29.7.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 9



Iċ-Ċirku Bertu Funtana 9

Fuq skala nazzjonali

Wistin Abela l-ministru tal-finanzji kien daħħal id-drawwa matul il-leġislatura ‘soċjalista’, li jlaqqam il-budget b’xi isem li jidhirlu adatt. Ma niftakarx jekk dik is-sena kienetx is-sena tal-budget tal-qawsalla jew tas-sikkar taċ-ċintorin. Fi żgur kien, li x-xogħol fil-ħanut ta’ Bertu żdied bil-qawwi. It-tè u l-kafè kienu qed jinbigħu bil-glalen u l-birra u l-minerali kienu wkoll żiedu r-ritmu fil-konsum. Il-flus li l-YMCA ġabret mit-tesserament ma damux ma taru fi spejjeż għall-preparazzjoni tal-MaltaSajf bħal per eżempju, inviloppi, bolli, letterheads, fotokopji, u elf oġġett konessi mal-kartolerija, flus għal petrol biex jitqassmu l-ittri għal ġbir mill-fabbriki u telefonati eċċ eċċ. Id-donazzjonijiet ma bdewx ġejjin bl-eluf u għalhekk il-kexxun tal-flus ta’ l-Imperial Caffè eventwalment beda jissussidja lill-YMCA fl-ispejjeż tagħha hekk kif il-karus ċkejken illi kellha, itteħidlu l-aħħar ċenteżmu.

Tar-Rockfest fl-AST Tignè ma ħadux gost bil-biċċa kollha tal-MaltaSajf. Rawha theddida diretta fuq il-kunċert tagħhom u ma tantx urew entużjażmu biex jgħaddulna l-lista tal-baned rok tagħhom sabiex nikkuntattjawhom, anzi jekk niftakar sewwa, id-diriġenti tal-AST ipprojbixxew lil dawk il-baned imseħbin, biex ma jipparteċipawx fil-MaltaSajf tal-YMCA. Bħall-buffura riħ, il-kelma li se jsir kunċert kbir xterdet mar-rockers u l-baned rok u kull min kellu kitarra, base, amplifier, u drum kit, u xi isem stravanganti, beda jikkorda biex jieħu sehem fil-kunċert.

L-idea oriġinali tal-MaltaSajf kienet li tkun maratona ta’ attivitajiet li jalteraw bejn attivitajiet sportivi filgħodu u l-mużika folk u rok filgħaxija. Kellu jkun hemm wirjiet bil-muturi u bir-roti kif ukoll wirjiet tal-arti marzjali. Kienet allokata wkoll arja għall-ikkampjar biex min ried seta’ jorqod hemm ukoll. Id-dħul kien bla ħlas u anki minn ried jiġi bil-karozza seta jagħmel dan, speċi ta’ drive in and see the show stil amerikan. Il-MaltaSajf kellu jsir f’Ta’ Qali u jdum tliet ijiem in fila mis-26, sat-28 ta’ Awissu 1983. Matul l-avveniment kellu jsir ġbir awtorizzat li mbagħad kellu jmur b’riżq tliet għaqdiet filantropiċi fosthom il-Community Chest Fund.

Nassigurakom li hemm bosta x’wieħed jirrakkonta fuq l-andament u l-intriċċi li kellu dan il-festival, imma dik storja oħra li forsi xi darba tkun irrakkontata wkoll. F’dawn il-bloggati jien aktar ser naċċentwa fuq l-involvimenti diretti u indiretti taċ-ċirku Bertu Funtana kif ukoll l-impatt li ħalla dan fuq l-istess ċirku.

L-attivta’ tal-YMCA kienet issa iffokata kompletament fuq il-MaltaSajf. Ix-xogħol fuq iċ-ċentru l-ġdid kien tlesta imma għal raġunijiet ta’ prattiċità u aċċessibbiltà l-Imperial Caffè kien rebaħ preferenza bħala uffiċċju u kif għidt qabel kien issa beda jservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni tal-MaltaSajf. Bir-riżenja imposta fuq l-ewwel kumitat, iċ-ċirku Bertu Funtana kien esperjenza l-ewwel taqbida għal poter fi ħdanu bejn l-istess nies li s-soltu kienu jafdaw lil xulxin u li kienu jgħixu mingħajr il-ħtieġa tal-konfrontazzjoni. It-togħma morra li ħalliet din l-esperjenza gerrxet lil xi wħud u filwaqt li kien hemm min qatt ma ġie lura, oħrajn reġgħu integraw.

L-ucuh familjari tal-imħarbtin ħbieb bdew jisfumaw ma’ oħrajn ġodda li ma’ kienux rockers, hippies, rudeboys jew punks. Kienu nies li aħna konna ngħidulhom straight jiġifieri li jgħixu ħajjithom fuq il-mudell tipiku u sterjotipat tas-soċjeta. Kienu ftit l-individwi straight li ngwalawha magħna forsi għax skoprew xi gosti minn tagħhom li kienu kompatibbli ma’ tagħna bħall per eżempju l-mużika u s-smoke. Din tal-aħħar kienet dejjem iktar qed issir ‘sagramentali’ fi ħdan iċ-ċirku u x’aktarx bdiet titqies bħala l-element ewlieni li kien jiddefinixxi l-persuna jekk tkunx straight jew le. L-uniċi nies li kienu jitqiesu bħala theddida għall-grupp u għalhekk mistmerra, kienu 'tal-biċċa' jiġfieri l-pulizija u r-ranki l-oħra ekwivalenti tagħhom.

Mingħajr ma l-organizzazzjoni tal-MaltaSajf ittendiet kienu bdew jiġġeneraw diversi attivitajiet taħtnijiet u li kien se jkollhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-festival u tal-gruppi konnessi miegħu. Il-MaltaSajf kien se jsir f’waħda mill-aktar arji kbar u bierħa li għandna f’Malta u l-idea tal-Woodstock fejn iż-żgħażagħ kienu se jinġabru flimkien ‘il bogħod mill-għajnejn sorveljanti tas-soċjetà, ħajret lil ħafna biex ifittxu jagħmlu provisti sostanzjali ta’ ħaxixa u spirti biex iservuhom għat-tliet ijiem sħaħ. Min-naħa l-oħra l-organizzaturi tal-MaltaSajf kienu qed jippromwovu l-festival bħala avvenimnent għall-familja kollha, għalhekk dawk li kien bi ħsiebhom jixxalaw ma kienux qed jantiċipaw il-preżenza tal-pulizija fl-arja ta’ Ta’ Qali.

Xi ġimgħa wara li sar ir-Rockfest f’Tignè, l-eżodu tar-rockers beda l-mixja mentali u spiritwali tiegħu lejn il-wesgħa enormi f’Ta’ Qali. Il-preparament kienu diġa bdew u l-palk kbir tal-MaltaSajf li kien jikkonsisti fi tnax il-container tal-għoxrin pied, kien diġa f’postu. Ma’ kull jum illi għadda, żdied l-apparat u x-xenarju tal-palk. Bdew is-sound checks u kien hemm diversi żgħażagħ li kienu diġa bdew iżuru l-arja u xi wħud ukoll kienu qed jorqdu hemm. Il-ġurnata tal-ftuħ waslet u l-festival beda bil-ħoss uniku tal-kitarra u l-ħarmonika ta’ Grimaud. Il-mużika ssawbet bħal balzmu jew żbruffat bħal vulkan mill-ispeakers Bose u l-udjenza wieġbet bit-tisfir u t-tixjir tal-idejn.

F’dik il-wesgħa bil-ħaxix niexef, l-atmosfera kienet utopika. Imdawrin f’dak l-ispazju apert, kien hemm ġemgħa sabiħa ta’ żgħażagħ il-biċċa l-kbira mixħutin fl-art, min qoqoċċa ‘l hemm min qaqoċċa ‘l hawn ipejpu u jixorbu u jisimgħu id-daqq ta’ fuq il-palk. Il-Mirage, l-iStratkast, id-Dendroid u ħafna oħrajn bl-intervalli minn Toni Grimaud u xi oħrajn solisti, ilkoll daqqew sakemm l-urieżaq fis-siġar qatgħu qalbhom li għad xi darba jsemmgħu leħinhom u l-joints tqassmu minn id għal oħra fil-folla u nħarqu sakemm in-nemus waqa’ stordut. Matul il-lejl, qtajja’ nies imxerdin fuq il-ħaxix, xi wħud reqdin fis-sleeping bags jew fil-kampijiet u oħrajn baqgħu imqajmin kważi l-lejl kollu, b’xi kitarra f’idejhom jew meqrudin żibel jpaċpċu u jreddnu It’s a brand new day ta’ Toni Grimaud. B’xi ftit muturi pparkjati fil-wesgħa u xi karozzi li ġew u telqu, il-lejl kien kalm u l-urieżaq u n-nemus reġgħu ħadu r-renju tagħhom f’idejhom.

Xi wħud minna taċ-ċirku, li issa konna kkonsmati kompletament fl-organizzazzjoni tal-YMCA, ma kellniex iż-żmien ingawdu l-atmosfera li kien hemm. Bejn il-kordinazzjoni tal-baned u s-solisti, bejn is-sigurta’ tal-post u bejn il-ġbir tal-flus u l-problemi kollha li jinqalgħu waqt l-attività, il-ħin għosfrilna u kien baqa’ biss il-lejl biex induqu mill-fdal ta’ tliet ijiem memorabbli.

Il-ħolma li xi darba inkunu parti minn avveniment kbir li l-prinċipji tiegħu jixhdu l-ħajja libra u mużikali tagħna, issa konna wettaqnieha. Il-MaltaSajf kien riflessjoni tat-tbaħrit u l-ispontanjetà tagħna fuq skala nazzjonali. Il-funtana tat-Tritoni saret il-palk bil-containers, iċ-caċċir u r-ritwalijiet bl-inbid u s-smoke fiċ-ċimiterju u l-postijiet l-oħra issa saru l-wesgħa tal-ħaxix, u l-ħajja vagabonda tagħna ta’ tixwil u rqad barra konna issa, finalment, offrejnieha wkoll lil kull rocker Malti, hemmhekk f’Ta’ Qali, fil-MaltaSajf.


