30.11.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p14

X'ġara s'issa:

Il-Venerabbli Gonzo kien inkazzat minħabba li l-popolarita' tiegħu kienet nieżla ġmielha. Għalhekk ried jikkarga l-faħma ta' moħħu biex jiġuh iktar ideat u viżjonijiet għall-pajjiż. Joe Babun iċ-Ċaċċarun u s-segretarju leali tiegħu, ipprova jgħinu billi jtellgħu fuq il-bejt tal-kwartieri ċentrali msejħin it-TermosLampaSpiritiera, biex jagħti kargatura lill-faħma permezz tax-xemx t' Alla. Sakemm kien qed ixemmex moħħu, qagħad jissendika lill-għafrit tal-bini aħmar infernali u rah ikewwes taħlita ta' bżieq l-għoġġieba u semm is-sriep u biha jinbidel zoptu f'Super Sant. Gonzo allarma ruħu u twerwer għax il-lejber għalih kien agħar mill-virus qerriedi tal-imxija tat-tjur.

Fix-xena mbagħad jidħol Ġanni Ħanex, bniedem insinifikanti li tilef ħobżu mill-fabbrika tal-qliezet ta' taħt tan-nisa fejn kien ilu jaħdem xi 15-il sena. Dan ġara għaliex il-ministru tal-Eċċellenza u t-Testikoloġija, OSTINAT kien beda jinforza r-ristrutturar mitlub mid-dinja moderna u globalizzata. Ġanni Ħanex ma nstabx tajjeb biex jinnavika fit-tongi, il-prodott ġdid state of the art tal-fabbrika BSORMA. Għaddewh mill-għarbiel tal-ETC u weħel u sab ruħu jinkines 'l hawn u 'l hinn mingħajr għaxja ta' lejla.

Sadanittant daħlet Priċċilla Vella Perċiċċi bħala konsulenta mal-Venerabbli u swietlu bagatella ewri tant li reġa' rrikorra għall-faħma ta' moħħu biex isolvi l-problema finanzjarja. Fost l-iktar ideat skabrużi mimlijin budebbus, ġietu waħda brillanti li jqaħħab lis-serva Melita.


Segwi skond in-nri. tal-paġni. Ikklikkjaha biex tkabbarha.

8.11.06

Xbihat



Bil-qiegħed madwar il-mejda, iltqajna erbat iħbieb niċċaċċraw bejnietna u nagħmlu festa żgħira biex niċċelebraw din it-transizzjoni bejn il-ħajja u l-mewt. Fil-lok fejn inġbarna kienu jdawruna ħitan għoljin, mini u passaġġi dojoq u wesgħin. Leħinna kien jidwi xi ftit u jitħallat mal-ħsejjes taċ-ċekċik tal-platti u t-tazzi. Minn moħħi għaddew xeni li mhux la kemm niddiskrivihom u erfajthom għalija biss mingħajr ma qsamthom ma ħadd.

L-atmosfera ma kinitx waħda dgħumija minkejja l-irjus tal-mewt u d-drapp iswed imqiegħed bħala tiżjin fil-bitħa, fejn konna miġburin. Kulħadd kien qed ipennet il-meraq tal-ħajja mill-buqari u jitkellem. Bil-qiegħda f’ras il-mejda kien hemm tfajla li m’għaraftx minn kienet u t-taħrik t’għajnejha u ta’ fommha affaxxinani tant li, qabditni nħarsilha xi darbtejn. Il-meraq li kelli fit-tazza mħallat bix-xorb kien qed jinżilli għasel u bih f’rasi, id-dawl tal-qamar kien donnu qed jilgħab quddiemi bil-forom u l-lwien. Ħallejthom, ma rreżistejthomx dawn il-viżjonijiet strambi u pjaċevoli.

L-ikel kien għadu ma bediex jitqassam. Instema’ bħal distorbju ġej minn barra u ġliba nies daħlet fil-bitħa titkellem u tghajjat u wieħed minnhom li x’aktarx kien Kurt, kien liebes ta’ fratell u beda jġerri fuq karru, ġirandla mogħla bniedem. Hekk kif ħsibt jien, kienu l-gaj ta’ Kurt li kien għadhom kif waslu għall-ikla. Kien hemm xi ftit tad-daħk u tal-briju kif iħobbu jagħmlu hu u sħabu imma dlonk ħemed kollox mad-daqq ħlejju tal-flejguta.

Għajnejja reġgħu waqgħu fuq it-tfajla bil-qiegħda f’ras il-mejda u din issa kienet qamet u marret titħallat ma’ dik il-balla nies li kienet għadha kif daħlet. Il-mod ta’ kif imxiet, kif meddet kull pass b’riġlejha....kif ħarket il-libsa mal-muviment ta’ ġisimha....kompla jimlini bil-kurżità għal din it-tfajla. Qomt jien ukoll u ersaqt lejn il-ġirandla tal-imwiet li kellha l-forma ta’ piramida. Imwaħħlin magħha kien hemm ritratti ħelwin ta’ nies li ħallewna, ta’ ħbiebna u qraba li konna nafu sewwa. Santi u tifkitiet tagħhom imwaħħlin bit-tejp mill-ponta sad-djul. Kien hemm anki stampi ta’ Bob Marley u John Lennon u l-Vixie il-kelba ta’ Jason li mietet xahar ilu.

