23.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku TRIJONFALI p5

L-istorja s'issa: Il-Venerabbli Gonzo, kollu mfantas għax il-popolarita' tiegħu naqset qatigħ, iżur it-TermosLampaSpiritiera tal-partit tiegħu bl-iskop li jakkwista viżjoni biex imexxi l-pajjiż. Dan seta' jagħmlu biss billi jsaħħan il-faħma ta' moħħu imma sfortunatament it-TermoslampaSpiritiera kienet vojta mill-enerġija għalhekk bis-saħħa tal-kumpann leali tiegħu Joe Babun, jitla' fuq il-bejt biex isaħħan il-faħma bix-xemx. Hemmhekk hu joqgħod jissendika lil-għafrid tal-bini l-aħmar fejn jiskopri li bil-velenu tas-sriep u l-bżieq tal-għoġġieba qed jintefaħ u jinbidel f'SuperSant.

Aqra skond l-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.



22.2.06

Il-punent ħanin, l-ieħor.......

L-istrixxiklu bl-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun għandhom ikompli dalwaqt. Iż-żmien dejjem jagħfas fuqi u bħal bosta nies oħra mħabbtin, insibha diffiċli biex inlaħħaq ma’ kollox. L-aħħar darba li mpostajt erba’ kelmiet fuq dan il-blogg, semmejt ftit il-karikaturi Daniżi u twebbilt biex nerġa’ nikteb xi ħaġa fuq is-suġġett. Probabbilment tqażżiżtu tisimgħu fuqu imma dan hu fenominu taż-żmienna li għad irridu nisimgħu aktar treddin fuqu u mhux la kemm nagħmlulu tapp.

Dan l-episodju qajjem kwistjonijiet importanti dwar il-liberta’ tal-kelma, ir-responsabbilta’ politika, it-tolleranza u d-differenzi kuntrastanti taċ-ċiviltajiet. Dawn l-argumenti mhumiex propja ħobż għal snieni imma jien bħala biedem mdiehes fil-mistier tal-karikatura ma jkunx sewwa u xieraq jekk ma ngħaddix kelma dwar dan.

Nipprova nimmaġina lili nnifsi fil-pożizzjoni ta’ dawk il-karikaturisti li bit-tpenġijiet tagħhom ħolqu dan il-pandemonju li wassal għall-mewt ta’ xi għoxrin ruħ fosthom tfal. Ibqgħu żguri li jkunu diffiċli għalija li mmidd rasi fuq l-imħadda mingħajr ma noħlom bid-dmija li xtered minħabba ftit linka inkejjuża. Imwejġa ssir ħalla. Għalhekk ir-riflessjoni u r-responsabbilta’ għandha tiġi qabel kull azzjoni. Imma fis-sewwa l-karikaturisti tal-punent mhumiex imdorrijin b’dan l-ilġiem u dejjem pronti biex jikkritikaw u jiżżufjettaw b’kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx.

Imma wara kollox, din dinja ta’ konflitt kontinwu tal-ideat. Bħal meta tnejn jew aktar jippruvaw jgħixu flimkien u spiss jinqala’ s-saram fuq kif wieħed x’jiekol u kif l-ieħor x’jagħmel, hekk ukoll jiġri bejn ċiviltajiet differenti, bejn gruppi etniċi, bejn il-kapitalist u l-proletarjat, bejn l-elitt u l-ħamalli, bejn il-banda San Tajru u l-banda San Korru u nistgħu nibqgħu sejrin hekk.

Il-kwistjoni tal-karikaturi Daniżi tidher redikola u insinifikanti f’għajnejn il-punentin imma f’għajnejn dawk li għandhom valuri differenti din il-ħaġa hija serjissma. Immaġinaw kieku f’xi sala tal-univerisita’ ta’ Malta waqt xi preżentazzjoni lingwistika dwar it-taħdit komuni, xi professur joħroġ elenku tad-dagħa popolari u jsemmi xi tnejn ħoxnin b’Alla u bil-Madonna. Hekk għamel dott. Mifsud Chirchop u bir-raġun ippretenda li m’għandux ikun hemm oġġeżżjoni mill-akkademiċi preżenti. Biss fil-każ tad-dott MC, il-frażi offensiva ma kinitx dwar Alla jew l-Madonna imma kienet dwar Mawmettu. Eh....issa din storja oħra. L-akkademiċi Mawmettani suppost huma iktar intelliġenti u tollerranti. Allura dawn kif jitkażaw u jitilqulu ‘l barra?

Il-punent huwa l-ardit tad-dinja. Il-pożizzjoni tiegħu hija dominanti u għalkemm jippriedka l-liberta’ tal-ħsieb u tal-kelma, xorta jdawwar lilu nnifsu bis-swar u l-ħitan tal-kondizzjonament li ma jmorrux jidħlu xi ideat differenti minn dawk li jsawwruh. Kollox hu tollerat fil-punent sakemm ma jmiss l-irjus setgħana li llum firxu driegħhom ekonomiku u serħu riġilhom militari fil-lvant, fin-nofsinhar u t-tramuntana tad-dinja. Minkejja li l-punent laqa’ fi ħdanu komunitajiet misilmin, l-attitudni tiegħu baqgħet li jizzikahom fuq l-ilbies, fuq id-drawwiet soċjali u liġijiet tagħhom tal-Koran. Bħal xi kollega tiegħek li dejjem jiżżarġan miegħek biex ibaxxik u jġegħilek tħossok ċkejken u tardiv, fl-aħħar tibda taqbiżlek u anki jekk itajjar riqa fuqek waqt li jkun qed ikellmek, int taraha bi kbira daqs li kieku beżaqlek.