Tkompli.



..............................

26.7.05

Tqalliba mill-pitazzi



Fl-Imperial Caffè f'lejla xitwija.


Tħarbixa fuq in-note pad

Il-lirika tal-kanzunetta Il-Qanfud fuq il-kassett IL-ĦAJT.
Din inkitbet fiċ-ċimiterhu stess fejn irrikordjajna.

Graveyard Lilly. Lirika ta' Alex Mifsud li kien irrekordja
kassetti sħiħ bil-kanzunetti tiegħu. Bħalu kienu għamlu oħrajn
li rrekordjaw kassett individwali biex jinsilef u jinstema' min-nies
taċ-ċirku.

Kopja tal-ktieb tal-poeżija ta' Carmel Attard li jien xtrajt mingħandu
b'75ċ meta ġie għand Bertu l-ewwel darba.

Poeżija ta' Carmel li ħarbex dak il-ħin stess għand Bertu fuq il-ktieb
li jien xtrajt mingħandu.

Poeżija li kien qed jikkoreġi għand Bertu.

Disinn arkitettoniku Bulqam. Biċ-ċajt għand Bertu konna qbadna diskussjoni biex nibdew moviment ġdid tal-arti f'Malta. Waqt li bejn is-serjetà u biex nibilgħuh f'sormna, iddiskutejna l-kunċett ta' kif wieħed għandu jħares lejn l-intern maqlub għall-estern u it-ta' fuq imniżżel taħt u viċi versa. Dan bħala punto di vista li wieħed dejjem għandu jħares lejn l-oġġettiv u s-suġġettiv bil-maqlub ta' kif jidhru. Għalhekk BULQAM.


Imbaghad kien hemm il-BÙLA li kien moviment ieħor iffantasizzat minna, li kellu l-iskop li juru l-ħajja libra bħala u l-emozzjonijiet f'susspenzjoni taż-żmien. Dawn id-diskussjonijiet oriġinaw bħal mogħdija ta' żmien minn Pierre Portelli u Mario Magri l-Bauhaus waqt li kienu f'burdata ta' tpaċpiċ u żufjett.

Għajn ta' Bùla. Wiċċ Bùla (bil-qatra) u taħżiż ieħor.


Iffestiġġar għand Bertu. L-okkażjoni meta Bertu rebaħ il-Golden Teabag Award.


Davie Jones fuq il-pitazz tal-graffitti mis-Sid innifsu.

Iktar graffitti fuq il-pitazzi.
Il-Pitazzi bil-graffitti oriġinaw minn xi individwi li kienu jġorru magħhom skartafaċċ biex jipprattikaw id-disinn. Joseph Bouè Buscemi LeBrum (magħruf minn kulħadd bħala l-LeBrun) kien studja l-arti fl-iskola tal-arti u l-artiġjanat it-Tarġa Gap. Il-Lebrun kien fost dawk li kultant miegħu kien iġib l-isketch book.

Skizzi tal-figura nuda. LeBrun

Il-Mangi kien ukoll akkanit tal-pinna li aktar tard żviluppa stil inimitabbli fl-istrixxikli KOKO.

Revoloutionary Mind ta' Pawlu Azzopardi

L-istqarrijiet antikristi tal-Lebrun li bosta drabi qanqlu diskussjonijiet sħan.

25.7.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 8


Pitazz bil-graffitti




L-Imperial Caffè

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 8

Ħolma tal-ġenn.

Il-Ċirku Bertu Funtana kien qed jitħawwar u jitħawwad ġmielu. Il-gajijiet li ġew u ndehsu man-nikleu taċ-ċirku bdew iżidu fil-frekwenza u xi wħud minnhom saru ukoll parti integrali mill-grupp. L-interazzjonijiet u l-interrelazzjonijiet bejn il-gajijiet u l-individwi naturalment żdiedu u kkomplikaw ruħom. Il-korteġġar u l-gosti personali saru jiddeterminaw l-attivita’ ta’ xi individwi li ġieli għażlu jmorru għal rashom. Imma wara kollox il-formazzjoni taċ-Ċirku Bertu Funtana issawret b’mod naturali fuq dan l-ispirtu ħieles. Bħal kull attività f’xi ċentru parrokkjali għaż-żgħażagħ, kien hemm ċerta vibrazzjoni ta’ emozzjonijiet u imġieba li hi karatterista maż-żgħażagħ. L-unika differenza kienet li ma’ kellniex il-kappillan iħuf ma’ saqajna. Pero l-affarijiet kienu qegħdin jnbidlu.

Il-kumitat il-ġdid bi Fra Ġorg fuq quddiemnett iżomm l-istandard ta’ direttur spiritwali, beda x-xogħol fuq il-post fejn kellna nibdew niltaqgħu il-YMCA il-ġdida. Fi Triq il-Merkanti, Nru. 41 fir-raba’ sular, bdiet il-manutenzjoni tal-post li kien ilu magħluq għal xi snin. Kull minn seta’ ta daqqa t’id. Min ibajjad, min iħalleb is-saqaf, minn jiżbogħ it-travi u min iqandel l-għamara li ma kienetx faċli biex ittellagħha dawk id-99 tarġa għal hemm fuq. Il-veduta irreżistibbli mill-kamra prinċipali kienet dik tal-port il-kbir. Ftit minuti tħares lejn dik il-wesgħa baħar imdawwra bis-swar tal-kottonera u tħossok ispirat u rilassat.

Fil-fratemp, għand Bertu fil-Kafè Imperjal ukoll l-attivita’ żdiedet. Minbarra ċ-ċekċik tat-tazzi tat-tè jew tal-birra, l-imħarbtin li saru midħla tal-post kienu jinvolvu ruħhom f’xi diskussjoni dwar l-aħħar aħbar fix-xena politika, fuq il-knisja u l-anti klerikaliżmu, fuq jekk l-era tal-punk kienetx spiċċat u indifnet, fuq il-lirika tar-rok vis a vis il-kawżi fid-dinja, fuq Mintoff u Fenech Adami u fuq Thatcher u l-gwerra tal-falklands eċċ eċċ. Xi pitazz vojt kont dejjem tarah idur minn id għal oħra fuq l-imwejjed bil-wiċċ tar-rħam. Dan kien mezz prattiku u effettiv għalina biex niktbu l-graffitti tagħna u kienet drawwa li min jiġi għand Bertu jagħti titwila lil dan il-pitazzi li kien idum idur xi ġimgħa fuq l-imwejjed. Il-pitazz kien iservi ta’ minbar fejn fuqu l-individwu jperreċ fehtmu taħt il-forma ta’ frażi jew simbolu skond it-twemmin tiegħu. Mhux darba u tnejn it-taħżiż fuq il-pitazz serva biex qajjem xi argument. Kien hemm ukoll mumenti fejn dawn il-pitazzi issawru fi strixxikli li konna insejħulhom KOKO live jew KOKO flash.


Filwaqt li l-kav. Gużè Galea kien ikun bil-qiegħda jixrob tazza kafè u jitkellem ma’ xi ħabib tiegħu dwar l-aħħar tiftixa fl-arkivji tal-Bibljoteka nazzjonali, kienet tqum xi disskussjoni taħraq fuq in-naħa l-oħra tal-ħanut dwar l-użu ta’ l-armamenti nukleari jew jekk il-knisja għandiex tindaħal fuq il-kondojiet. L-għajjat kien iżid u l-klieb ta’ Bertu (li ġieli kien hemm tlieta minnhom), jibdew jinbħu u bħat-talk shows tal-lum, Bertu kien ikollu jidħol b’xi buffunata biex jikkalma l-irjus sħan.

“ Hawnhekk il-Kafè Imperjali fi triq il-merkanti ma’ triq il-briganti, tiġi biex tibla’ wieħed Imperjali jonkella tmur faċċata u tibla’ wieħed Mondjali” Dawn kienu battuti komiċi ta’ Bertu biex iżomm l-umoriżmu ħaj u jtaffi mis-serjeta’ tal-kustjonijiet li jinqalgħu fil-ħanut. Kellu għexur minnhom merfugħin fil-komma u kien joħroġhom jew biex jitfi n-nar tal-argument jew biex iħoll is-silġ tal-infamiljarità. Kien jgħidhom lil klijent ġodda jew lil parruċċani irrispettivament mill-klassi jew status tagħhom, għalkemm kien dejjem isib il-mument xieraq mingħajr ma’ joffendi. Il-kariżma ta’ Bertu kienet is-sigriet tas-suċċess tal-Imperial Caffè u kull bniedem ta’ kull eta’ minn kulinkwa sfera soċjali kien jidħol għand Bertu imqar biex jixtri pakkett sigaretti u bit-trattament li jaqla’ mingħand Bertu, ibqa’ żgur li kien jerġa jigi jixtri darb’oħra.

Dak iż-żmien l-aljenazzjoni tat-TV kienet qed tirranka ġmielha. Diversi toksijiet żgħar madwar Malta kienu ilhom li bdew it-triq tan-niżla u kienu qed ikampaw bil-filmijiet ta’ Pierrino u Edwich Fenech. Id-daqqa tal-mannara ħaduha meta bdew ixandru l-istazzjonijiet sqallin li b’biċċa booster mal-erjal kont taqbadahom sew u għalhekk, minkejja li f’Malta kellna biss it-television iswed u abjad, wara nofs il-lejl, klandestinament beda jaqleb għall-blu. Bertu għal raġunijiet differenti minn dawn, tħajjar jistalla t-televiżjoni fil-ħanut tiegħu u allura dan kompla jżid ma’ l-istorbju fil-Imperial Caffè.