Madwar il-ġirandla daru erba’ min-nies iħarsu lejn ir-ritratti u jaqraw il-kliem li kien hemm miktub fuqha bil-marker iswed. “Sieħbi Jesmond ma ninsik qatt” u ritratt tiegħu mal-karozza mini minor li kellu, “Fil-memorja tagħna Dorianne tibqa’ għal dejjem” ritratt tagħha fil-Germanja b’wiċċ sbejjaħ u jitbissem, “Everything’s gonna be alright, Marley” stampa ta’ rastafari bil-kitarra, “Raymond fis-sliem” u ritratt tiegħu bis-sigarrett f’ħalqu, “Adam kien haw” fotokopja ta’ ritratt tiegħu bil-malja fis-sajf, “O Diane, dak kien żmien” santa tal-mejtin bir-ritratt tagħha ferħana wiċċha għad-dawl, “Għal oħti Valerie...nimmissjawk ħafna” fotokopja ta’ ritratt meħud fil-kunċert tal-Unexplained, “Il-Buħaġġ, wieħed kien hawn bħalek” ritratt tiegħu fuq il-mutur, “Kapo Phil” ritratt tal-passaport mehmuż fuq manuskritt tal-mużika li kien iħobb jikteb.

Il-flejguta kompliet iddoqq u t-tfajla ta’ ras il-mejda issa bdiet tikteb fuq il-ġirandla l-kliem “Min ma jkellmekx tkellmux.” Tgħid għalija kitbitha din? Issa li kont hekk qrib tagħha stajt inxomm il-fwieħa tagħha bħal balmzu ħelu li daħal f’imnifsejja. Jew din kienet ir-riħa tal-inċensier imwaħħal fil-ponta tal-ġirandla? Hekk kif kont qed inħares lejn il-ħajta duħħan mill-inċens tielgħa dritta dritta u titferrex mar-riħ, għalgħarrieda nsib wiċċha ma’ wiċċi meta daret f’daqqa minn dak li kienet qed tagħmel. Ma nafx x’ħassejt f’dan il-waqt, ma nafx x’rajt, xbihat imħawwda ġo rasi. U wiċċha, wiċċha sammarni mal-art. Ħaqq għaż-żikk, kelli ċ-ċans...fottejtu! Għadni ‘qas bdejt nixrob u ġa stordejt. Ħaqq għal bagħla! Stajt kellimtha u żammli lsieni. Kemm jien tan-nejk!

Iddeċidejt li aħjar immur nitkellem ma’ sħabi biex forsi niġi f’sikkti. Jew forsi nieħu pinta oħra meraq. X’ala biebi, illum hawn u għada m’aħniex. Din il-ġirandla ta’ quddiemi tixhed propju din il-filosofija. Sieħbi Wenzu tfaċċa bil-buqar tal-meraq f’idu u rajtu anġlu bellu. Ċekċikna t-tazzi u parlajna ftit fuq ix-xogħol u kont inħlist daqsxejn minn dik il-kurżità qawwija li kienet ħakmitni imma xorta waqajt biex insaqsi l-Wenzu kienx jaf min kienet dik it-tfajla.

“Xi tfajla?” saqsieni.
“Dik” għidtlu “dik liebsa l-blu”
“Il-mara l-kaħla tal-Verdala?” qalli biex jitnejjek.
“U dik” u dort biex nurihielu b’ċaqlieqa b' rasi imma ma rajthiex. “Naħseb li marret sal-kamra l-baxxa” għidtlu u komplejna nitħaddtu filwaqt li għajnejja kienu l-ħin kollu jgħarrxu biex jilmħu lit-tfajla ta’ ras il-mejda.

Imma ħarsti nsterqet minn dawl leħħien u ilsna tan-nar li kienu ġejjin mill-maġmar fin-nofs tal-bitħa. Il-maġmar li biex niftehmu kien bħal skutella ċatta tal-metall kellu fih ħuġġieġa nar taqbad u wiċċ il-Palajr li kien qed iqabbadha deher sfigurat u mxajtan bil-ħmura u s-swidija tal-kuluri li kienu ħerġin minnu. Wara l-Palajr kien hemm Willy il-Buda li kien għadu jdoqq il-flejguta. Il-ġmiel u s-seħer ta’ melodija li kien ħiereġ minn dak l-istrument, m’għandix kliem għalih. Ix-xorb f’rasi, il-għożża tal-kumpanija ta’ ħbiebi, id-dehra tat-tfajla liebsa blu, il-mużika u r-rwejjaħ kienu qed iduri miegħi bħal tromba spirti u ħassejtni nieżel f’vortiċi f’qigħan id-dinja imbagħad imtella’ lura u mgħolli fis-sema iswed mal-qamar ifar mewt. Dawn il-viżjonijiet donnhom kienu rebħuni u ma kelli ebda kontroll iżjed fuqhom.

Il-Palajr beda jgħanni.

“Ġejtu lkoll għall-għid
Ġejtu lkoll għall-festa
Ersqu, ersqu
Il-mejda bl-ikel lesta

Nibdew għax iż-żmien jagħfas
U lilna lkoll jiddetta
Poġġu, poġġu
U ifirxu s-sarvetta

Ftakru fl-għeżież tagħkom
Li darba kielu magħkom
Ftakru fil-ġrajjiet sbieħ
U offruhom għall-erwieħ.”