L-inġustizzji fuq il-Palestinjani, il-gwerra illegali tal-Iraq u l-indħil fuq L-Iran biex ma jarmax bin-nukleari huma kollha daqqiet li l-popli punentin u l-gvernijiet tagħhom qegħdin jfajjru fuq popli oħrajn biex tinżamm is-superjorita’ tiegħu u l-inferjorita’ tal-ieħor.

Hija l-battalja eterna tal-ideat u tal-poter. Hekk kienet minn dejjem u qajla se tinbidel.




............

16.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku TRIJONFALI p4

Aqra skond l-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.

13.2.06

Jissokta l-istrixxiklu satiriku dwar l-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun. F'paġna 2 ħallejna liż-żewġ eroj tagħna fi-TermosLampaSpiritiera li hija d-Dar Ċentrali futuristika tal-Grande Partito. Hemmhekk huma kienu qed jiddiskutu kif se jirriġeneraw il-faħma ta' moħħ Gonzo li minnha biss hu jista' jikseb il-viżjoni biex imexxi lill-pajjiż.

Aqra fl-ordni tan-nri. fuq kull paġna. Ikklikkja fuq il-paġna biex tkabbarha.


11.2.06

Strixxiklu Ġdid

Wara l-episodju tat-Tmien Kapurjuni Straordinarji, l-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun ikomplu bit-2ni paġna tal-istrixxiklu "TRIJONFALI".

Aqra skond in-nru. tal-paġna. Ikklikkja fuqha biex tkabbarha.

10.2.06

Strixxiklu Ġdid

9.2.06

Rifsa blogg

Aw bloggejja! Niskuża ruħi ma’ dawk li kultant jittawlu f’dan il-blogg biex josservaw l-isturdamneti tiegħi u ma jsibu xejn. Il-kurrenti tal-ħajja jafu jitfgħuk fejn ma tkunx trid tmur. Barra minn hekk, dan il-blogg jiddependi qatigħ fuq ir-rimiżolji teknoloġiċi u dan l-aħħar, dawn ħabbtuni mhux ħażin. Issa li xtrajt skenjatur ġdid il-ħajja reġgħet lura għan-normal.

Kont qed nippjana xi strixxikli ġodda biex inperriċċhom fuq dan il-blogg ,għalhekk dawk li ilhom bil-ħerqa jistennew xi strixxiklu, ngħidilhom, min jistenna jithe_ _ a. (Imlew il-vojt intom).

Li qanqalni biex nerġa’ nirfes fi bloggosfera hija din il-kwistjoni tal-karikaturi Daniżi. Kemm ilni ninteressa ruħi fil-politika madwar id-dinja, qatt ma niftakar li karikatura ħolqot daqshekk kjass. Xi wħud jgħidu li din hija t-tibna li qasmet dahar il-ġemel. Il-karikaturi bħala medju, għandu impatt kbir minħabba l-aspett viżiv tiegħu u għalhekk jirbaħ vantaġġ fuq il-kelma miktuba. Ftit taż-żmien ilu rċevejt tronka ta’ xi għaqda ta’ karikaturisti mid-dinja kollha u li biha kienu qed jitolbuni ningħaqad magħhom sabiex juru l-potenza tagħhom quddiem il-mexxejja tad-dinja. Din il-biċċa li l-karikaturisti joqgħodu jisserdqu bil-poteri grafiċi tagħhom rajhta kontradittorja u tistona meta propju xogħol il-karikaturist hu li jattakka l-istess poter. Għalhekk injurajtha u tfajtha f’postha jiġifieri fil-landa taż-żibel tal-computer.

Lura għall-karikaturi Daniżi. Dawn missew punt sensittiv ħafna, forsi bi żvista imma jista ukoll b’intenzjoni. Jien hekk nemmen. Kull penġej politiku jipprova jolqot fejn juġa’ biex idagħjjef lill-avversarju. Il-karikaturist ħieles u responsabbli ma jpenġix biss għan-nej u l-misjur, imma għaliex għandu aġenda politika. Flimkien ma’ l-editur jew pubblikatur din l-aġenda politika ġġib magħha responsabbilta’ kbira, għaliex kull rixa li titwaddab fl-ajru jista’ jkollha l-konsegwenzi tagħha.

Nixtieq inkompli nwessa’ l-argument tiegħi fuq dan il-każ tal-karikaturi Daniżi imma m’għandix il-ħin. Forsi tkun darb’oħra.

Kelma waħda biss fuq il-liberta’ tal-istampa. Din hija wkoll għodda politika u kull kulħadd jużaha kif jaqbillu kif jispjega dan l-artiklu fuq sit webiku.

Għal haw’ nies.