Lejla minnhom għal ħabta ta’ Marzu ‘83 jidhirli ftit qabel jew ftit wara r-Rock Mass, waqt li konna miġburin fil-ħanut għand Bertu, fuq it-televiżjoni bdew ixandru il-famus kunċert tal-1969 WOODSTOCK. Kulħadd waqaf milli kien qed jgħid jew jagħmel u ċċassajna lejn dat-televiżur se jaqa’ biċċiet, bi stampa monokroma u fjakka u bil-volum itextex. Imma widnejna kibru xiber. B’devozzjoni kbira smajna ‘l Joan Baez, lil Crosby, Stills, Nash & Young, lil Ten Years After, eċċ eċċ. Maħkunin b’dawk ix-xeni ta’ nies hippies u mużika bdiet ħierġa litanija ta’ espressjonijiet minn fommna miftuħ waqt li jarmi d-duħħan tas-sigarretti.. “Far out man!” “tal-ostja ras!” “il-lalla x’buzz!” eċċ eċċ. Woodstock kienet il-ġenna tal-art, il-ħolma li joħlom kull min kien jgħix il-ħajja tagħna. Kif kellna nitwieldu daqs tant snin wara u daqstant eluf ta’ mili ‘l-bogħod?

Ma niftakarx min kien li ssuġġerixxa li nagħmlu kunċert bħal dak imma naf żgur li moħħ Bertu xegħel daqs bozza tal-mija u malajr beda jwebbilna bl-idea. Il-kumitat il-ġdid kien kompost minn membri tal-affari tagħhom u ma nistax ngħid li kellhom xi tendenza megalomanjaka fir-rigward tal-attivitajiet li kienu jorganizzaw. L-idea tal-kunċert stil Woodstock għoġbithom imma ittendew bir-responsabbiltà kbira finanzjarja li kien se jġorr fuqu dan il-kunċert. Huma raw li biċċa YMCA maltija li għada f’infanzja tagħha u b’xi erbgħin lira biss taħt rasha, ma kienet se tkun qatt kapaċi tidħol għal kunċert ġgantest ta’ tliet ijiem, bl-entratura gratis? Il-kumitat ma riedx jidħol għal din ir-responsabbilta’ enormi mingħajr garanzija ta’ sponsor qawwi li kien lest jippompja l-liri. Għalhekk irriffjutaw. Imma Bertu kien determinat li jwettaq din il-ħolma u saret pressjoni biex il-kumitat tal-YMCA (li kien ilu fit-tmexxija ftit ġimgħat biss) jirreżenja. Malajr ifforma kumitat proviżorju biex jorganizza din il-verżjoni maltija tal-Woodstock. Il-kunċert ingħata l-isem ta’ MALTASAJF u kellu jsir f’Awissu ta’ dik l-istess sena (1983). Il-ġirja sal-barkun. Kien għad fadal biss ħames xhur u l-Imperial Caffè f’tebqa t’għajn, ittrasforma ruħu f’uffiċċju u kwartieri. Nies jittajpjaw l-ittri lill-ministeri għall-permessi, u ittri biex l-attivita tkun sponsorizzata. Nies deħlin u ħerġin bid-donazzjonijiet mill-fabbriki. Telefon iċempel bis-segretarji tal-ministri fuq il-linja, u rappreżentanti tal-baned rok mix-xena lokali bdew ġejjin biex jindagaw fuq l-attività. Kull filgħaxija, il-kumitat proviżorju MALTASAJF kien jitla’ minn bieb ċkejken fil-ġenb tal-ħanut għal fuq fejn qabel kien hemm il-pastizzar u hemm Bertu, bħal xi Dun Mikiel Xerri u sħabu miġburin fis-satra tal-lejl, kien imexxi l-laqgħa u flimkien konna nippjanaw id-dettalji kollha ta’ dan il-festival maratona li sa dak iż-żmien kien għadu qatt ma sar bħalu f’pajjiżna.

22.7.05

Mill-istrixxiklu KOKO tal-Mangi p15
Mill-istrixxiklu KOKO tal-Mangi p14
Mill-istrixxiklu KOKO tal-Mangi p13
Mill-istrixxiklu KOKO tal-Mangi p12

21.7.05

Ic-Cirku Bertu Funtana 7

Il-kassett li rrekordjana fiċ-ċimiterju
Il-qoxra tal-kassett IL-ĦAJT li jikkritika lill-bniedem fuq id-diviżjoni li qed joħloq bejnu u bejn in-natura. Dan ġie rrekorjat filgħodu qalb is-siġar u l-veġitazzjoni selvaġġa taċ-ċimiterju abbandunat.
Il-kassett taż-żewġ serati fuq it-tarġiet ta' Santa Barbara. L-ewwel lejla fl-1982 tinkludi lill-Ħawħa u it-tieni lejla tinkludi lil Mr Jones u l-ħuh, żewġ Ġermaniżi li kienu qed jivvjaġġaw u waqfu għal xi jiem Malta. Huma nzertaw għaddejjin minn strada rjali u komplew magħna bid-daqq u l-kanzunetti tagħhom. L-isem li tajna l-kassett bil-Ġermaniż imkisser jindika li dik il-lejla konna mkeċċijin minn fuq it-taraġ mill-kuntistabbli 'Ejjaimxiċċaqlaq' kif fil-fatt jinstema fuq l-istess recording.
Fuq iċ-ċint.
Imkejjen sagri.


Iċ-ċint ta’ putirjal kien iservi fil-biċċa l-kbira bħala post fejn konna niltaqgħu peress li kien l-ewwel art meta wieħed jiżbarka minfuq tal-linja. Fuq iċ-ċint u madwaru kienu jigu diversi żgħażagħ imħarbtin minn kull rokna ta’ Malta u kien punt ta’ referenza għan-nies taċ-ċirku Bertu Funtana biex jisimgħu l-ewwel aħbarijiet jew fejn qiegħed it-tali, x’se nħawdu llum u fejn se nintefgħu il-lejla. Fuq iċ-ċint konna nitħalltu ma’ rockers oħrajn li ma nafuhomx u jekk il-karattru jikklikkja ma’ tagħna, naqra naqra jiskopru d-dinamiċità tal-grupp u jintlaqagħu b’id miftuħa. Iċ-ċirku Bertu Funtana ma’ kellux mexxejja dikjarati jew awtokratiċi u r-regoli applikati kienu biss dawk tas-selezzjoni naturali mingħajr ibbullijar. Per eżempju kien hemm ċerti individwi li l-kwalitajiet vjolenti tagħhom ma sabux appoġġ fil-grupp. Oħrajn li kienu jiddettaw u jridu li tgħaddi tagħhom sabu ħajt ma’ wiċċhom u eventwalment dabbru rashom.

Ir-Roj tal-gabbana l-ħamra ta’ fejn iċ-ċint (li kien fula maqsuma ma’ Buddy Holly), kellu salib oħxon bina. Il-gaj tagħna, ġuvintur u tfajliet bla sura kif konna nkunu libsin, x’aktarx li konna ngerxulu n-nies u nnaqsulu l-bejgħa bin-nofs. L-inbid ma konniex nixtruh minn għandu għax kien iġib biss ta’ Coleiro u aħjar daqqa ta’ kantun fuq moħħok milli ssofri l-effett ta’ dan l-alkohol li ma kienx denju jissejjaħ inbid. Tiskanta anki meta tgħix bl-għakkarija tagħżel l-aħjar. B’xi pakkett Twistees jew xi pasta tal-4ċ minn dawk ir-roża li kultant konna nixtru mingħandu, ma kienx se jimxi ‘l quddiem fin-negozju. Meta kien ikun hemm aħna fuq iċ-ċint, it-twejqa li kellu fuq dik in-naħa biex iservi lin-nies, rari kienet tara klijenti. Li ma kienx għaż-Żejża bar (il-gabbana tal-ħalib) fuq ix-xellug tiegħu, x’aktarx li ma kienx idawwar lira biex jgħix hu u jmantni ‘l-familtu.

Dan mhux għax konna xi nies ta’ qattgħni għalkemm kif semmejt qabel, kont tinzerta xi tnejn minn San Ġiljan li ġlieda kienu jikluha. Kont tarahom jixxenjaw kif tellgħu sa Tas-Sliema biex jifqgħu li xi Rockabillies (Teddy boys) tal-Ħamrun u kif ġabuhom kapuljat u lanqas wieħed li hu wieħed bin-nokklu m’għaddiha lixxa.

Jekk dawn kienu biss rakkonti irreċtati b’deskrizzjonijiet ta’ dmija u snien itiru u li forsi żarżru f’widnejn kull min kien għaddej minn hemm dak il-ħin, id-drama vera kienet għada se tibda. Hekk kif jasal is-Sid minn Ħal Safi, jaqbeż minfuq tal-linja u jeħodha bil-ġirja sa fejn iċ-ċint u f’qamsa waħda jtir għal wara ċ-ċint u jibqa’ nieżel għal isfel f’dak l-għoli kollu tal-foss ta’ Bieb il-Belt, b’dik it-twerziqa ddisprata li titfi għax-xejn. “Madonna!” In-nies li nzertaw jaraw dix-xena jibjadu bil-qatgħa, iċċassati quddiem iċ-ċint, imwaħxin kif żagħżugħ hekk teneru itemm ħajtu b’dal-mod ikrah f’suwiċidju. Pawsa li tiffiżalek demmek, imbagħad...imbagħad tidher id minn wara ċ-ċint tiggranfa u oħra tiġġebbed biex tilħaq ix-xquq, imbaghad ras u tqanziħa ta’ bniedem jissara biex jitla’ ma’ ħajt. U s-Sid jitfaċċa jixxabbat minn wara ċ-ċint u b’sieq wara oħra jmiss l-art quddiem koċċ nies miblugħin b’dak li raw. U sakemm tmurilhom id-dexgħa, bil-mod il-mod jirrealizzaw li waqgħu vittma ta’ ċajta goffa u mixgħufin ikompli għal xogħlhom. Id-dramm jispiċċa u aħna nfaqqgħu id-daħq u nogħxew. Is-Sid kollu mbissem u kuntent bir-riżultat li rnexxielu jillandja tajjeb fuq il-ħoġor moħbi wara ċ-ċint u li b’suċċess irnexxielu wkoll jaqta’ xi għaxar snin minn ħajjet dawk li tahom il-qatgħa. Ir-Roj tal-gabbana, isfar mewt irodd is-slaleb u jgħajjarna mġienen u jgħid lis-Sid li alla ħabbu li ma baqax nieżel għal isfel.