In-nar fil-maġmar majna ftit ftit u kien baqa biss il-ġamar. Xi wħud qabdu l-weraq taż-żebbuġ niexef li kien hemm f’reċipjent maġenb il-Palajr u bdew jitfgħuh fil-maġmar. L-arja tbaħħret bil-fwieħa u fetħitilna l-aptit biex nieklu. Imbagħad nota ħelwa minn tal-flejguta u għaddiet fewġa minn quddiemi ifweħ mill-bħur tal-weraq taż-żebbuġ. Kienet it-tfajla ta’ ras il-mejda bil-libsa kaħla tagħha tperper ħafifa bħal bandiera tal-ħarir. Sakemm jien qgħadt bil-qiegħda, rajtha tixħet werqa taż-żebbuġ fil-maġmar. Xi grazzja kellha f’idha. Kull muviment li tagħmel qisha qed tpitter kwadru. Il-Palajr kompla jgħanni:

"Werqa werqa taż-żebbuġ
Tinħaraq fuq il-ġamar
Hekk il-ħajja tal-maħluq
Minn nieqa għal gol-qabar"

Bil-qiegħda fil-post fejn kont qabel, erġajt intfajt inparla ma’ Ġużi fuq it-temp u d-dinja. Il-kaldarun tal-erwieħ issa kien fin-nofs tal-mejda u Stephen beda jqassam il-minestra bil-kuċċarun. Naqra ministra tagħqad fuq id-difrejn. Kulħadd belagħha u ħa qalba kuċċarun oħra minnha. Inleflef il-minestra kif kont u ngerrem il-ħobż mixwi b’tifkira tat-telfa ta’ dawk għeżież tagħna, ma ntbaħtx li l-mistednin kienu qed jiżdiedu. Kien mingħalija li konna se nkunu xi ħmistax-il ruħ imma f’daqqa waħda donnhom irduppjaw. Il-mejda kienet iffullata imma donnu kulħadd kien komdu jiekol il-minestra. L-attenzjoni tiegħi kienet maqsuma bejn id-diskors ma’ ħbiebi u t-tfajla f’ras il-mejda li xi ħarsa misruqa lejha ma naqsitx. Imma issa kien hemm qabda rjus qed jgħattuli l-vista u bdejt niddejjaq. Kien hemm Raymond b’rasu tielgħa u nieżla ma’ kull mgħarfa minestra li jtella’ mill-platt. Kien hemm Valerie b’qoffa xagħar f’rasha li bdiet tgħattili tliet kwarti tal-veduta. Kien hemm Jesmond li biex jitkellem beda jxejjer idejh kważi ma’ wiċċi. Kien hemm Phil ixejjer manuskritt f’idu...kien hemm il-Buħaġġ....stenna naqra.....kif jista’ jkun....dawn huma dawk li għandhom wiċċhom imwaħħal mal-ġirandla....dawn ħbiebna u niesna...iva dawn huma Raymond, Valerie, Jesmond u l-oħrajn kollha li hemm fuq il-ġirandla.....li hemm isimhom miktub....li...li mietu...li qegħdin hawn....fuq il-mejda....jieklu....magħna.

Inqum maħsud minn fuq is-siġġu u nħares dawra madwari. X’inhuma dawn il-viżjonijiet, x’inhi dil-konfużjoni f’rasi? Bilfors l-inbid, jew l-inċens li qed jagħmilli hekk. Dak il-ħin daħna inċens bħal tas-sigarretti tidħol f’imnifsejja x’ħin innul għal flixkun inbid lejn in-naħa l-oħra tal-mejda. Inferra' fit-tazza tiegħi u noffri wkoll lil ta’ quddiemi, raġel xuxan imberfel bis-sigarrett f’ħalqu. Kien qisu Bob Marley. Aċċetta u għolla t-tazza biex inferragħlu. Ħarist f’għajnejh. Hu ħares f’għajnejja. Qalbi għamlet tikk. Dan.....hu.....Bob Marley. Il-lalla...Bob Marley tassew!

Ħassejtni mherwel, iddisturbat, imma ma kellix għalbiex inkun hekk. Kollox kien jidher...normali. Kulħadd kien qed jitkellem qisu xejn mhu xejn. Kien hemm l-atmosfera ta’ festa, ta’ ferħ, ta’ għaqda.

Ridt kieku mmur niftaħ qalbi ma’ ħabib, ma’ Wenzu forsi jew Salvu jew Ġużi. Imma huma kienu qed jaraw l-istess affarijiet bħali? Donnha m’effettwathom xejn din il-ħaġa. Kienu qed iparlaw ma’ l-oħrajn...mal-mejtin qishom mhumiex huma. Jekk niftaħ ħalqi magħhom naqa’ għaċ-ċajt. Tgħid hawn.... kulħadd ħaj.... jew ....kulħadd mejjet?

Legligt it-tazzi tal-inbid qisni qed nixrob l-ilma. U bdejt nikkalma bil-mod il-mod. Ipassiġġajt ftit fil-mgħodijiet tal-post u ħriġt u erġajt dħalt. Pejjipt sigarrett. Xrobt iktar inbid. Iva, issa kont kalm u mxejt lejn il-mejda. Il-ħamba tal-ilħna ferrieħa tan-nies madwar il-mejda bdiet iżżid f’widnejja sa ma mblajt lura fil-folla u erġajt sirt parti minnha.

Minn quddiemi mill-ġdid għaddiet it-tfajla ta’ ras il-mejda, bħal fewġa ta’ fwieħa xarbet lill-wiċċi u mlietli sensija. Għamilt il-qalb u mort biex din id-darba nkellimha żġur. Qrobt lejha u issa kienet dahra lejja tferra' l-inbid fit-tazza tagħha. Dak ilbiesha saħħari b’eleganza bla tarf. Kaħla, donnha biċċa mis-sema, donna l-qiegħ tal-Meditterran. Issa ersaqt kważi mmiss magħha u b’leħen sod kemm stajt għidtilha, “baqa' xi qatra nbid għalija?”

