4.2.14

"Il-mard tad-dwejjaq biċ-ċajt biss jitfejjaq" - Charles Clews

F’għeluq il-ħames snin minn mewtu.

Jien kbirt fl-umoriżmu ta’ Charles Clews u l-bella kumpanija tiegħu fis-snin sebgħin u s-snin tmenin. Niftakarni mwaħħal mar-Redifusion u wara xi żmien, mar-radju, nisma’ ċ-ċajtiet u l-episodji ta’ Fredu Frendo Sghendo. Ma kontx irrid nitlef episodju wieħed anki meta kelli dawk is-sittax-il sena jew aktar. Iż-żmien tad-deheb ta’ Charles Clews madanakollu kien wara l-gwerra fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet bl-iStage Commandos u r-Radju Muskettieri jduru t-teatri tal-bliet u r-rħula. Jien kont għadni ma twelidx jew kont żgħir wisq biex niftakar dik il-mewġa ta’ talent umoristiku li kien qajjem Clews f’pajjiżna. Ċerti atturi komiċi bħal Nosi Ghirlando u Armando Urso lanqas biss għandi konoxxenza tagħhom u jekk xi ħadd jurini ritratt żgur li ma nagħrafhomx. Atturi oħrajn bħal Johnny Catania  u Johnny Navarro niktakarhom sewwa għax baqgħu għaddejjin sa żmieni, għalkemm tal-ewwel kien emigra u għamel xi żmien nieqes minn Malta imma kien kultant kien jiġi mill-Awstralja u jagħmel xi sketch fuq it-televiżjoni.

Missieri f’zgħożitu kien jixtri xi kotba u librett umoristiċi u anki gazzetti li kien ikun fihom iċ-ċajt u l-makkjetti. Dan kien lejn nofs is-snin sittin meta jien kont għadni daqsxejn ta’ qrempuċu. Niftakar li fis-snin sebgħin, kull nhar ta’ Ħadd, il-familja tagħna bir-razza u r-radika konna noħorġu flimkien fil-kampanja jew fejn il-baħar skont l-istaġun, u mhux darba jew tnejn missieri kien jiġbor lil kulħadd madwaru u jibda jkanta minn dawn il-makkjetti xi uħud minnhom miktuba minn Clews stess bħal Rożamari, It-Tewmi, Ħaduli Rasi u oħrajn. Jien u ħija ta’ tfal li konna ma domniex ma bdejna nitgħallmuhom aħna ukoll dawn il-makkjetti flimkien ma’ oħrajn li konna nsibu fil-libretti umoristiċi ta’ missieri. U mbagħad erħielna nirrextawhom quddiem il-kuġini u z-zijiet f’xi okkażjoni tal-Milied
















Silta mill-episodji radjofoniċi ta' Fredu Frendo Sghendo - kitba ta' Charles Clews
bit-talent komiku ta' Johnny Navarro.

Sa fejn naf jien ftit li xejn minn dawn il-makkjetti baqgħu jinstemgħu u naħseb li kieku ma kienx għal Clews innifsu li ħareġ diska kumpatta lejn l-aħħar tas-snin disgħin, b’xi makkjetti li hu reġa’ interpretaha, li kieku illum ma kien ikollna xejn f’idejna mill-għexieren ta’ makkjetti li ħarġu fl-imgħoddi.

Clews kien ħareġ xi diski umoristiċi li kont nisma’ fuq ir-Redifusion meta jien kont għadni tifel u kont nogħxa nismagħhom. Daħħluli f’moħħi u għadni niftakar biċċiet minnhom sal-lum. Kien hemm Sparaw għal Qamar u Xemx jew Qamar (din tal-aħħar miniex ċert jekk kinitx ta' Clews.). Tal-ewwel (fil-verżjoni oriġinali) Clews kien inkludiha fuq is-CD tiegħu li semmejt aktar ‘l fuq u tat-tieni ma nstemgħetx aktar.

Jekk tqalleb l-internet kollu, qajla ssib waħda minn dawn il-makkjetti jew xi awdjo mill-isketches antiki tal-iStage Comondos jew tar-Radju Muskettieri. L-istess jgħodd għal ritratti u tagħrif dwar dawn it-truppi  divertenti. Hija ħasra kbira li m’għandniex rikordju aċċessibbli ta’ din il-ġenerazzjoni komika li ferrħet u paxxiet eluf ta’ Maltin għal għexur ta’ snin. It-tifkira ta’ dawn il-komiċi ser tmut mal-memorja tal-istess ġenerazzjoni li għexet dak iż-żmien ta’ wara l-gwerra.





















Il-biografija ta' Charles Clews 2012

Madankollu, fuq nota pożittiva, ma nistax ma nsemmix il-ktieb li ħareġ dan l-aħħar,  dwar il-ħajja ta’ Charles Clews miktub minn Anne Marie Bonnici, pubblikazzjoni ta’ Klabb Kotba Maltin. Huwa ktieb li jiġbor fih għad ta’ tifkiriet u ritratti mill-karriera twila ta’ Clews bħala umorista kbir u ewlieni fil-gżejjer Maltin. Huwa xogħol tajjeb ħafna u għandu jservi għal iktar riċerka fil-futur dwar it-talent u l-kontribut kbir li ta Clews flimkien ma’ sħabu li isimihom ukoll nittama li jibqa’ miftakar mill-ġenerazzjonijiet futuri.



Dan hu xi kliem tad-diska umoristika Xemx jew Qamar (din kienet tindaqq fuq ir-Redifusion fis-snin 70. Ilni żmien twil ma nismagħha) 

Nota ċkejkna: Grazzi lis-sur Joseph M. Scicluna talli fakkarli l-kliem tal-ewwel strofa u l-aħħar vers tal-ewwel strofa. Napprezza jekk ikun hawn xi ħadd li jgħidli min kiteb il-kliem, il-mużika u min kantaha.

Xemx Jew Qamar

Kienet lejla kollha dalma
Tabilħaqq lejla xitwija
Meta ħarġu Peppi u Luqa
Mill-ħanut żaqqhom bettija
U jixxenglu labranzetta
Qishom dgħajjes fil-grigal
Kienu waslu f’nofs tar-raħal
X’ħin lil Luqa Peppi qal
“Ara xbin, kemm sar ħin”
Dilann dinn bumm!

Kor:
Minn dawk id-dlamijiet
Imferrxa mas-smewwiet
Kien tfaċċa qamar bħal fanal
Li mela s-sema kollu
Ilwien u dwal

U peppi għajjat
“Suq! Ix-xemx bdiet tielgħa ‘l fuq!
Skorrielna l-ħin tat-tluq
u jekk ma nħabirkux
Negozju ma nagħmlux”.

Luqa bexxaq għajnu waħda
Qal lil Peppi “Ħaġa kbira,
biex ‘qas tagħraf xemx minn qamar,
Tabilħaqq li rasek fqira”

Għadda raġel,
Staqsew lilu
“Dak id-dawl li qed naraw,
Hix ix-xemx
Jonkella l-qamar?”
Qallhom “Ħej! Miniex minn hawn.
Qmura u Xmux, tistaqsux!”

Dilann dinn bumm!


Kor: ....