Minkejja li kważi kulħadd kien issa ittesserat mal-YMCA, il-funtana u l-postijiet partikulari taghna kienu għadhom jiġbduna lejhom bħal kalamita. Hemmhekk komplejna bit-tbaħrit tagħna bħaċ-ċuqlara tal-imgħoddi li kienu jżejnu t-toroq bil-għana u d-daqq. Trubaturi li ta’ żaqqhom f’fommhom iperrċu l-emozzjonijiet tagħhom fil-beraħ tal-pjazez u t-toroq. Bid-differenza kbira li lilna ħadd ma kien jiggustana u japplawdina. Forsi konna aktar nixbħu l-vagabondi mistħerrħin mis-soċjetà. Imma din kienet il-ħajja li fittixna. Mingħajr pretenzjonijiet u mingħajr pika, daqqejna fit-toroq. Bosta minnha u ninkludi lili nnifsi, tgħallimna l-kitarra mit-triq. Wieħed juri lill-ieħor x’jaf u ħallatna u qsamna flimkien l-esperjenzi tal-kordi fuq t-tastiera tal-kitarra. Dan ma jfissirx li sirna xi Jimmy Page jew Richie Blackmore. Kien hemm minn kien kapaċi iktar minn ħaddieħor imma jien ma niftakarx għira u pika li żammitna milli nesprimu ruħna liberament. U lanqas ma dħalna f’kompetizzjoni diretta ma’ klikka jew oħra. L-iskop f’dan l-istadju żagħżugħ ta’ ħajjitna ma kienx li nelevaw ruħna għal xi kategorija kolta imma kien propju li ngħixu il-mument f’dawk iċ-ċirkostanzi li ntasabna fihom. Inkonxjament konna nafu li sibna ruħna hemm f’dak il-post, ma’ dawk in-nies, f’dak iż-żmien u li tipprova kemm tipprova toħolqu ma jirnexxilhek qatt.

Il-kitarra ma hedietx mill-daqq fuq il-funtana tat-Tritoni. Fuq it-taraġ tal-knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika konna wkoll ninġabru indoqqu. Hemmhekk irrekordjana żewġ serati memrabbli li ġbarnihom f’kassett wieħed. Armati b’zewġ kitarri, ħarmonika, filfloppi u dak li ġie għal idejna, għaddejna l-lejla straight sal-bajd (b’xi eċċezzjonijiet) imma ibbażżjati bil-mużika u l-kant. Toni l-Ħawħa kien Rastaman, iffissat fuq Bob Marley. Il-Ħawħa kien wieħed mill-eċċezzjonijiet li semmejt għax xi naqra tlaħliħa Marsala ddur ġo moħħu kien ikollu. Bit-tappijiet tas-sufra fil-but tal-ġakketta tal-ġins biex iżomm amment ta’ kemm-il flixkun xorob matul il-ġurnata. Mhux għax kien jimportah wisq. Il-Ħawħa kien spettaklu waħdu, tih it-tappijiet tas-sufra fil-but, akkumpanjament tal-kitarra u udjenza u erħilu jaqsam lil kulħadd bid-daħq. Jekk tieqaf il-kitarra kien jintefa jtaptap idejh ma’ koxxtu u b’ħalqu jdoqqlok xi melodija bħall-Popcorn jew il-High Chaporal u jimita il-ħsejjes tal-blalen tat-table tennis. Fuq it-taraġ ta’ Santa Barbara filgħaxijiet fit-tard kienu jgħaddu minn quddiemna dawk li jkunu għadhom kif ħarġu miċ-Ċinema tal-Embassy, l-Ambassador, il-Ġawhra u l-Ġojjell. Paragunat ma’ xi film ta’ Hollywood, f’għajnejhom, id-divertiment tagħna kien jidher fjakk u medjokri. Kif tista’ tqabbel lil Ħawħa ma’ Clint Eastwood!

Kellna post ieħor li fih konna ninġabru għat-tbaħrit tagħna. Iċ-Ċimiterju abbandunat taħt Beltissebħ. Qalb l-oqbra u l-lapidi legligna u pejjipna fis-satra tal-ħitan għoljin u s-siġar t’hemm isfel, u kemm-il darba kkontemplajna fuq il-passaġġ bejn il-ħajja u l-mewt. Ir-ritwal tat-tipjip tal-ħaxixa flimkien mad-daqq, id-diskors taħt l-ilsien u x-xorb tal-għenba magħsura kien joħloq atmosfera spirtwali u jgħaqqadha f’ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-kummunjoni tagħna. Fiċ-ċimiterju irrekordjajna żewġ tapes. Wieħed li semmejnieh il-Ħajt fejn fih nikkritikaw lill-bniedem li jqis ruħu superejuri għall-ħolqien kollu tad-dinja u fejn bl-attitudni egositika tiegħu u l-istil modern tal-ħajja li qed jikkrea, qed jibni ħajt bejnu u bejn l-annimali u l-istess natura li żżommu ħaj. It-tieni kassett huwa sensiela ta’ kanzunetti spontanji u oħrajn magħrufin man-nies taċ-ċirku Bertu Funtana, xi wħud minnhom f’tentattiv biex inqajjmu l-mejtin (allegorikament, għall-ħajjin li qishom mejtin).






Tkompli



.............................

20.7.05

Ħdejn il-kappella ta' Tignè kien hemm bar li bdew jintefgħu xi rockers u bikers. F'Tignè bdiet attivita' ikkordinata mill-Assoċjazzjoni Sportiva Tignè fejn kienu allokati l-eks kwartieri tas-suldati Ingliżi, lil gruppi u għaqdiet għal użu kulturali u sportiv. Il-kappella stess aktar tard intużat bħala lok għall-avvenimenti ta' din ix-xorta.

19.7.05

Ic-Cirku Bertu Funtana 6

Fl-Ombra tal-organizzazzjoni.

Il-posponiment tal-ispirtu żagħżugħ ma kienx jgħodd għal kulħadd. Il-kbir kien għadu ġej. Fl-aħħar tas-70ijiet l-industrija tal-mużika rok speċjalment dik Ingliża, ħalliet l-atar tagħha fuq dawn il-gżejjer u l-invoga tal-gruppi Led Zeppelin, Deep Purple, Queen u ruxxmata iktar flimkien mal-punk rock tas-Sex Pistols, Stranglers, the Clash u oħrajn bdew jixterdu qishom l-imxija tal-influwenza. Diffatti bdew isiru d-distinzjonijiet bejn ir-rockers awtentiċi u l-dawk posers. L-awtentiċi kienu kienu dawk li bħall-erwieħ mitlufa kienu jiġġerrew mat-toroq libsin ġins inkallat, buz bil-pett mikul u ġakketta tal-ġild imqabra. Dawn kienu jafu x’inhi l-vera mużika u jafu jiddefinixxu bejn andament rittmiku u riffijiet ripettittivi. Il-posers kienu dawk libsin l-aħħar flokk tal-Iron Maiden, nodfa tazza u mqaxxrin puliti u li filgħodu jaħdmulek il-fabbrika u filgħaxija jintefgħu bil-walkman f’widnejhom u bil-liri fil-but jixorbu l-Coca. Għira forsi? Jista’ jkun imma li kien żgur hu li r-rokers bdew jiżdiedu.

Bdew isir l-ewwel kunċerti fl-1982. Valdacry, Fusion u ieħor li insejt ismu ghamlu kunċert flimkien, jekk niftakar sew, l-Orpheum il-Gżira. Warajhom Stratkast fl-istess post. Kunċerti żgħar fl-Tignè minn diversi gruppi rock u punk. Imbagħad ir-Rockfest li ta’ spinta ‘l quddiem lix-xena tal-baned rok maltin. Ir-Rifffs bdew jagħtu kunċerti u xi gig ‘l hawn u ‘l hemm u ġennew bosta punks u rudeboys warajhom bit-Too Pushy Mamma, imbaghad wara d-Dance Music for the 80s depression. Bil-mod il-mod ir-rockers bdew isibu l-irkejjen partikulari tagħhom prefferibbilment fejn ikun hemm xi jubebox bil-mużika preferita. Bdew jiffurmaw klikek f’postijiet different, it-Torri Bar Tignè u l-ieħor fejn kienet il-guardroom l-antika tal-Ingliżi ħdejn il-kappella ta’ Tignè. Ħal Qormi u r-Rabat bdew ukoll ikollhom ir-roqgħa tagħhom. Bdew isiru xi rock nights f’diversi postijiet madwar Malta.