Kliemi ma ħasadhiex, anzi baqgħet tferra' kif kienet. Iżda mbagħad daret bil-lajma lejja u bżajt li se jiġrili bħall-ewwel meta ġejt wiċċ imb wiċċ magħha u niffriża quddiemha u nitwerwer. Imma issa le....imma issa le. Kif dawret rasha minn wara dik ix-xuxa sewda mimxuta lura u mitluqa bħal siparju tal-aqwa teatru, feġġew par għajnejn suwed dalma, fil-ħofra, wiċċha mgħaddam bħal ras ta’ skeletru, snienha beraħ bla xofftejn u bla imnieħer. Nifisha tosku ħassejtu jaħbat ma’ wiċċi. Ma kinitx maskra. Kienet hi, kollha kemm hi....Ċensa....Ċensa l-mewt.
Kelli biex nibża’ u nitwaħħax imma bqajt sielem u sieber quddiemha. Imbagħad hi qaltli, “Min ma jkellmekx, tkellmux”.

Allura, reġa’ bdieli u la ridt mill-inbid tagħha u lanqas ma ridt inkellimha. U dawwart denbi lejn il-mejda fejn kont qabel. Lura għad-diskussjoni ma’ Ġużi, Raymond Valerie u l-oħrajn...il-mejtin u l-ħajjin.

Ftit lil hinn minni mdendlin mal-ħbula kien hemm fanali tal-karti fil-forma ta’ fratelli. Ġo kull wieħed minnhom kien hemm xemgħa tnemnem u biż-żiffa riħ li qamet kienu qed jitbandlu qajla qajl. Stħajjilthom fratelli ta’ veru, f’purċissjoni sejrin jassistu mal-ikkundannat għall-mewt. It-toqob t’għajnejhom jixgħelu fid-dalma tal-lejl.

U fin-nofs tal-mejda, issa nħarġet il-ħanżira mixwija l-forn. Laħamha tari u jqarmeċ bil-qoxra. Vittma taċ-ċelebrazzjoni tagħna. Il-platti mtlew bil-laħam u l-patata. It-tazzi tfawru bl-inbid u l-arja kienet sfiqa bil-kliem u d-daħk. Il-lejla kienet waħda ta’ ferħ u għaqda u lkoll konna kuntenti.....kuntenti li għadna ħajjin.



21.10.06


Il-Għid tal-Erwieħ
Xi ftit tagħrif

Bħal ġnus oħra, il-Maltin ukoll juru rispett kbir lejn il-mejtin tagħhom. Huma kienu u għadhom jemmnu li kull bniedem għandu ruħ li ma tintemmx miegħu f’qabru. Għalhekk sa mill-qedem, il-Maltin kellhom drawwiet u festi biex jiċċelebraw il-kontinwità tal-eżistenza spiritwali tan-nieshom li ħallew din id-dinja.

L-ikla
L-ewwel insara kienu jħejju ikla u ċelebrazzjoni fid-dwiemes fejn kienu jidfnu l-għeżież tagħhom.

“L-erwieħ jifirxu s-sarvetta”
Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ ta’ qrabatna jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin, għalhekk kienu jifirxu is-sarvetta għall-għotjiet tal-ħajjin. F’dan il-jum il-Maltin kienu jkunu ġenerużi mal-foqra.

Il-borma tal-ħaxix
F’dan il-jum xi patrijiet jew individwi, kienu jħejju borma kbira fit-toroq tal-bliet u r-rħula u fiha kulħadd kien jixħet xi ftit ħaxix milli jkollu d-dar biex imbagħad titqiegħed fuq il-ħatab jaqbad u jagħmlu minnha xi minestra tajba. Din ukoll kienet tkun għal foqra.

Il-Ħanżira tal-Erwieħ
Kien hemm ukoll id-drawwa li minn xi żmien qabel il-festa, xi ħadd jitlaq ħanżira tiġġerra mat-toroq bil-ġaras (qanpiena) ma’ għonqha biex meta timxi tinstema’ u għalhekk tintema’ min-nies kull darba li tgħaddi minn quddiem darhom. Il-ħażira kienet tismen bl-ikel mbagħad fil-għid tal-erwieħ kienu joqtluha u jsajruha biex minnha jieklu l-foqra. Għalhekk imqarr darba f’sena dawn l-imsejkna kienu jduqu biċċa laħam.

L-erwieħ tal-purgatorju
F’xi inħawi madwar Malta fejn hemm jew kien hemm xi ċimiterju, wieħed isib statwi minquxin fil-ġebel ta’ ruħ jew erwieħ qalb l-ilsna tan-nar. Dawn l-istatwi fuq il-ħitan ifakkruna fl-erwieħ tal-purgatorju u għalhekk ifakkru lil min ikun għaddej min hemm biex igedwed xi talba għall-bżonnijiet tagħhom.


L-erwieħ tal-ikkundannati
Il-Maltin, speċjalment in-nisa twajbin, kienu juru ċerta devozzjoni lejn l-erwieħ ta’ dawk li kienu ikkundannati għall-forka. Huma kienu jemmnu li l-erwieħ penitenti tal-ikkundannati kienu jaqilgħu il-grazzji. Ninu Xkora, li ħafna jemmnu li kien innoċenti, ingħatata l-forka ftit jiem qabel l-għid tal-erwieħ. Dwar Ninu Xkora hemm għajdut li kien fetaħ il-kanċell taċ-ċimiterju lil waħda mara li marret iżżur il-qabar tiegħu stess.


