21.7.05

Ic-Cirku Bertu Funtana 7

Il-kassett li rrekordjana fiċ-ċimiterju
Il-qoxra tal-kassett IL-ĦAJT li jikkritika lill-bniedem fuq id-diviżjoni li qed joħloq bejnu u bejn in-natura. Dan ġie rrekorjat filgħodu qalb is-siġar u l-veġitazzjoni selvaġġa taċ-ċimiterju abbandunat.
Il-kassett taż-żewġ serati fuq it-tarġiet ta' Santa Barbara. L-ewwel lejla fl-1982 tinkludi lill-Ħawħa u it-tieni lejla tinkludi lil Mr Jones u l-ħuh, żewġ Ġermaniżi li kienu qed jivvjaġġaw u waqfu għal xi jiem Malta. Huma nzertaw għaddejjin minn strada rjali u komplew magħna bid-daqq u l-kanzunetti tagħhom. L-isem li tajna l-kassett bil-Ġermaniż imkisser jindika li dik il-lejla konna mkeċċijin minn fuq it-taraġ mill-kuntistabbli 'Ejjaimxiċċaqlaq' kif fil-fatt jinstema fuq l-istess recording.
Fuq iċ-ċint.
Imkejjen sagri.


Iċ-ċint ta’ putirjal kien iservi fil-biċċa l-kbira bħala post fejn konna niltaqgħu peress li kien l-ewwel art meta wieħed jiżbarka minfuq tal-linja. Fuq iċ-ċint u madwaru kienu jigu diversi żgħażagħ imħarbtin minn kull rokna ta’ Malta u kien punt ta’ referenza għan-nies taċ-ċirku Bertu Funtana biex jisimgħu l-ewwel aħbarijiet jew fejn qiegħed it-tali, x’se nħawdu llum u fejn se nintefgħu il-lejla. Fuq iċ-ċint konna nitħalltu ma’ rockers oħrajn li ma nafuhomx u jekk il-karattru jikklikkja ma’ tagħna, naqra naqra jiskopru d-dinamiċità tal-grupp u jintlaqagħu b’id miftuħa. Iċ-ċirku Bertu Funtana ma’ kellux mexxejja dikjarati jew awtokratiċi u r-regoli applikati kienu biss dawk tas-selezzjoni naturali mingħajr ibbullijar. Per eżempju kien hemm ċerti individwi li l-kwalitajiet vjolenti tagħhom ma sabux appoġġ fil-grupp. Oħrajn li kienu jiddettaw u jridu li tgħaddi tagħhom sabu ħajt ma’ wiċċhom u eventwalment dabbru rashom.

Ir-Roj tal-gabbana l-ħamra ta’ fejn iċ-ċint (li kien fula maqsuma ma’ Buddy Holly), kellu salib oħxon bina. Il-gaj tagħna, ġuvintur u tfajliet bla sura kif konna nkunu libsin, x’aktarx li konna ngerxulu n-nies u nnaqsulu l-bejgħa bin-nofs. L-inbid ma konniex nixtruh minn għandu għax kien iġib biss ta’ Coleiro u aħjar daqqa ta’ kantun fuq moħħok milli ssofri l-effett ta’ dan l-alkohol li ma kienx denju jissejjaħ inbid. Tiskanta anki meta tgħix bl-għakkarija tagħżel l-aħjar. B’xi pakkett Twistees jew xi pasta tal-4ċ minn dawk ir-roża li kultant konna nixtru mingħandu, ma kienx se jimxi ‘l quddiem fin-negozju. Meta kien ikun hemm aħna fuq iċ-ċint, it-twejqa li kellu fuq dik in-naħa biex iservi lin-nies, rari kienet tara klijenti. Li ma kienx għaż-Żejża bar (il-gabbana tal-ħalib) fuq ix-xellug tiegħu, x’aktarx li ma kienx idawwar lira biex jgħix hu u jmantni ‘l-familtu.

Dan mhux għax konna xi nies ta’ qattgħni għalkemm kif semmejt qabel, kont tinzerta xi tnejn minn San Ġiljan li ġlieda kienu jikluha. Kont tarahom jixxenjaw kif tellgħu sa Tas-Sliema biex jifqgħu li xi Rockabillies (Teddy boys) tal-Ħamrun u kif ġabuhom kapuljat u lanqas wieħed li hu wieħed bin-nokklu m’għaddiha lixxa.