Din l-isplużjoni ta’ mużika qawwija u ribellża flimkien mal-valuru differenti li bdiet iġġib magħha, bdiet togħrok għajn l-awtoritajiet. Il-massa li titħarrek dejjem tinkwieta lin-nies tal-poter. Diġa semmejna l-Tignè u l-AST u għalkemm wieħed jista’ jara l-pożittiv ta’ dan, min-naħa l-oħra ma nistgħux ma nxommux strateġija ta’ kontroll li taħt l-umbrella tal-organizzazzjoni tibda tagħti d-direzzjoni hi u tliġġem lil dawk li jkun sejrin barra l-linja. L-awtoritajiet tal-knisja wkoll tħajru jitfgħu ix-xbiek biex jaghmlu s-sajda tagħhom. Fl-1983 saret l-ewwel Rock Mass bil-għan li tressaq li dawn iż-żgħażagħ devjanti lejn is-sagramenti u l-preċetti tal-knisja. Id-dell taħt din l-umbrella ‘qaddisa’ inħass ristrett u strinġenti wisq għall-ispirtu ħieles ta’ rockers. L-attivita’ fil-forma ta’ quddiesa rok li saret Santa Tereża Birkirakara, kellha rispons fenominali. Il-knisja kienet imballata bir-rockers ghalkemm il-KDŻ li organizzata rat kif għamlet u kaxxret magħha kull moviment u għaqda reliġjuża li sabu minn Malta kollha. L-attrazzjoni għar-rockers dakinhar pero, kienet il-mużika u l-grupp Stratkast. L-atmosfera fil-biċċa l-kbira kienet profana b’xi joint idur minn taħt, bl-agħajt u t-tpaċpiċ u b’xi rokan imdamdam bl-inbid, jistrieħ minn qasma bewl mal-konfessinarju. Xi wħud minna taċ-Ċirku Bertu Funtana konna involuti f’din ir-Rock Mass u ħdimna mill-qrib mal-KDŻ. L-influwenza reliġjuża ma naħsibx li ħalliet l-effett mixtieq mill-knisja għallanqas, mhux daqshekk malajr. Dan għax xi snin wara smajt li kien hemm xi rockers li daħħlu f’movimenti reliġjużi u li l-quddisiet rok, ghalkemm mhux bil-kobor tal-ewwel waħda xorta baqgħu isiru. Allura nista’ ngħid li s-sajda ta’ KDŻ qabdet ukoll xi ħut fix-xibka.

L-ombra tal-organizzazzjoni bdiet riesqa wkoll fuq in-nies taċ-Ċirku Bertu Funtana. B’dawk il gzuz ta’ rockers deħlin u ħerġin fil-Kafè Imperajal, Bertu li kien membru attiv fil-YMCA tas-70ijiet beda jħajjarhom biex jiffurmaw kumitat u jmexxu l-YMCA il-ġdida. Qabda rockers mhux la kemm taqbad u tliġġimhom u ssuqhom fejn trid. Bdejna ntellgħu u n-niżlu din l-idea. Bertu b’makkerija ta’ xitan kien jaf kif għandu jdawwarna. Issikka minn hawn u ffitta minn hemm, wegħedna post fejn niltaqgħu u norganizzaw l-affarijiet tagħna u anki fejn indoqqu kellu jipprovdilna. Fil-bard ta’ Jannar kif tista’ tirrifjuta saqaf fuq rasek u bir-riedni f’idejna wkoll...it-tentazzjoni għelbitna u aċċettajna bil-kundizzjoni li nsibu isem ieħor għalina minflok YMCA. Bertu żamm iebes u fl-aħħar għaddiet tiegħu u issa sibna ruħna taħt umbrella ġdida bl-isem ta' YMCA. Fra Ġorġ li kien introdott minn xi żgħażagħ taċ-ċirku sab ruħu f’dan il-kumitat il-ġdid. Iddikjara lilu nnifsu Direttur Spirtwali u saret elezzjoni u nħatru l-ewwel membri tal-kumitat.

Iċ-Ċirku Bertu Funtana kien għadu mtajjar, jixxewwel mar-riħ tal-mużika u l-ideali tal-ħajja libra. Bil-mod il-mod u mingħajr ma ndunajna bdejna nersqu lejn il-formalita’ u ir-regolamentazzjoni. Ħassejna li taħt l-umbrella tal-organizzazzjoni stajna nwettqu dak li ħlomna u li b’hekk stajna nħallu l-marka tagħna fis-soċjeta.

Fuq il-mejda ta’ Bertu fl-Imperial Caffe, mat-tazzi tat-tè, issa kien hemm it-tajpiera u warajha tfjala tittajpja l-ismijiet tal-membri l-ġodda tal-YMCA.


tkompli..............................

18.7.05

Ic-Cirku Bertu Funtana 5

La Boem

Ghal hafna minna il-mewt ta’ Pawlu l-Lennon kienet dexgha mhux hazin. Ippruvajna niftakruh u nfakkruh b’xi poezija li wahhalna mal-frigg ta’ Bertu jew billi dahhalnieh fi strixxiklu bi storja stil Trevor Zahra, imma z-zmien inessi u l-hajja tkompli. Wara kollox bosta minnha ridnieha tal-horox u tal-imharbtin. Kollna bwiez u ggieget tal-gild, ginsijiet imqattghin, labar u msielet imdendlin, ridna naffrontaw l-esperjenzi kiefra tal-hajja b’kuragg u bid-dinjitha ta’ rockers li konna.

Dan l-istil ta’ hajja li ghazilna ma kienx kompatibbli mal-normi socjali u ghalhekk barra l-hars ikrah li konna naqilghu min-nies 'normali', mhux darba jew tnejn gejna imkeccija l-barra minn xi diskoteka jew anki mit-triq stess minn xi pulizija fejn kien jarana migburin f’ammont ikbar minn numru li tistipula l-ligi. Ghal xi whud minnha li l-gins u l-buz kien parti integrali mill-gisem (u sa anki konna norqdu bihom jew naqbzu nghumu bihom b’kollox), kienet ovvjament difficli li nsibu nahdmu u ndawru xi haga tal-flus. Il-gurnata kollha konna nghadduha b’hamsin centezmu, 35c minnhom ghas-sigarretti u 10c minnhom Twistees u te u l-bqija ghal tal-linja. Biex nixtru flixkun inbid Lacryma Vitis ghal filghaxija konna naghmlu gabra bejnietna mic-centezmi li jifdillna. U dinja kienet kollha taghna. Kien hemm minn kellu l-vizzju li jittallab ghal xi haga zejda imma din kienet l-eccezzjoni u u mhux in-norma. Fid-diskoteki fil-bicca l-kbira konna nidhlu b’xejn ghax nidhlu fl-ahhar siegha biex nirrokjaw jew jippowgowjaw ma’ xi diska rock jew punk. Alfie d-DJ kien il-qaddis taghna u jaqla’ l-grazzji ghax kulfejn kien ikun hemm hu, ahna konna nidhlu u nizfnu zgur.

Paceville dak iz-zmien kien ghadu vergni u innocenti b’xi erba’ barijiet imxerdin, imma ftit li xejn konna nersqu ‘l hemm. Fis-sajf konna nintefghu Bugibba s-Caesar’s u iktar ‘l quddiem fid-diskoteka tal-lukanda Riza. Wara li jaqleb nofsilejl Alfie kien jaqleb ghas-seher tal-muzika taghna. Bosta mir-residenti kienu jkun irtiraw jew marru jixorbu band’ohra u hawn konna nidhlu ahna libsin imcercrin u imdamdmin bil-Marsala, u hadd ma kien iwaqqafna sa xi s-satghejn u nofs ta’ bil-lejl meta kien jaghlaq id-disko. Tal-linja dawk il-hinijiet baj baj u hadd minna ma kellu imqar xi bicci karrakka li twassalna minn post ghal iehor. X’konna naghmlu? Norqdu hemm. Giela qbizna xi cint ghal go xi Court tat-turisti u rqadna fuq id-deck chairs tal-pool. Gieli rqadna fuq il-blat fejn il-bahar u gieli ma rqadna xejn. Ghamilna zmien pero, daqs zewgt isjuf infila, fejn ikkapparrajna flat, gebel u saqaf u hemm konna ninxtehtu norqdu fuq il-kartun biex ma nsirux bojod bit-trab. Gieli konna xi tuzzana reqdin gozz fuq xulxin u jekk xi hadd jaqbdu l-bewl u l-hara kien izejjen xi rokna bih. Filghodu imbaghad, bhal corma zombijiet nimxuha sa San Pawl ghal kafe u l-pastizzi, mbaghad nirkbu tal-linja ghall-Belt.

Dil-hajja anarkika u franka minn kull responsabbilta’ kienet tinzlilna helu elizir. Bil-kitarra daqqejna u ghannejna dwar il-holm u xewqat taghna. Ridna kieku nbiddlu d-dinja u naghmluha Boema, ‘l boghod mill-konflitti u l-korruzzjoni tal-politika. Il-funtana tat-Tritoni kienet niexfa qoxqox mill-ilma imma rajna fija l-funtana taz-zghozija li ma tieqaf tnixxi qatt il-sbuhija, il-muzika, il-passjoni u l-liberta’. Ir-realta pero, kienet differenti. Xi whud li kienu studjaw kellhom ghazliet difficlu quddiemhom. Ikomplux bl-istudju jew jidhlux fid-dinja tax-xoghol. Il-prospetti fil-pajjiz ma kienux daqshekk sbieh. Il-konflitti interni ghal xi whud kienu kbar. Issieltu bejn ix-xenqiet zaghzugha taghhom u l-kariera ghall-futur. L-adultezza kienet qed thabbat fuq il-bieb ta’ barra.


Strixxiklu KOKO nru10 p9 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p2 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p7 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p6 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p5 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p4 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p3 Posted by Picasa


Strixxiklu KOKO nru10 p2 Posted by Picasa

14.7.05


L-istrixxiklu KOKO nru. 10 fejn jirrakkonta grajja li fiha jidher Pawlu l-Lennon bhala ruh tajba. Posted by Picasa


Tigne' fuq wahda mill-kmamar fejn kienu jipprattikaw il-baned rok kif ukoll fejn kien hemm it-teatru ckejken ta' Ateatru fit-80ijiet. Posted by Picasa


Ic-cint u putirjal. Posted by Picasa


Il-funtana tat-tritoni minghajr il-plattin. Posted by Picasa


Ir-ritratt tal-kassett SID IN JETTA LAND. Numru ta' kanzunetti spontanji li jirrakkuntaw grajja vera ta' zaghzugh li nqabad bil-haxixa. Dan gie rrekordjat taht il-logog ta' putirjal fejn il-mara l-hoxna, f'lejla xitwija fl-1984 fejn konna qed nistkennu mix-xita u l-ksieh Posted by Picasa

Ic-Cirku Bertu Funtana 4

Toghma ta’ mewt.