Ir-rużarjanti kienu fraternità li jiġbru l-flus għall-qraba tal-ikkundannnati filwaqt li jħeġġu lin-nies biex jitolbu għar-ruħ dawk iġġustizzjati bil-forka. Huma kienu jilbsu bħall-fratelli jiġifieri jilbsu ċoqqa bajda u jgħattu wiċċhom b’kappun abjad bit-toqob għall-għajnejn biss. Kienu joħorġu fit-toroq u jduru bieb bieb b’xi bott f’idejhom. Id-dehra tagħhom libsin l-abjad u b’wiċċhom mgħotti kienet tnissel fi qlub in-nies ċertu misteru, biża’ u ħniena.

L-għadam tal-ħelu
Fix-xahar ta’ Novembru sewwasew minn l-Għid tal-Erwieħ ‘il hemm, fid-djar kienu jippreparaw l-għadam tal-ħelu biex jiftakru fil-mejtin. L-għadam tal-ħelu jinħadem bħall-figolla imma fil-forma ta’ għadma. Xi dulċiera għadhom sal-lum jagħmlu dan l-għadam tal-ħelu.



In-naħa l-oħra tal-munita
Filwaqt li xi wħud kienu jgħożżu t-2 ta’ Novembru bħala jum ta’ rispett lejn dawk li darba għexu f’dan il-wied tad-dmugħ, oħrajn kienu jintasbu fuq xi għatba jirrankontaw l-istejjer tal-iħirsa u tal-uħux. Għax kien hemm min jgħid li ma’ l-erwieħ it-tajbin joħorġu wkoll l-erwieħ il-ħżiena . Mill-qigħan tal-infern joħorġu x-xjaten. Mill-moħbiet tagħhom joħorġu s-sħaħar u n-nies koroh jew tas-setta. Minn taħt l-art l-għewiel u l-uħux. Mill-oqbra l-iskeletri u iġsma bla ruħ mexjin ndlaj ndlaj fid-dawl tal-qamar. Spettri mitlufa, min sejjer għal xi ħażen u min sejjer għal xi għors.

It-2 ta’ Novembru illum
Se nagħmlu ikla biex infakkru dawn id-drawwiet ikkuluriti.

L-ikla:

­­­­­Minestra bil-ħobż mixwi.
Majjal mixwi servut bil-patata l-forn u ħaxix
Xorb: Meraq tal-ħajja (Larinġ tad-demm, inbid u aniżett)
Deżerta : Għadam tal-ħelu

12.9.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p13



2.8.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p12

21.6.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p11

12.5.06

L-Għanja tal-Poplu 2006

L-għanja tal-Poplu huwa festival tal-kanzunetta Maltija. Illum huwa l-unika festival li għadu jinżamm fuq skala nazzjonali u li jiċċelebra l-idjoma ta’ poplu li kiber fid-dell ta’ kulturi ġganti. Qatt ma naf li smajt lil xi ħadd jirrakkonta l-istorja ta’ l-iżvilupp ta’ din il-forma ta’ espressjoni. Anqas ma naf li teżisti fil-kitba. Naħseb li tkun storja siewja biex wieħed jara kif għanjet il-poplu kienet manifestata matul iż-żminijiet. Kinitx l-Imnarja waħda mill-okkażjonijiet li ġabret l-għannejja flimkien biex juru ħilthom u jiddevertu l-poplu? Meta daħlet sew il-kanzunett Taljan fostna, kien hemm festival li ma niftakarx x’kien jismu u lanqas ma naf kemm dam isir. X’sar minnhom dawk il-kanzunetti maltin? ”Madonina” naf li kienet waħda minn dawn. ”Sparaw għall-Qamar” ta’ Charles Clews, din kienet oħra minnhom tgħid? Hemm xi ħadd li kkompila l-aħjar kanzunetti ta’ dak iż-żmien u ħariġhom fuq diska?
Fi żmieni niftakar il-festival Internazzjonali tal-kanzunetta Maltija. Ta’ dan għandi d-diski kollha imma llum minħabba s-cds dawn mhumiex disposti għall-preżentaturi fuq ir-radju. Imma qabel dan il-festival il-għaqda YTC diġa kienet bdiet tgħaqqad il-kantanti, il-mużikanti u l-awturi flimkien biex fuq palk jippreżentaw il-festival tagħhom. Fis-70ijiet din l-għaqda taż-żgħażagħ kienet diġa ipproduċiet l-album u l-preżentazzjoni televiżiva tiegħu ”Ikun li trid int”. Wara imbagħad ħarġu ġabra ta’ kanzunetti għall-Milied bl-isem ta’”Kartolina”. Imma l-festival tagħhom minkejja li kien żgħir, ma qata’ xejn u sena wara oħra kompla jżid fl-attendenza tal-pubbliku u iktar u iktar fil-popolarita’ fost il-kantanti u kantawturi, daqqaqa u awturi, tant li minn sala ta’ skola bdew imorru fil-lukanda Phoenicia imbagħad fit-teatru tal-Universita.

