25.7.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 8


Pitazz bil-graffitti




L-Imperial Caffè

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 8

Ħolma tal-ġenn.

Il-Ċirku Bertu Funtana kien qed jitħawwar u jitħawwad ġmielu. Il-gajijiet li ġew u ndehsu man-nikleu taċ-ċirku bdew iżidu fil-frekwenza u xi wħud minnhom saru ukoll parti integrali mill-grupp. L-interazzjonijiet u l-interrelazzjonijiet bejn il-gajijiet u l-individwi naturalment żdiedu u kkomplikaw ruħom. Il-korteġġar u l-gosti personali saru jiddeterminaw l-attivita’ ta’ xi individwi li ġieli għażlu jmorru għal rashom. Imma wara kollox il-formazzjoni taċ-Ċirku Bertu Funtana issawret b’mod naturali fuq dan l-ispirtu ħieles. Bħal kull attività f’xi ċentru parrokkjali għaż-żgħażagħ, kien hemm ċerta vibrazzjoni ta’ emozzjonijiet u imġieba li hi karatterista maż-żgħażagħ. L-unika differenza kienet li ma’ kellniex il-kappillan iħuf ma’ saqajna. Pero l-affarijiet kienu qegħdin jnbidlu.

Il-kumitat il-ġdid bi Fra Ġorg fuq quddiemnett iżomm l-istandard ta’ direttur spiritwali, beda x-xogħol fuq il-post fejn kellna nibdew niltaqgħu il-YMCA il-ġdida. Fi Triq il-Merkanti, Nru. 41 fir-raba’ sular, bdiet il-manutenzjoni tal-post li kien ilu magħluq għal xi snin. Kull minn seta’ ta daqqa t’id. Min ibajjad, min iħalleb is-saqaf, minn jiżbogħ it-travi u min iqandel l-għamara li ma kienetx faċli biex ittellagħha dawk id-99 tarġa għal hemm fuq. Il-veduta irreżistibbli mill-kamra prinċipali kienet dik tal-port il-kbir. Ftit minuti tħares lejn dik il-wesgħa baħar imdawwra bis-swar tal-kottonera u tħossok ispirat u rilassat.

Fil-fratemp, għand Bertu fil-Kafè Imperjal ukoll l-attivita’ żdiedet. Minbarra ċ-ċekċik tat-tazzi tat-tè jew tal-birra, l-imħarbtin li saru midħla tal-post kienu jinvolvu ruħhom f’xi diskussjoni dwar l-aħħar aħbar fix-xena politika, fuq il-knisja u l-anti klerikaliżmu, fuq jekk l-era tal-punk kienetx spiċċat u indifnet, fuq il-lirika tar-rok vis a vis il-kawżi fid-dinja, fuq Mintoff u Fenech Adami u fuq Thatcher u l-gwerra tal-falklands eċċ eċċ. Xi pitazz vojt kont dejjem tarah idur minn id għal oħra fuq l-imwejjed bil-wiċċ tar-rħam. Dan kien mezz prattiku u effettiv għalina biex niktbu l-graffitti tagħna u kienet drawwa li min jiġi għand Bertu jagħti titwila lil dan il-pitazzi li kien idum idur xi ġimgħa fuq l-imwejjed. Il-pitazz kien iservi ta’ minbar fejn fuqu l-individwu jperreċ fehtmu taħt il-forma ta’ frażi jew simbolu skond it-twemmin tiegħu. Mhux darba u tnejn it-taħżiż fuq il-pitazz serva biex qajjem xi argument. Kien hemm ukoll mumenti fejn dawn il-pitazzi issawru fi strixxikli li konna insejħulhom KOKO live jew KOKO flash.


Filwaqt li l-kav. Gużè Galea kien ikun bil-qiegħda jixrob tazza kafè u jitkellem ma’ xi ħabib tiegħu dwar l-aħħar tiftixa fl-arkivji tal-Bibljoteka nazzjonali, kienet tqum xi disskussjoni taħraq fuq in-naħa l-oħra tal-ħanut dwar l-użu ta’ l-armamenti nukleari jew jekk il-knisja għandiex tindaħal fuq il-kondojiet. L-għajjat kien iżid u l-klieb ta’ Bertu (li ġieli kien hemm tlieta minnhom), jibdew jinbħu u bħat-talk shows tal-lum, Bertu kien ikollu jidħol b’xi buffunata biex jikkalma l-irjus sħan.

“ Hawnhekk il-Kafè Imperjali fi triq il-merkanti ma’ triq il-briganti, tiġi biex tibla’ wieħed Imperjali jonkella tmur faċċata u tibla’ wieħed Mondjali” Dawn kienu battuti komiċi ta’ Bertu biex iżomm l-umoriżmu ħaj u jtaffi mis-serjeta’ tal-kustjonijiet li jinqalgħu fil-ħanut. Kellu għexur minnhom merfugħin fil-komma u kien joħroġhom jew biex jitfi n-nar tal-argument jew biex iħoll is-silġ tal-infamiljarità. Kien jgħidhom lil klijent ġodda jew lil parruċċani irrispettivament mill-klassi jew status tagħhom, għalkemm kien dejjem isib il-mument xieraq mingħajr ma’ joffendi. Il-kariżma ta’ Bertu kienet is-sigriet tas-suċċess tal-Imperial Caffè u kull bniedem ta’ kull eta’ minn kulinkwa sfera soċjali kien jidħol għand Bertu imqar biex jixtri pakkett sigaretti u bit-trattament li jaqla’ mingħand Bertu, ibqa’ żgur li kien jerġa jigi jixtri darb’oħra.