Fuq l-andament tal-istrixxikli nkompli nikteb darb’ohra. Ha mmur lura ghall-muzika.

Fil-bidu tat-80ijiet kienet il-moda tal-mobile discos li kienu jintramaw fi swali centrali madwar Malta. Fil-Belt jien niftakar ic-Civil fi triq l-arcisqof, u dan kien popolari mhux hazin flimkien mal-Coliseum li jekk niftakar sew minn teatru tac-cinema qaleb ghad-disco. Dawn id-diskoteki kienu l-izvog ewlieni taz-zghazagh li kienu jitilghu il-Belt, imma il-muzika disco u pop ma kienetx tinzel tajjeb mal-imharbtin tac-cirku Bertu Funtana.. Fuq ic-cint mnejn konna nibdew il-gurnata kont tisma’ spiss il-frazi ‘toghma ta’ mewt’ li kienet tfisser li ma kienx hemm fejn tmur u x’taghmel u kullimkien kien mejjet.

Pero fi bnadi ohrajn kien hemm minn kien diga qed ikewwen xena gdida. L-AST li kienet parti mill-gvern bdiet tipprepara kuncert rok bl-isem ta’ Rockfest. Dan kellu isir f’Tigne’ bhala parti mill-Maltafest li kien festival internazzjonali ta’ muzika u kultura. Id-data ta’ meta sar l-ewwel darba, jidhirli li kienet Awissu tal-1982. Il-festival kellu jkun jinkludi l-baned rok maltin flimkien ma’ xi ohrajn barranin. F’dik is-sena partikulari jidhirli li kellhom jigu il-Classix Nuveaux, banda rok tan-new wave.

Sakemm dan kollu kien qed jinhema, il-klikek bdew jintefghu fuq il-funtana. Ma kienx spiss li xi hadd johrog b’xi cassette player ghaliex nahseb li mhux kulhadd seta’ jafforda jixtri iehor jekk jinkisirlu. Pero kienet saret drawwa li fejn tarana kont issib lil xi hadd bil-kitarra. Mhux dabna jew tnejn waqaf xi hadd isejjahli Elvis jien u ghaddej biha fit-triq. Fil-grupp kont issib guvintur u tfajliet ghalkemm dawn tal-ahhar ma kienus fil-maggoranza. Imma t-tizwiqa kienet izzomm liz-zewg sessi interessati f’xulxin u min jikkortegga ‘l hawn min jinnamra ‘l hemm u min izegzeg f’xi rokna. Il-motto taghna kont issibu fuq il-flixkun tal-Lacryma Vitis “the world is fine as seen through wine”. Mal-inbid u n-namur id-daqq ma jonqosx zgur u waqt li l-kitarra ddur fuq l-idejn, l-iljieli sajfin fuq il-funtana bdew isiru l-attrazzjoni tan-nies ghaddejjin biex jirkbu tal-linja. Naturalment, dawn it-tipi ta’ serati ma kienux ezatt ‘id-divertiment onest tal-poplu’ bin-namrati jinqalbu taht it-tritoni jew b’xi daghwa fahxija li kienet tirbombja mas-swar tal-kapitali.

F’dawn is-serati sajfin spikkaw xi individwi ghat-talenti taghhom. Simon li konna nsibuh bhala is-Sid ghax kellu x-xehta ta’ Sid Vicious tas-Sex Pistols, kien wiehed minn dawn li l-improvizzazzjoni u l-ispontanjeta tieghu kienet tbellhek. Is-Sid kien idoqq mad-Davy Jones, banda rok u kellhom il-kamra taghhom Tigne fejn l-AST li semmejt qabel kienet bdiet talloka postijiet ghal zghazagh muzicisti jew sportivi.

L-ispontanjeta u l-umorizmu tas-Sid hallew memorji sbieh f’hafna nies f’dawn l-iljieli muzikali u spontanji fejn minghajr ma trid kont tieqaf tisma’ u tippartecipa mad-daqq. Il-perkussjoni kienet tkun improvizzata bil-flieken vojta tal-inbid jew bit-taptip fuq il-kuxtejn. Fortunatament gieli inzerta li xi hadd gie b’cassett recorder u irnexxielna nirrekordjajna zewg serati li fihom ha sehem is-Sid. Wiehed minnhom semmejnieh il-Funtana Buzz u l-iehor li jibqa’ miftakar minn dawk li kienu hemm semmejnieh Sid in Jetta Land li gie irrekordjat fej il-mara l-hoxna taht il-logog ta’ putirjal. Sid in Jetta Land jikkonsisti f’sett ta’ kanzunetti u rakkonti li jghidu l-istorja vera ta’ zaghzugh li inqabad bil-haxixa.

Ir-Rockfest wasal f’Awissu tal-ewwel sena tieghu. Imma dan l-avveniment li kien ilu mistenni, gab mieghu tragedja li waqqghet lil hafna mill-grupp ta’ fuq il-funtana fi swied ta’ qalb. Fl-ewwel lejla tal-kuncert, wiehed mill-gaj taghna, Pawlu li konna nsibuh bhala l-Lennon, waqa’ ghal isfel minn mal-genb tal-arja tal-kuncert u habat rasu. Tliet ijiem wara miet.

B’tifkira tieghu bdejna niltaqghu f’cimiterju abbandunat wara Beltissebh. Din l-esperjenza fejn biha gejna wicc imb wicc mal-mewt, ghamlitna aktar sensittivi lejn xulxin u gabet fostna ir-rispett u l-ghaqda.

13.7.05


Mill-istrixxiklu 'PATROL' tas-sensiela KOKO 1988 fil-hanut ta'' Bertu il-Belt Valletta. Kevin wiehed mill-karattri li kien jitpenga regolarment. Id-dizavventuri tieghu fuq il-mutur kienu sinonimi mieghu u din il-karikatura ticcajta bil-fatt li l-karattru abbanduna l-imghoddi imharbat tieghu biex jidhol fil-qasam tal-arti. Posted by Picasa

Ic-Cirku Bertu Funtana 3

Xi klikek sfaxxaw u ohrajn iffurmaw. Fil-hanut ta’ Bertu in-nies kienu bhal mewg, daqqa gejjin u daqqa sejrin. Il-klikka tal-politechnic imhallta kif kienet, kompliet naqqset mill-parrokkjalita’ tal-Beltin tad-dijuballi u tal-mandragg kif ukoll introduciet bixriet godda influwenzati mill-kulti muzikali amerikani u minn dawk inglizi. Dahhlu l-epressjoniiet “far out!” u “man” wara kull frazi li tinghad u dahal tip ta’ umorizmu stil Ching & Chong. Minkejja d-diversi klikek ta’ zghazagh li ghalkemm integrati fic-cirku wiesa’ ta’ hbieb fl-ispazju tal-kafe imperjali, xorta wahda dawn il-klikek zviluppaw attivitajiet separati mic-centru tac-‘cirku Bertu Funtana’. Flimkien ma’ elementi artistici mill-iskola tat-Targa Gap u zghazagh li ghexu barra minn Malta jew barra mid-dar, il-kafe imperjal kien borma tbaqbaq ta’ ideat u espressjoni.

Wiehed mill-ewwel prodotti li welled ic-cirku kien l-istrixxiklu, ir-rakkont grafiku fuq il-pitazz. L-ewwel strixxiklu kien ukoll ispirat mill-kultura tal-comics amerikani fejn appuntu l-karattri li jiffrekwentaw il-kafe imperajal saru super eroj tipo batman u spiderman. Imbaghad beda jitpenga il-KOKO li kien ukoll komiku imma aktar fuq il-linji tad-Dandy u l-Beano. Id-disinn tal-istrixxikli naturalment ma’ kellux id-daqqa professjonali, anzi kien ikun ahrax u mhazzez malajr, ghaliex minnbarra li l-bicca l-kbira tal-kontributuri ma kienux imharrgin fis-sengha tal-arti sekwenzjali, gieli wkoll tpenga fil-hanut stess qalb il-gegwigija ta’ nies u l-inbih tal-klieb ta’ Bertu. Maz-zmien ix-xoghol fiq l-istrixxikli sar iktar mirqum u beda jizviluppa stil ghalih u jitbieghed mill-isterjotipi tal-comics amerikani u inglizi.

Il-kontributuri f’dawn l-istrixxikli kienu diversi imma ftit minnhom zammew ruhom impenjati biex izommu s-serje tas-super eroj (li imbaghad saru il-Wisq Qalbenin) u s-sensiela KOKO li kienet miftuha ghat-temi kollha taht il-kappa tax-xemx u lil hinn minnha.

Il-popolarita’ ta’ dawn l-istrixxikli kibret konsiderevolment minhabba li fihom wiehed kien isib karikaturi ta’ nies ta’ vera, xi kultant ukoll grajjiet li sehhew veramnet, kritika socjali u politika kif ukoll ideat bizarri u umorizmu li hafna drabi kien jinftiehem u jkun apprezzat l-iktar min-nies tac-cirku.


Tkompli





.................