Sadanittant il-festival Internazzjonali tal-kanzunetta Maltija nferaq fi tnejn, wieħed minnhom ”il-kanzunetta għall-Ewropa” u l-ieħor ”il-festival tal-kanzunetta Maltija”. Dan tal-aħħar tħalla jmut imġewwaħ biex inżaqq l-ieħor. Jien f’dan ta’ l-aħħar tlift kull interess għax ma nħossx li għadu jappella għalija. B’xorti tajba l-għanja tal-poplu, minkejja li hu wild għaqda volontarja, xorta kampa mal-isfidi finanzjarji u kiber f’festival denju li jirrappreżenta poplu uniku, il-poplu Malti.
F’dinja globalizzata u f’Malta fejn il-biċċa l-kbira tal-poplu huwa sponża għal dak li hu aljen, nifhem li mhux ħafna japprezzaw dan il-festival għal raġunijiet varji. Għalija huwa s-San Remo ta’ Malta f'dik li hi espressjoni lokali, u għalkemm ma tantx inħobb noqgħod quddiem il-kaxxa, għada hemm issibuni, quddiemha, nitpaxxa, nitmeżmeż, nidħak u nemozjona ruħi bil-lirika u l-melodija. Is-sabiħ tal-festival ”L-Għanja tal-Poplu” hu li għandu temi mħawrin bil-kummenti soċjali, imħabba u umoriżmu. Min għadu mhux midħla ta’ dan il-festival inħajru jttawwallu għada s-Sibt 13 ta’ Mejju 2006, fuq TVM f’xi ħin filgħaxija.
Ħaġa waħda żgur li se ddejjaqni fl-Għanja tal-Poplu u din hi il-kompetizzjoni li fl-aħħar trebbaħ lil xi kantant jew ieħor. Jien inħoss li l-arti m’għandhiex titqiegħed f’kompetizzjoni ta’ rebħ jew telf. Din hi xi ħaġa li jkolli nissaporti, mhux għax ma nistax nitfilu fl-aħħar u mmur norqod, u probabbilment hekk nagħmel, imma għax persważ li xi wħud mill-kanzunetti nkitbu u se jkun preżentati f’dan is-sens kompetittiv li narah jixraq iktar lill-isport milli lill-arti.
Insomma fi żgur se ngħoxa nisma’ lil Walter Micallef bil-kanzunetta l-ġdida tiegħu u jekk tippermettuli, ħalluni ndewwaqkom biss il-kliem tagħha. Il-mużika tisimgħuha għada.

'Il Malta

Kliem u mużika ta’ Walter Micallef

‘L Malta fottewha xi kuntratturi
Xi politikanti mingħajr valuri
U fuq qabarha poġġewlha bukett fjuri.
Bl-istaletti, bħal tad-Duluri.

‘L Malta fottewha u mingħajr ħniena.
Stuprawha u ħallewa għarwiena.
W aktar minn hekk, ma wrew l-ebda ndiema.
U nstemgħet mota minn tal-qampiena.

‘L Malta fottewha u l-lum mitluqa.
Bħal prostituta, u kull min għex minn fuqha
Baqgħu siekta u b’fommhom magħluqa.
U ttiegħem morra x’ħin idduqha.

‘L Malta fottewha u t-tfal batew
Ġungla tal-konkos bnew fuq li bnew.
Tant li post fejn jilgħabu mank ħallew
‘Mma huma stgħanew, u kemm stgħanew.

Malta fottewha w għalxejn nibkuha
Għaliex kull deċiżjoni diġa ħaduha
U ngħid xi ngħid żgur li mhux sejrin jibdluha.
‘L Malta fottewha u għalxejn nibkuha.

Malta fottewha ma ħallewliex ħdura
Donnu bil-ħsieb kulħadd ittraskura
Ħadd ma qal xejn u lkoll żammejna pass lura
U l-lum trid tgħarrex biex tilmaħ fjura.

‘L Malta fottewha u t-tfal batew
Ġungla tal-konkos bnew fuq li bnew.
Tant li post fejn jilgħabu mank ħallew
‘Mma huma stgħanew, u kemm stgħanew.

4.5.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p10


27.4.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p9

9.4.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p8

X'ġara s'issa:

Il-Venerabbli Gonzo kien inkazzat minħabba li l-popolarita' tiegħu kienet nieżla ġmielha. Għalhekk ried jikkarga l-faħma ta' moħħu biex jiġuh iktar ideat u viżjonijiet għall-pajjiż. Joe Babun iċ-Ċaċċarun u s-segretarju leali tiegħu, ipprova jgħinu billi jtellgħu fuq il-bejt tal-kwartieri msejħin it-TermosLampaSpiritiera, biex jagħti kargatura lill-faħma permezz tax-xemx t' Alla. Sakemm kien qed ixemmex moħħu, qagħad jissendika lill-għafrit tal-bini aħmar infernali u rah ikewwes taħlita ta' bżieq l-għoġġieba u semm is-sriep u biha jinbidel zoptu f'Super Sant. Gonzo allarma ruħu u twerwer għax il-lejber għalih kien agħar mill-virus qerriedi tal-imxija tat-tjur.

Fix-xena mbagħad jidħol Ġanni Ħanex, bniedem insinifikanti li tilef ħobżu mill-fabbrika tal-qliezet ta' taħt tan-nisa fejn kien ilu jaħdem xi 15-il sena. Dan ġara għaliex il-ministru tal-Eċċellenza u t-Testikoloġija, OSTINAT kien beda jinforza r-ristrutturar mitlub mid-dinja moderna u globalizzata. Ġanni Ħanex ma nstabx tajjeb biex jinnavika fit-tongi, il-prodott ġdid state of the art tal-fabbrika BSORMA. Għaddewh mill-għarbiel tal-ETC u weħel u sab ruħu jinkines 'l hawn u 'l hinn mingħajr għaxja ta' lejla.

Segwi skond in-nri. tal-paġni. Ikklikkjaha biex tkabbarha.