Dak iż-żmien l-aljenazzjoni tat-TV kienet qed tirranka ġmielha. Diversi toksijiet żgħar madwar Malta kienu ilhom li bdew it-triq tan-niżla u kienu qed ikampaw bil-filmijiet ta’ Pierrino u Edwich Fenech. Id-daqqa tal-mannara ħaduha meta bdew ixandru l-istazzjonijiet sqallin li b’biċċa booster mal-erjal kont taqbadahom sew u għalhekk, minkejja li f’Malta kellna biss it-television iswed u abjad, wara nofs il-lejl, klandestinament beda jaqleb għall-blu. Bertu għal raġunijiet differenti minn dawn, tħajjar jistalla t-televiżjoni fil-ħanut tiegħu u allura dan kompla jżid ma’ l-istorbju fil-Imperial Caffè.

Lejla minnhom għal ħabta ta’ Marzu ‘83 jidhirli ftit qabel jew ftit wara r-Rock Mass, waqt li konna miġburin fil-ħanut għand Bertu, fuq it-televiżjoni bdew ixandru il-famus kunċert tal-1969 WOODSTOCK. Kulħadd waqaf milli kien qed jgħid jew jagħmel u ċċassajna lejn dat-televiżur se jaqa’ biċċiet, bi stampa monokroma u fjakka u bil-volum itextex. Imma widnejna kibru xiber. B’devozzjoni kbira smajna ‘l Joan Baez, lil Crosby, Stills, Nash & Young, lil Ten Years After, eċċ eċċ. Maħkunin b’dawk ix-xeni ta’ nies hippies u mużika bdiet ħierġa litanija ta’ espressjonijiet minn fommna miftuħ waqt li jarmi d-duħħan tas-sigarretti.. “Far out man!” “tal-ostja ras!” “il-lalla x’buzz!” eċċ eċċ. Woodstock kienet il-ġenna tal-art, il-ħolma li joħlom kull min kien jgħix il-ħajja tagħna. Kif kellna nitwieldu daqs tant snin wara u daqstant eluf ta’ mili ‘l-bogħod?

Ma niftakarx min kien li ssuġġerixxa li nagħmlu kunċert bħal dak imma naf żgur li moħħ Bertu xegħel daqs bozza tal-mija u malajr beda jwebbilna bl-idea. Il-kumitat il-ġdid kien kompost minn membri tal-affari tagħhom u ma nistax ngħid li kellhom xi tendenza megalomanjaka fir-rigward tal-attivitajiet li kienu jorganizzaw. L-idea tal-kunċert stil Woodstock għoġbithom imma ittendew bir-responsabbiltà kbira finanzjarja li kien se jġorr fuqu dan il-kunċert. Huma raw li biċċa YMCA maltija li għada f’infanzja tagħha u b’xi erbgħin lira biss taħt rasha, ma kienet se tkun qatt kapaċi tidħol għal kunċert ġgantest ta’ tliet ijiem, bl-entratura gratis? Il-kumitat ma riedx jidħol għal din ir-responsabbilta’ enormi mingħajr garanzija ta’ sponsor qawwi li kien lest jippompja l-liri. Għalhekk irriffjutaw. Imma Bertu kien determinat li jwettaq din il-ħolma u saret pressjoni biex il-kumitat tal-YMCA (li kien ilu fit-tmexxija ftit ġimgħat biss) jirreżenja. Malajr ifforma kumitat proviżorju biex jorganizza din il-verżjoni maltija tal-Woodstock. Il-kunċert ingħata l-isem ta’ MALTASAJF u kellu jsir f’Awissu ta’ dik l-istess sena (1983). Il-ġirja sal-barkun. Kien għad fadal biss ħames xhur u l-Imperial Caffè f’tebqa t’għajn, ittrasforma ruħu f’uffiċċju u kwartieri. Nies jittajpjaw l-ittri lill-ministeri għall-permessi, u ittri biex l-attivita tkun sponsorizzata. Nies deħlin u ħerġin bid-donazzjonijiet mill-fabbriki. Telefon iċempel bis-segretarji tal-ministri fuq il-linja, u rappreżentanti tal-baned rok mix-xena lokali bdew ġejjin biex jindagaw fuq l-attività. Kull filgħaxija, il-kumitat proviżorju MALTASAJF kien jitla’ minn bieb ċkejken fil-ġenb tal-ħanut għal fuq fejn qabel kien hemm il-pastizzar u hemm Bertu, bħal xi Dun Mikiel Xerri u sħabu miġburin fis-satra tal-lejl, kien imexxi l-laqgħa u flimkien konna nippjanaw id-dettalji kollha ta’ dan il-festival maratona li sa dak iż-żmien kien għadu qatt ma sar bħalu f’pajjiżna.