12.7.05


Mill-istrixxiklu 'PATROL' 1988 Karikatura li turi botta u risposta bejn karattri differenti b'kapacita' intellettwali differenti. Posted by Picasa

Ic-Cirku Bertu Funtana 2

Fis-70ijiet, il-kafe imperjali jghidu li kien hanut tat-titotla fejn in-nies tax-xoghol f’dak l-inhawi tal-Belt kienu jghaddu ghal xi belgha kafe u zewg pastizzi. Il-pastizzar difatti kien jaghgen u jahmi ezatt fuq it-titotla u ghalhekk bil-pastizzi dejjem maghmulin friski. Meta Bertu ha l-hanut f’idejh xi t-80/81 il-pastizzar kien zarma u ghalaq ghal kollox. Bertu rama l-hanut b’daqsxejn ta’ bar ghall-ispirti imma l-karatteristika maltija tal-hanut baqghet. L-imwejjed tal-kawba bil-wicc tal-irham parigg il-bank, il-vetrini zghar, is-siggijiet bid-disinji mnaqqxin u l-ixkafef bl-inbejjed mal-hajt. Anki s-serratura mferrxa mal-art kellu, a la antika. Fil-bidu ta’ dan kollu kien hemm certu Nikol, sagristan dumnikan li malli kien ilesti l-qadi tal-knisja kien imur u jilbes punk u flimkien ma’ zewgt ihbieb ohra, il-Majo u r-Roj, bdew jintefghu fil-kafe imperjal strada merkanti. Il-bicca cassett player li kellu Bertu ma’ damx wisq ma’ beda jdawwar l-iStranglers u l-Clash. Il-kelma griet li fit-tali hanut wiehed seta’ jisma’ il-muzika alternattiva. Mill-punks gew ir-rockers u l-bqija u l-kafe imperjal sar ix-xehda tal-imharbtin. Il-karattru ta’ Bertu ikklikkja sew ma’ dawn iz-zghazagh libsin il-holoq u z-zippijiet, b’xaghrhom rizza jew ibblicjat, inqarwez jew imberfel.

Matul il-gurnata fil-hanut kont tara nies minn kull klassi u professjoni, avukati, nutara, periti, arkivisti, stampaturi u haddiema ohra li kollha kienu klijentela regolari fil-kafe imperajal izda il-mawra taghhom kienet tkun qasira u kif ilestu mill-kafe jew te tarahom lura ghal xogholhom. Min-naha l-ohra l-imharbtin rockers, li hafna minnhom kienu bla xoghol, kienu jqattghu is-sighat jixorbu tazza te u jitkellmu u jargumentaw fuq ix-xena muzikali barranija u fuq il-valuri ‘l-godda’ li din kienet qed twassal. Movimenti kbar li kkreaw iz-zghazagh barra minn Malta, bhall-moviment tal-hippies, bil-kemm missewna fuq din il-gzira, filwaqt li l-punk rock halla impatt kwazi insinifikanti. Madankollu dawk li kienu konxji ta’ dawn ic-caqliqiet socjali kienu jhobbu jiddiskutuhom u jippruvaw ixerrduhom. Dan kollu wiehed irid jarah fil-kuntest Malti fl-era ta’ Mintoff fejn il-materjalizmu u r-renji ekonomici ma’ kienux predominanti bhal ma kienu fl-Ewropa u ghalhekk il-htiega tal-anti-establishment kienet kwistjoni izghar mill-glieda kontra l-korruzzjoni istituzzjonalizzata u mill-htiega tal-pluralizmu fis-sistemi socjali.ta’ pajjizna.

Tkompli.




...............

11.7.05


Mill-istrixxiklu 1988 'PATROL' tal-istordut. Dawn l-istrixxikli fil-forma ta' pitazzi u li kienu l-l-istess kopji originali, kienu disponibbli biss biex jinqraw fil-kafe imperjali ghand Bertu, il-belt Valletta. Posted by Picasa

Ic-Cirku Bertu Funtana 1

L-istrixxiklu tal-PAQQAMANIJA se jieqaf ghal pawsa ta’ ftit gimghat peress li ma bhalissa m’ghandix iz-zmien noqormu ghal fuq il-blogg tieghi.

Ftit gimghat ilu kienet gietni x-xewqa li nibbloggja dwar xi attivita’ ta’ grupp ta’ hbieb li kienu jiltaqghu fit-80ijiet u li bhal hafna grupp ohra kienu jiffrekwentaw f'postijiet differneti skond it-temp u l-hin. Issa f’dawk iz-zminijiet xotti ma kienx facli li ssib xi Montmartre jew xi Riviera Franciza hawn Malta imma nahseb jekk wiehed jaghmel xi studju antropologiku fuq l-attivita’ artistika, kulturali u socjali ta’ dawk iz-zmenijiet, nahseb li wiehed ma tantx jitbieghed mill-ekwivalenti. Per ezempju niftakar l-attivita’ teatrali li ghalkemm minima u skarsa mix-xinxilli tal-lum, kienet tinhass fiha il-forza politika u z-zerriegha ta’ generazzjoni gdida. Min jista’ jinsa’ lil Ateatru u r-raprezentazzjonijiet taghhom li minkejja l-fjakkizza ta’ props, xenarju u kostumi, id-drammi taghhom kienu penetranti tant li jien cert li ispiraw bosta li llum ghadhom jikkuntribwixxu fil-kultura ta’ pajjizna.

Ic-cirku ta’ hbieb li se nsemmi jien huwa aktar umli f’dan ir-rigward u id-deskrizzjonijiet zghar li bi hsibni nwassal dwaru f’dan il-blogg huma aktar intizi biex juru l-kuntrasti jew is-similaritajiet ma’ dak li qed jigri illum fix-xena taz-zghazagh kif ukoll biex jiddemostraw kif crieki zghar ta’ nies li jwettqu attivita’ zghir kemm hi zghira ghandhom ukoll sehem mill-istampa l-kbira ta’ dak li jkun qed isehh fil-pajjiz.

Il-cirku ta’ hbieb li qed insemmi jien faqqas minn gruppi ohra u matul iz-zmien tieghu faqqsu ohrajn li infirdu mill-qalba tal-attivita’ biex iffurmaw ohrajn differenti. Il-qalba tal-grupp ma kinitx wahda fissa u d-dinamika taghha bidlitha u ferrxitha matul l-ghaxar snin ta’ hajja taghha.

Kienu jiltaqaghu fil-kapitali Vallletta, hafna minnhom kienu gejjin minn diversi postijiet ohra madwar Malta. Bhal ma jafu hafna, it-80ijiet kienu zmenijiet xi ftit imqallba politikament u bil-qaghd jizdied u l-atmosfera partiggjana tikkarga gmielha, grupp ta’ zghazagh dizilluzi mis-sistema socjali laqqaghhom id-destin biex jimmanifestaw ir-ribelljoni taghhom f’xi forma ta’ attivita jew ohra. Dak iz-zmien, l-opportunitajiet ma kienux varji daqs illum u ghalhekk l-iktar postijiet komuni kienu l-barijiet u l-pjazez. Il-grupp li qed insemmi kellu dawn il-postijiet principali li kienu, il-funtana tat-tritoni, ic-cint ta’ bieb il-belt u l-kafe imperjali fil-Belt Valletta (ghand Bertu tal-klieb). Il-grupp ma kienx organizzat minn xi mexxejja partikulari imma kien jibbaza l-attivita’ tieghu skond l-inizjattivi ta’ l-ispontanjeta' tal-istess individwi fi hdanu.

Minkejja li z-zghazagh fil-grupp kienu gejjin minn ambjenti different u bi preparazzjoni edukattiva differenti, l-iktar element li kien iqieghed lil kulhadd fl-istess qoffa, bla dubju kien l-imhabba ghall-muzika zaghzugha ta’ dak iz-zmien. It-tahlita kienet varja fil-grupp tant li kont issib rockers, punk rockers, rasta, ska, mods u hippies kollha flimkien ihokku spalla ma’ spalla. Il-fatt li din it-tip ta’ muzika kienet twassal kritika socjali, ir-ribelljon kontra l-istablishment u t-twelid ta’ valuri godda (anki jekk waslu tard hawn Malta) kienu l-awtem ghall-ezistenza ta’ dan il-grupp.

Minkejja li llum jien ghandi xi rizervi fuq in-natura tal-attivitajiet li zviluppaw minn dan il-grupp aktar 'il quddiem, nista’ nsemmi tnejn li jien nghozz hafna. Dawn kienu il-muzika spontanja fit-toroq u l-ohra hija l-kultura tar-rakkont graffiku. Fuq tal-ewwel nghidilkom aktar ‘il quddiem u fuq tat-tieni se nimpustalkom xi kampjuni li ghalkemm forsi ma jinftehmux minn kulhadd ghax generalment kienu jinkludu nies li kienu jiffrekwentaw ic-cirku, xorta pero, wiehed jista’ japprezzha l-espressjonijiet illustrattivi ta’ nies fi hdan il-grupp li introducew dan il-medju li sa dak iz-zmien, lokalment, kien ghadu skars.

8.7.05


Id-driegh setghani tal-punent. Posted by Picasa

Ghajn ghal ghajn, sinna ghal sinna.

Quddiem din it-tragedja umana, wiehed ma jistax ma jitnikkitx. L-ispluzjonijiet f’Londra gabu maghhom biza’ u swied ta’ qalb. Ghal dawk li tilfu l-gheziez taghhom u ghall-ohrajn li ndarbu serjament, dan il-jum se jibqa’ tebgha sewda fuq hajjithom kollha. Tassew hela ta’ hajjiet. F’dawn il-mumenti ta’ dieqa wiehed normalment joqghod lura milli jikkummenta dwar x’ikkawza din l-istess tragedja. Fl-opinjoniji tieghi nahseb li jkun zball jekk ma nnsaqsux “l-ghaliex” wara li d-duhhan tal-ispluzjonijiet ikun ghab u quddiemna jitfacca d-dmija niexef tal-midruba u l-mejtin.

