31.12.12

Is-sena t-tajba... u l-għatba mbajda!





L-aħħar tas-sena. Ix-xiħa fil-għafja tal-mewt, tħarħar l-aħħar nifsjiet, il-jiem, is-sigħat, il-minuti... is-sekondi. Imma x-xjuħija tagħha hija biss qoxra li taqa'... libsa li tinża' biex tikxef xbejba tarja... l-Imlejka, is-sultana ħelwa tal-istaġuni... is-sena l-ġdida. Nifisha issa frisk, għajnejha ċari u jibbru bil-ħeġġa tal-ħajja. Passiha ħfief iħufu fuq wiċċ l-arloġġ mal-minutieri fl-ewwel mixja tagħhom lejn żmien ġdid fjamant. Jannar jiftħilha l-bieb u hi tgħaddi għal ġewwa. Id-dar tridha nadifa u tfuħ, imżejna bil-ward, imdawla u arjuża. Hekk tridha u meta ssib in-nadif u l-ward ifewwaħ, hija tħossha f'postha u milqugħa. U meta tħossha hekk iġġib ir-risq fid-dar u s-sena tkun mimlija ġid u barka.