7 comments:

Arcibald said...

Kemm qed niehu gost naqrahom dawn l-artikli! Kompli sejjer hekk... qed timla l-vojt kbir li hawn f'dan ir-rigward.

Apparti s-snin li qed issemmi inti, gieli smajt ukoll nies jirrakuntaw dwar bands lokali li kien hawn fis-70s u li b'xi mod sfumaw fix-xejn (Tigne minghalija u Tas-Sliema.. boqq). Nixtieq kieku li xi hadd jikteb fuq dawk is-snin ukoll. Ninsab cert li d-domanda tkun kbira kieku jkun hemm min jintefa fuq l-istorja popolari taz-zghazagh f'dawn iz-zmenijiet.

Proset sieheb.

l-istordut kroniku said...

Nirringrazzjak archibald sieħbi. Nixtieq kieku dan li qed nikteb ikun iktar iddettaljat. F'dawn il-bloggati tiegħi qed nieħu l-istorja iktar mill-perspettiva tal-grupp 'ĊBF' għax nassigurak li hemm ħafna iktar x'wieħed x'jikteb fuq il-baned tar-rok. Il-beat groups tas-60ijiet u l-gruppi tar-rok tas-70ijiet li semmejt int jagħmlu storja ikkulurita li żgur tinteressa anki liż-żgħażagħ tal-lum. Pero din tirrekjeda riċerka mhux ħażin u li wisq nibża' li tinpenja ħafna lil min jidħol għaliha biex forsi ma tirrendilux ħaqq l-ispejjeż li jkun għamel meta jiġi biex jippubblikha. Tkun idea tajba kienu dawk l-istabilimenti li jibbenifikaw mill-but 'berbieqi'taż-żgħażagħ, li jiffinanzjaw riċerki bħal dawn għall-inqas bħala kontribuzzjoni żgħira lill-ġenerazzjonijiet li jżidulhom il-liri fil-kont tal-bank.

Anonymous said...

u inti tahseb li l istabbilimenti tal lum huma interessati f dan kollu? anzi...kollha jgergru li m ghandomx xol

gybexi said...

ghax ma tohrogx ktieb b'dawn ir-rakkonti? l-istorja andergrawnd ta' Malta... zgur jinbiegh... hawn ammont mhux hazin ta' zghazagh interessati nahsem...

Toni Sant said...

Mikiel, b'din il-bloggata rnexxielek tfakkarni f'xi haga minn hajti li jiena kont insejt kwazi kompletament: l-ewwel dehra tieghi fuq TVM f'program ta' diskussjoni. Kien propju qabel jew wara ezatt m'intwera Woodstock fuq TVM fl-1983. Mario A. Azzopardi li kien responsabbli mill-ghazla tal-films li jidhru fuq TVM dak iz-zmien, kien stedinni bhala "muzicist zghazugh" biex niehu sehem f'diskussjoni mal-famuza Dottoressa Maria Sciberras.

Mhux kaz li nidhol fil-merti tal-kontenut ta' dik id-diskussjoni hawn - avolja ghandi hafna xi nghid dwar dan; inti u c-CBF aktarx ma rajtux id-diskussjoni...u anqas ma kont narha jien dak iz-zmien kieku mhux ghax hadt sehem fiha jien stess. Pero xorta ridt niehu l-opportunita' nirringrazzjak li fakkartni x'effett importanti kellu l-wiri ta' Woodstock fuq TVM fl-1983.

Nistenna l-episodju li jmiss b'herqa kbira, sintendi.

Arcibald said...

Nagħti raġun lill-Fre fuq il-punt ta' l-istabbilimenti. Dawk jgħoddu aktar flus iridu mhux jagħmlu xi ħaġa għal ġid ta' ħaddieħor.

Rigward il-ktieb iżda... naħseb li ma nkunx żatat jekk nażżarda ngħid li għalissa qed nieħu gost naqrahom fuq il-blogg u biex jiġi ktieb ta' kalibru jkun jirrikjedi wisq ħafna aktar xogħol (hux Mik?).

Apparti minn hekk... sabieħ tara r-rispons tan-nies minn dan il-blogg stess - fis-sens li jekk jiġi biex ikun adattat għal ktieb, l-awtur ikun jista' jieħu in konsiderazzjoni l-kummenti tagħhom ukoll. Forsi anki jkun fieh kwotazzjonijiet ta' nies li għoġobhom iħallu aneddoti alternattivi jew li l-awtur ma setax ikun jaf bihom.

Thinking aloud - kif jgħidu.

l-istordut kroniku said...

Aw Toni, difatti jien ġejt fid-dubju jekk kinitx fuq TVM imma naħseb li hekk hu għax għandi amment li kien hemm xi diskussjoni qabel jew wara. Imma kien hemm wisq nies għand Bertu dakinhar biex wieħed seta jsegwi d-diskors.

Lil gybexi, arcibald u l-fre: Grazzi tal-interess. Ejja nħalluhom bloggati għalissa imbagħad naraw.