Hadd mhu cert imma jidher li l-attakk sar mill-istess organizzazzjoni sigrieta li attakkaw Madrid bl-istess motivi ta’ tpattija kontra l-gwerra tal-Iraq u simpatizzanti mal-Al Qajda. Jekk hu hekk, allura din hija stqarrijia politika cara. Jekk nisimghu ftit x’qalu l-mexxejja ta’ xi pajjizi b’reazjoni tal-ahbar kerha. nisimghu minghandhom kliem li jinkludi xi ftit minn dawn il-frazijiet: “attakki godardi, barbari fuq l-umanita’”, “attakki mhux fuq pajjiz wiehed imma fuq in-nazzjonijiet kollha u fuq is-socjetajiet civilizzati”, “attakki li saru minn nies li jxerdu l-mibgheda” ecc ecc.

Tabilhaqq dan jista’ jkun minnu, pero ma nistghux ma nharsux lejn il-problema fit-total taghha u allura imbaghad, kif nistghu ninsew il-gidba ta’ Blair dwar il-potenzjal ta’ Saddam biex juza l-armi tal-qerda tal-massa f’45 minuta? Kif nistghu ninsew it-tama u l-mghodrija ta’ Bush li mar ixerred fl-Iraq permezz tat-truppi kompassjonati tieghu wara li illegalment injora l-approvazzjoni tal-Gnus Maghquda? Kif nistghu ninsew li l-istess Blair u l-Bush gew eletti mill-gdid mill-istess popli taghhom wara li kkommettew dawn ir-reati li bdew gwerra illegittima u li swiet il-hajjiet ta’ hafna nies?

Min huma n-nies innocenti?....dawk li mietu bil-missili fl-invazjoni anglo-amerikana tal-Iraq wara ghexur ta’ snin taht il-madmad ta' Saddam, jew dawk li mietu f’attakki terroristici f’Londra wara li ma rnexxilhomx jehilsu minn Blair wara li dahhalhom fi gwerra?

L-ispluzjonijiet f’Londru zgur li se jkomplu jifirxu n-nirien tal-mibghedu u t-tpattija fil-punent. L-atti mdemmija tat-terroristi huma kontropruducenti. Il-mexxejja punentin b’kawtela kbira jqisu kliemhom f’dawn il-mumenti imma bejn kelma u ohra tinduna li qed irewhu fuq in-nar. Huwa fl-interess taghhom li jkomplu jzommu l-pozizzjonijiet li hadu fuq din il-gwerra ghal hafna ragunijiet li nahseb jafhom kulhadd. Il-prospetti li xi hadd miz-zewg nahat icedi bicca huma remoti hafna. Il-passi gganteski tal-globalizzazzjoni u l-htiega tas-sigurta’ tal-punent jibqghu il-prijoritajiet tal-Amerka u l-Ewropa filwaqt li t-tradizzjonijiet islamici u t-d-difiza teritorjali jibqghu il-prijoritajiet tal-lvant nofsani u tal-pajjizi tal- maghreb. Il-gwerra naturalment mhix ezattament bejn dawn iz-zewg nahat ghaliex hadd minn tat-tieni naha ma jazzarda jehodha direttament kontra tal-ewwel specjalmenti kontra l-Amerka li hija l-unika superpotenza u li ma tirbhilha qatt f’kumbattiment dirett. Ghalhekk inholoq ghadu invizibbli biex jippenetra b’mod iktar facli il-barsalli strategici u fl-istess him ikun difficli biex taqbdu.

Dan l-ghadu huwa iktar perikoluz ghax ma tistax tinnegozja mieghu fuq il-mejda. Jien m’ghandix soluzzjonijiet ghal dawn il-problemi dinjin imma fil-limitazzjonijiet tieghi iddecidejt li la bil-vot u lanqas bil-mod kif nghix m'jien se nkompli nappoggja is-supremazija tal-punent, l-infiltrazzjoni taghha f’kull pajjiz u d-driegh kbir tal-globalizzazzjoni li mhu xejn ghajr imperu ekonomiku u kulturali.
Jien personalment nara ftit tama biex dan il-konflitt jintemm. Il-punent sar jiddependi wisq minn risorsi naturali li m’ghandux bizzejjed fit-teritorji tieghu kif ukoll jehtieglu jespandi l-ekonomija tieghu biex jipprizerva l-livell ta’ ghajxien hali u kapriccuz li issa dara bih. Il-fundamentalisti islamici huma firien imrekknin u ghalhekk se jkomplu jhebbu ghal punent bla biza’ u bla hniena. Wiehed ipatiha lil iehor. Kif kien qal darba Gandhi, jekk se nkompli bil-politika ta’ ghajn ghal ghajn u sinna ghal sinna, id-dinja kollha taghma u tispicca bla snien.

5.7.05


Il-kartellun KAMPANJA ghall-istorduti.
 Posted by Picasa

4.7.05

KAMPANJA ghall-istorduti

Jien imrobbi li farka li hi farka ta’ karta ma narmihiex barra fit-triq. Kull fejn kienu jiehdu lili u l-huti, il-genituri tieghi kienu jgorru maghhom borza jew xi haga biex qoxra ta’ banana jew qartas ma jintremiex fl-art u la fil-kampanja, la fejn il-bahar u lanqas imkien. Hekk kbirt u hekk bqajt naghmel u kien hemm waqtiet meta idecidejt li naghmilha tal-kurnut u nigbor il-hmieg li jhalli haddiehor. L-iskart bdejt nisseparah (ghal xejn) sa mill-1992 meta Stanley Zammit dak iz-zmien seg. parl..tal-ambjent introduca s-separazzjoni tal-iskart f'Malta. Din l-imgieba civika tieghi hi parti minni u naghmillha ghax nirrispetta lil ghajri u lin-nies ta’ madwari.

Issa jien ilni nivvota lil partit nazzjonalista fl-elezzjonijiet generali sa mill-1987 meta vvutajt l-ewwel darba f’hajti. Sa qabel din is-sena l-art tal-Maltin kienet ilha li bdiet tittiekel u tittiehed mill-barunijiet ta’ Mintoff ghal skopijiet privati, u kummercjali. Il-Marsa tal-Inglizi ma baqghetx f’idejn l-Inglizi imma giet f’idejn il-Maltin imma parti sostanzjali minnha hallewha esklussivament ghal-creme de la creme. U ma' din zdiedu gzuz ohra li saru esklussivi flimkien mar-Reserved To Owner illegali li tara kullimkien fil-kampanja.. Il-partit Nazzjonalista kellu din il-frazi famuza fil-programm elettorali tazl-1987 li kienet il-lixka ghal kull ambjentalista lokali. Il-frazi kienet “ u Malta terga’ twarrad fis-sbuhija.” Riedu jghidu li kienu se jrazznu l-izvilupp tal-bini u jaghmlu minn Malta pajjiz il-gmiel tieghu.

Sal-gurnata mqaddsa tal-lum, l-art ghada tittiekel, mhux bin-naqriet imma bil-mijiet ta’ ettari, mill-hniezer tal-kummerc li qishom belliegha fuq l-art, ilefilfu kull fejn jaraw wesgha, xaghra, jew wilga. Issa jmiss ix-xaghra l-hamra ta’ Ghajn Tuffieha u qed tistenna l-kundanna tal-mewt minghand il-mepa.

Il-gvern qed jipprova jzomm isem Malta mat-turist li jigi u jsib il-hmieg ma’wiccu, billi jintensifika l-infurzar u jzid il-multi. Dan kollu sewwa imma kif imbaghad jigi jordna lill-mepa tidentifika s-siti ghal-koros tal-golf. Kif jigi u jaqta’ 112 ettaru art pubblka fi stat naturali u jaghtiha lill-erba’ hzierer biex imeximxu kemm jifilhu u jhallu biss xi grassa jew qarquca bhala taxxa?

M’hemm xejn li jista’ jdawwar lill-gvern lura minn din id-decizjoni meta titiehed. u jista’ jkun li l-pubbliku in generali huwa sajjem mill-informazzjoni dwar l-istupru ta’ art f’din il-gzira. Ghandu mnejn ikun hemm bosta li jiggustaw dik il-hdura tal-haxix bit-tuba u jemmnu l-illusjonijiet li qed jinholqu biex isehh l-izvilupp taghha bhala korsa tal-golf. Il-kwistjoni kollha tal-Verdala jista’ jkun ukoll li kienet xarad min-naha tal-mepa biex mhux dejjem tidher li qed tiffavorixxi il-hniezer spekulaturi ta’ din id-dinja. Dan it-tip ta’ zvilupp ma hawnx loku fuq din blata-simenta f’nofs il-mediterran.

Ghalhekk mil-lum jien iddecidejt li nibda kampanja ta’ dizobbidjenza civili biex nohloq pressjoni fuq il-gvern. Mil-lum se nieqaf nissepara l-iskart u se nibda narmi barra fit-triq. Dan se naghmlu biex dik is-sezzjoni ta' nies li mhix konxja bl-istupru fahxi li qed isir fuq l-ambjent tibda tirrealizza li karta u borza zibel fit-triq mhi xejn hdejn il-herba li qed issir fuq l-art naturali li fadlilna. Borza zibel fit-triq, saqqu, loki u kondojiet kollha jingabru u l-post jerga’ jigi kif kien imma x-Xaghra l-hamra, il-Bahrija u Has-Saptan kif nistghu nergghu ingibuhom lura?

Il-kampanja tieghi li jisimha IZ-ZIBEL FIT-TRIQ, CAJTA ...hija primciparjament indirizzata ghall-istorduti ta’ din id-dinja. Ricerka hafifa fuq l-eteru sibt li storduti fid-dinja kollha hawn tnejn biss. Wiehed minnhom jien u l-iehor impostur li xoghlu hu jahsel il-lokijiet fil-wanowwann. Milli jidher il-kampanja tieghi se tmut fuq ommha.

1.7.05


Strixxiklu satiriku PAQQAMANIJA p8 (ikklikklja fuqha biex tkabbarha) Posted by Picasa