddem dawn l-elementi ta' simboliżmu u metafora biex sseddaq il-għarfien kulturali, intellettwali u spiritwali fis-soċjetà tagħha.

Tiċċelebra kif tiċċelebra dan il-bidu importanti tas-sena... minn qiegħ qalbi nawguralek sena mill-isbaħ mimlija b'xewqat sbieħ li jsiru realtà.




Bajjadt fejn tfiet iż-żebgħa
naddaft fejn trabba' l-ħmieġ
stennejtek f'difet l-għodwa
għalik miftuħ il-bieb

Naddaft kull rokna f'dari
biex meta tiġi żżur
issibli biss l-indafa
u tfewwaħ bl-isbaħ fjur

Għaddejt dal-lejl bħal xwejħa
li togħtor u li tnin
mgħobbija b'sena sħiħa
bit-tajjeb u l-ħażin

Xwejħa li bl-għerf imżejna
li tirbaħ fuq iż-żmien
bil-wegħda li tiġġedded
fl-issa u fil-ġejjien

U tinża' dix-xjuħija
tinża' l-qadim taż-żmien
u tilbes l-arja friska
mibdula f'bint il-ġmiel

F'dal jum tas-sena l-ġdida
nagħliflek il-ħamiem
nindokralek il-qtates
ħbieb tiegħek fil-ħolqien

Jekk ngħoġbok b'dawn l-għemejjel
inħalli dan l-amment
li nħares in-natura
il-ħlejjaq u l-ambjent

U bħal kull sena ġdida
quddiemek dal-wegħdiet
biex nikseb tul is-sena
rebħiet minflok telfiet

W hekk meta tkun għaddejja
nistiednek tgħaddi ftit
ħa nxomm il-fwieħa tiegħek
li ġġib ir-risq u l-ġid.