26.3.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p7

Segwi skond in-nri. tal-paġni. Ikklikkjaha biex tkabbarha.


16.3.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "Trijonfali" p6

Segwi skond in-nri. tal-paġni. Ikklikkjaha biex tkabbarha.


23.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku TRIJONFALI p5

L-istorja s'issa: Il-Venerabbli Gonzo, kollu mfantas għax il-popolarita' tiegħu naqset qatigħ, iżur it-TermosLampaSpiritiera tal-partit tiegħu bl-iskop li jakkwista viżjoni biex imexxi l-pajjiż. Dan seta' jagħmlu biss billi jsaħħan il-faħma ta' moħħu imma sfortunatament it-TermoslampaSpiritiera kienet vojta mill-enerġija għalhekk bis-saħħa tal-kumpann leali tiegħu Joe Babun, jitla' fuq il-bejt biex isaħħan il-faħma bix-xemx. Hemmhekk hu joqgħod jissendika lil-għafrid tal-bini l-aħmar fejn jiskopri li bil-velenu tas-sriep u l-bżieq tal-għoġġieba qed jintefaħ u jinbidel f'SuperSant.

Aqra skond l-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.



22.2.06

Il-punent ħanin, l-ieħor.......

L-istrixxiklu bl-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun għandhom ikompli dalwaqt. Iż-żmien dejjem jagħfas fuqi u bħal bosta nies oħra mħabbtin, insibha diffiċli biex inlaħħaq ma’ kollox. L-aħħar darba li mpostajt erba’ kelmiet fuq dan il-blogg, semmejt ftit il-karikaturi Daniżi u twebbilt biex nerġa’ nikteb xi ħaġa fuq is-suġġett. Probabbilment tqażżiżtu tisimgħu fuqu imma dan hu fenominu taż-żmienna li għad irridu nisimgħu aktar treddin fuqu u mhux la kemm nagħmlulu tapp.

Dan l-episodju qajjem kwistjonijiet importanti dwar il-liberta’ tal-kelma, ir-responsabbilta’ politika, it-tolleranza u d-differenzi kuntrastanti taċ-ċiviltajiet. Dawn l-argumenti mhumiex propja ħobż għal snieni imma jien bħala biedem mdiehes fil-mistier tal-karikatura ma jkunx sewwa u xieraq jekk ma ngħaddix kelma dwar dan.

Nipprova nimmaġina lili nnifsi fil-pożizzjoni ta’ dawk il-karikaturisti li bit-tpenġijiet tagħhom ħolqu dan il-pandemonju li wassal għall-mewt ta’ xi għoxrin ruħ fosthom tfal. Ibqgħu żguri li jkunu diffiċli għalija li mmidd rasi fuq l-imħadda mingħajr ma noħlom bid-dmija li xtered minħabba ftit linka inkejjuża. Imwejġa ssir ħalla. Għalhekk ir-riflessjoni u r-responsabbilta’ għandha tiġi qabel kull azzjoni. Imma fis-sewwa l-karikaturisti tal-punent mhumiex imdorrijin b’dan l-ilġiem u dejjem pronti biex jikkritikaw u jiżżufjettaw b’kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx.

Imma wara kollox, din dinja ta’ konflitt kontinwu tal-ideat. Bħal meta tnejn jew aktar jippruvaw jgħixu flimkien u spiss jinqala’ s-saram fuq kif wieħed x’jiekol u kif l-ieħor x’jagħmel, hekk ukoll jiġri bejn ċiviltajiet differenti, bejn gruppi etniċi, bejn il-kapitalist u l-proletarjat, bejn l-elitt u l-ħamalli, bejn il-banda San Tajru u l-banda San Korru u nistgħu nibqgħu sejrin hekk.

Il-kwistjoni tal-karikaturi Daniżi tidher redikola u insinifikanti f’għajnejn il-punentin imma f’għajnejn dawk li għandhom valuri differenti din il-ħaġa hija serjissma. Immaġinaw kieku f’xi sala tal-univerisita’ ta’ Malta waqt xi preżentazzjoni lingwistika dwar it-taħdit komuni, xi professur joħroġ elenku tad-dagħa popolari u jsemmi xi tnejn ħoxnin b’Alla u bil-Madonna. Hekk għamel dott. Mifsud Chirchop u bir-raġun ippretenda li m’għandux ikun hemm oġġeżżjoni mill-akkademiċi preżenti. Biss fil-każ tad-dott MC, il-frażi offensiva ma kinitx dwar Alla jew l-Madonna imma kienet dwar Mawmettu. Eh....issa din storja oħra. L-akkademiċi Mawmettani suppost huma iktar intelliġenti u tollerranti. Allura dawn kif jitkażaw u jitilqulu ‘l barra?

Il-punent huwa l-ardit tad-dinja. Il-pożizzjoni tiegħu hija dominanti u għalkemm jippriedka l-liberta’ tal-ħsieb u tal-kelma, xorta jdawwar lilu nnifsu bis-swar u l-ħitan tal-kondizzjonament li ma jmorrux jidħlu xi ideat differenti minn dawk li jsawwruh. Kollox hu tollerat fil-punent sakemm ma jmiss l-irjus setgħana li llum firxu driegħhom ekonomiku u serħu riġilhom militari fil-lvant, fin-nofsinhar u t-tramuntana tad-dinja. Minkejja li l-punent laqa’ fi ħdanu komunitajiet misilmin, l-attitudni tiegħu baqgħet li jizzikahom fuq l-ilbies, fuq id-drawwiet soċjali u liġijiet tagħhom tal-Koran. Bħal xi kollega tiegħek li dejjem jiżżarġan miegħek biex ibaxxik u jġegħilek tħossok ċkejken u tardiv, fl-aħħar tibda taqbiżlek u anki jekk itajjar riqa fuqek waqt li jkun qed ikellmek, int taraha bi kbira daqs li kieku beżaqlek.