Jekk dawn kienu biss rakkonti irreċtati b’deskrizzjonijiet ta’ dmija u snien itiru u li forsi żarżru f’widnejn kull min kien għaddej minn hemm dak il-ħin, id-drama vera kienet għada se tibda. Hekk kif jasal is-Sid minn Ħal Safi, jaqbeż minfuq tal-linja u jeħodha bil-ġirja sa fejn iċ-ċint u f’qamsa waħda jtir għal wara ċ-ċint u jibqa’ nieżel għal isfel f’dak l-għoli kollu tal-foss ta’ Bieb il-Belt, b’dik it-twerziqa ddisprata li titfi għax-xejn. “Madonna!” In-nies li nzertaw jaraw dix-xena jibjadu bil-qatgħa, iċċassati quddiem iċ-ċint, imwaħxin kif żagħżugħ hekk teneru itemm ħajtu b’dal-mod ikrah f’suwiċidju. Pawsa li tiffiżalek demmek, imbagħad...imbagħad tidher id minn wara ċ-ċint tiggranfa u oħra tiġġebbed biex tilħaq ix-xquq, imbaghad ras u tqanziħa ta’ bniedem jissara biex jitla’ ma’ ħajt. U s-Sid jitfaċċa jixxabbat minn wara ċ-ċint u b’sieq wara oħra jmiss l-art quddiem koċċ nies miblugħin b’dak li raw. U sakemm tmurilhom id-dexgħa, bil-mod il-mod jirrealizzaw li waqgħu vittma ta’ ċajta goffa u mixgħufin ikompli għal xogħlhom. Id-dramm jispiċċa u aħna nfaqqgħu id-daħq u nogħxew. Is-Sid kollu mbissem u kuntent bir-riżultat li rnexxielu jillandja tajjeb fuq il-ħoġor moħbi wara ċ-ċint u li b’suċċess irnexxielu wkoll jaqta’ xi għaxar snin minn ħajjet dawk li tahom il-qatgħa. Ir-Roj tal-gabbana, isfar mewt irodd is-slaleb u jgħajjarna mġienen u jgħid lis-Sid li alla ħabbu li ma baqax nieżel għal isfel.

Minkejja li kważi kulħadd kien issa ittesserat mal-YMCA, il-funtana u l-postijiet partikulari taghna kienu għadhom jiġbduna lejhom bħal kalamita. Hemmhekk komplejna bit-tbaħrit tagħna bħaċ-ċuqlara tal-imgħoddi li kienu jżejnu t-toroq bil-għana u d-daqq. Trubaturi li ta’ żaqqhom f’fommhom iperrċu l-emozzjonijiet tagħhom fil-beraħ tal-pjazez u t-toroq. Bid-differenza kbira li lilna ħadd ma kien jiggustana u japplawdina. Forsi konna aktar nixbħu l-vagabondi mistħerrħin mis-soċjetà. Imma din kienet il-ħajja li fittixna. Mingħajr pretenzjonijiet u mingħajr pika, daqqejna fit-toroq. Bosta minnha u ninkludi lili nnifsi, tgħallimna l-kitarra mit-triq. Wieħed juri lill-ieħor x’jaf u ħallatna u qsamna flimkien l-esperjenzi tal-kordi fuq t-tastiera tal-kitarra. Dan ma jfissirx li sirna xi Jimmy Page jew Richie Blackmore. Kien hemm minn kien kapaċi iktar minn ħaddieħor imma jien ma niftakarx għira u pika li żammitna milli nesprimu ruħna liberament. U lanqas ma dħalna f’kompetizzjoni diretta ma’ klikka jew oħra. L-iskop f’dan l-istadju żagħżugħ ta’ ħajjitna ma kienx li nelevaw ruħna għal xi kategorija kolta imma kien propju li ngħixu il-mument f’dawk iċ-ċirkostanzi li ntasabna fihom. Inkonxjament konna nafu li sibna ruħna hemm f’dak il-post, ma’ dawk in-nies, f’dak iż-żmien u li tipprova kemm tipprova toħolqu ma jirnexxilhek qatt.

Il-kitarra ma hedietx mill-daqq fuq il-funtana tat-Tritoni. Fuq it-taraġ tal-knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika konna wkoll ninġabru indoqqu. Hemmhekk irrekordjana żewġ serati memrabbli li ġbarnihom f’kassett wieħed. Armati b’zewġ kitarri, ħarmonika, filfloppi u dak li ġie għal idejna, għaddejna l-lejla straight sal-bajd (b’xi eċċezzjonijiet) imma ibbażżjati bil-mużika u l-kant. Toni l-Ħawħa kien Rastaman, iffissat fuq Bob Marley. Il-Ħawħa kien wieħed mill-eċċezzjonijiet li semmejt għax xi naqra tlaħliħa Marsala ddur ġo moħħu kien ikollu. Bit-tappijiet tas-sufra fil-but tal-ġakketta tal-ġins biex iżomm amment ta’ kemm-il flixkun xorob matul il-ġurnata. Mhux għax kien jimportah wisq. Il-Ħawħa kien spettaklu waħdu, tih it-tappijiet tas-sufra fil-but, akkumpanjament tal-kitarra u udjenza u erħilu jaqsam lil kulħadd bid-daħq. Jekk tieqaf il-kitarra kien jintefa jtaptap idejh ma’ koxxtu u b’ħalqu jdoqqlok xi melodija bħall-Popcorn jew il-High Chaporal u jimita il-ħsejjes tal-blalen tat-table tennis. Fuq it-taraġ ta’ Santa Barbara filgħaxijiet fit-tard kienu jgħaddu minn quddiemna dawk li jkunu għadhom kif ħarġu miċ-Ċinema tal-Embassy, l-Ambassador, il-Ġawhra u l-Ġojjell. Paragunat ma’ xi film ta’ Hollywood, f’għajnejhom, id-divertiment tagħna kien jidher fjakk u medjokri. Kif tista’ tqabbel lil Ħawħa ma’ Clint Eastwood!