L-inġustizzji fuq il-Palestinjani, il-gwerra illegali tal-Iraq u l-indħil fuq L-Iran biex ma jarmax bin-nukleari huma kollha daqqiet li l-popli punentin u l-gvernijiet tagħhom qegħdin jfajjru fuq popli oħrajn biex tinżamm is-superjorita’ tiegħu u l-inferjorita’ tal-ieħor.

Hija l-battalja eterna tal-ideat u tal-poter. Hekk kienet minn dejjem u qajla se tinbidel.




............

16.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku TRIJONFALI p4

Aqra skond l-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.

13.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku dwar l-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun. F'paġna 2 ħallejna liż-żewġ eroj tagħna fi-TermosLampaSpiritiera li hija d-Dar Ċentrali futuristika tal-Grande Partito. Hemmhekk huma kienu qed jiddiskutu kif se jirriġeneraw il-faħma ta' moħħ Gonzo li minnha biss hu jista' jikseb il-viżjoni biex imexxi lill-pajjiż.

Aqra fl-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.


11.2.06

Strixxiklu Ġdid

Wara l-episodju tat-Tmien Kapurjuni Straordinarji, l-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun ikomplu bit-2ni paġna tal-istrixxiklu "TRIJONFALI".

Aqra skond in-nru. tal-paġna. Ikklikkja fuqha biex tkabbarha.

10.2.06

Strixxiklu Ġdid

9.2.06

Rifsa blogg

Aw bloggejja! Niskuża ruħi ma’ dawk li kultant jittawlu f’dan il-blogg biex josservaw l-isturdamneti tiegħi u ma jsibu xejn. Il-kurrenti tal-ħajja jafu jitfgħuk fejn ma tkunx trid tmur. Barra minn hekk, dan il-blogg jiddependi qatigħ fuq ir-rimiżolji teknoloġiċi u dan l-aħħar, dawn ħabbtuni mhux ħażin. Issa li xtrajt skenjatur ġdid il-ħajja reġgħet lura għan-normal.

Kont qed nippjana xi strixxikli ġodda biex inperriċċhom fuq dan il-blogg ,għalhekk dawk li ilhom bil-ħerqa jistennew xi strixxiklu, ngħidilhom, min jistenna jithe_ _ a. (Imlew il-vojt intom).

Li qanqalni biex nerġa’ nirfes fi bloggosfera hija din il-kwistjoni tal-karikaturi Daniżi. Kemm ilni ninteressa ruħi fil-politika madwar id-dinja, qatt ma niftakar li karikatura ħolqot daqshekk kjass. Xi wħud jgħidu li din hija t-tibna li qasmet dahar il-ġemel. Il-karikaturi bħala medju, għandu impatt kbir minħabba l-aspett viżiv tiegħu u għalhekk jirbaħ vantaġġ fuq il-kelma miktuba. Ftit taż-żmien ilu rċevejt tronka ta’ xi għaqda ta’ karikaturisti mid-dinja kollha u li biha kienu qed jitolbuni ningħaqad magħhom sabiex juru l-potenza tagħhom quddiem il-mexxejja tad-dinja. Din il-biċċa li l-karikaturisti joqgħodu jisserdqu bil-poteri grafiċi tagħhom rajhta kontradittorja u tistona meta propju xogħol il-karikaturist hu li jattakka l-istess poter. Għalhekk injurajtha u tfajtha f’postha jiġifieri fil-landa taż-żibel tal-computer.

Lura għall-karikaturi Daniżi. Dawn missew punt sensittiv ħafna, forsi bi żvista imma jista ukoll b’intenzjoni. Jien hekk nemmen. Kull penġej politiku jipprova jolqot fejn juġa’ biex idagħjjef lill-avversarju. Il-karikaturist ħieles u responsabbli ma jpenġix biss għan-nej u l-misjur, imma għaliex għandu aġenda politika. Flimkien ma’ l-editur jew pubblikatur din l-aġenda politika ġġib magħha responsabbilta’ kbira, għaliex kull rixa li titwaddab fl-ajru jista’ jkollha l-konsegwenzi tagħha.

Nixtieq inkompli nwessa’ l-argument tiegħi fuq dan il-każ tal-karikaturi Daniżi imma m’għandix il-ħin. Forsi tkun darb’oħra.

Kelma waħda biss fuq il-liberta’ tal-istampa. Din hija wkoll għodda politika u kull kulħadd jużaha kif jaqbillu kif jispjega dan l-artiklu fuq sit webiku.

Għal haw’ nies.

2.1.06

Ikompli u jintemm l-istrixxiklu Karolla (1986)

Ibda aqra minn isfel skond in-nru. tal-paġna.




p32 Posted by Picasa

p31 Posted by Picasa

p30 Posted by Picasa

p29 Posted by Picasa

p28 Posted by Picasa

p27 Posted by Picasa

1.1.06

Is-Sena tajba lil kulhadd.


Ikompli l-istrixxiklu Karolla (1986)

Ibda aqra minn isfel skond in-nru. tal-paġna.




p26 Posted by Picasa

p25 Posted by Picasa

p24 Posted by Picasa

p23 Posted by Picasa