Kellna post ieħor li fih konna ninġabru għat-tbaħrit tagħna. Iċ-Ċimiterju abbandunat taħt Beltissebħ. Qalb l-oqbra u l-lapidi legligna u pejjipna fis-satra tal-ħitan għoljin u s-siġar t’hemm isfel, u kemm-il darba kkontemplajna fuq il-passaġġ bejn il-ħajja u l-mewt. Ir-ritwal tat-tipjip tal-ħaxixa flimkien mad-daqq, id-diskors taħt l-ilsien u x-xorb tal-għenba magħsura kien joħloq atmosfera spirtwali u jgħaqqadha f’ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-kummunjoni tagħna. Fiċ-ċimiterju irrekordjajna żewġ tapes. Wieħed li semmejnieh il-Ħajt fejn fih nikkritikaw lill-bniedem li jqis ruħu superejuri għall-ħolqien kollu tad-dinja u fejn bl-attitudni egositika tiegħu u l-istil modern tal-ħajja li qed jikkrea, qed jibni ħajt bejnu u bejn l-annimali u l-istess natura li żżommu ħaj. It-tieni kassett huwa sensiela ta’ kanzunetti spontanji u oħrajn magħrufin man-nies taċ-ċirku Bertu Funtana, xi wħud minnhom f’tentattiv biex inqajjmu l-mejtin (allegorikament, għall-ħajjin li qishom mejtin).






Tkompli



.............................

6 comments:

Anonymous said...

ostra x buzz! kemm nixtieq ma jiqfux dal bloggs!

l-istordut kroniku said...

Xi darba se jieqfu fre. Imma il-vera buzz jista' jkun 'il bogħod minn dawn il-paġni elettroniċi. X'hemm aqwa minn dak li hu ta' veru. Ibda oħloq it-tifkiriet minn issa.

Anonymous said...

Le naf, fhimt x'qed tghid.

Jien sempliciment niehu pjacir nkun naf il-passat taz-zghazagh maltin . Ma jfissirx li nikkuntenta ruhi b`saqsekk. Anzi,kultant vera nhoss li l-istejjer li tirrakonta int huma simili hafna ghall-kummiedji li naghmlu ahna.

Haga li ddejjaqni hafna fost shabi (mhux kollha) hija dik li aa jinteressawx ruhom fil-passat li wara kollox b xi mod jew iehor halla effett fuq il-mod ta kif igibu ruhom. min jaf kemm smajna dance music for depression fuq l istereo f paceville (fil-mid 90's! ijja sewwa qrajt... 90s!). Haga li qed taghmel tajjeb Reciprocal Records, forsi smajt biha (www.reciprocalrecords.com) hija li qed tipprova tohrog tracks minn dawk iz zminijiet ukoll, ghax thoss li dawk kienu zminiejit importanti ghax xena maltija. xi zmien ilu kellhom mp3 tas-Subverts,u issa ghamlu release tad diski tal-Abstrass ta dak iz zmien (jismu "Hard To Understand"

Erezija said...

dak ir-ritratt ta' alfie (fabri) klassiku...

interessanti d-deskrizzjoni tieghek tan-nies tac-cint. Meta bdejt nintefa' hemmhekk jiena (fin-93) kien sar hafna inqas innocenti.

l-istordut kroniku said...

Tajjeb fre kompli sejjer hekk. Dwar li sħabek ma jridux jaf bil-passat (malti) jista' jkun għax mhux disponibbli għalihom. Forsi huma inqas kurjużi u inkwiżittivi minnek. Dwar ir-recordings li qed tipprovas tiġbor ir-reciprocal records,naħseb li dan huwa pass pożittiv imma naġseb li hemm ħafna materjal li ma kienx irrekordjat professjonalment u għalhekk kollox irrid jerġa' jinħadem mill-bidu u naħseb li din hi biċċa xogħol enormi.

prosit erezija! għandek 10 punti talli qtajt minn kien il-persunaġġ bir-radu f'idejh. 20 punt jekk taqta' minn hu l-ieħor.
Apparti ċ-ċajt. Dwar iċ-ċint, fi żmienek il-karozzi privati bdew jieħdu post l-użu tal-linja. Infettħu iktar postijiet għad-divertiment taż-żgħażagħ f'irħula u bliet oħra. Ix-xena tar-rockers naħseb li naqset ukoll u barra minn hekk ir-Roj tal-gabbana l-hamra sar kapitalista u bil-mod il-mod kabbar biex illum ħa l-arja taċ-ċint kollha għalih.

Erezija said...

apparti l-affarijiet li qed issemmi, meta dhalt jien fix-xena kienet dahlet ukoll l-eroina, u mic-cint hlief sensiela ta' parati tragikomici ma rajtx...

il-persunagg l-iehor fir-ritratt ma nafx min hu