p17 EWROVIZZJI mill-AAGH! nr.!
p18 EWROVIZZJI mill-AAGH! nr.!
p19 EWROVIZZJI mill-AAGH! nr.!
Riżervi
Kif indunajtu il-bloggati dwar iċ-Ċirku Bertu Funtana intemmu. Jien u nibbloggjahom kelli f’moħħi diversi għanijiet u li ma nafx jekk ilħaqthomx ilkoll. Nistqarr li l-istorja u r-rakkonti tal-passat huma ħaġa li nieħu gost bihom.. Lili, almenu nħosshom jqanqluni biex inqabbel żminijieti mal-imgħoddi. Minnhom ukoll nispira ruħi biex nipprova nwettaq ħwejjeġ li jkompli jsenslu ġrajjiet il-predeċessuri tiegħi. Il-kontinwità nħoss li hija importanti fil-kultura tal-bniedem, sakemm wieħed ikun għadu jara valur f’dak li wettqu ta’ qablu.
Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li kkummentaw dwar dawn il-bloggati kemm fil-blogg tiegħi kif ukoll f’tagħhom. Dawn il-kummenti ħeġġuni biex nipprova nibbloggja aktar spiss u nżomm ritmu bejn bloggata u oħra.. Nixtieq nirringrazzja lil dawk li qraw dawn il-bloggati fis-skiet u li għalkemm ma nafx kif laqgħuhom jew laqtuhom, nittama li żidulhom imqar ritratt wieħed fl-album tal-impressjoni tagħhom tat-80ijiet.
Fost dawk li għexu dawk iż-żminijiet bħal Toni Sant u Immanuel Mifsud, apprezzajt ħafna l-interess ta’ dawk li għexu wara din l-era bħal arcibald, stella, Robert, Mark, gybexi, fre, erzija, kenneth, tezor, u frudeboy. Jiddispjaċini li mhux dejjem kelli żmien biex niddiskuti l-proposti li saruli minn xi wħud biex din l-istorja tinġabar u tkun ippubblikata fi ktieb. Però minkejja t-taħbit tiegħi qed inħalli l-bieb imbexxaq fuq din il-proposta.
Il-grajjiet taċ-Ċirku Bertu Funtana llum għaddew bħal ma jgħaddi staġun ir-rebbiegħa u lanqas it-taħżiż u t-tinqix fuq il-ħoġor tal-funtana ma għadu jidher. U dan hu tajjeb għax il-ħajja tkompli u ż-żminijiet jinbidlu. Għalhekk bil-grajjiet li rrakkontajt, mhux daqstant b’nostalġija imma aktar bħala ispirazzjoni, ridt nuri kemm żmien iż-żgħożija hu imprezzabbli u kemm il-ħajja tinżel għasel meta r-responsabbiltajiet li timponilna is-soċjetà ikun għadhom ma għafġuniex taħthom.
Ir-riżervi li kont semmejt illi għandi dwar il-ġrajja taċ-ĊBF, huma kif spjegajt f’nr.12, dwar it-teħid tas-sustanzi narkotiċi li vvizzjaw il-ħajja libera u ddiġeneraw l-interrelazzjonijiet ta’ bejnietna. Riżerva oħra illi għandi hija dik tal-influwenza kbira illi kellna tax-xena żagħżugħa barranija. Minħabba li l-kultura tagħna hija nieqsa mill-oriġinalità u identità lokali, ħafna drabi xrobna biss minn dak li hu ta’ ħaddieħor. Il-mużika, l-ilbies u l-manjeriżmi kienu kważi kollha impurtati u qajla ippruvajna nibnu xi ħaġa fuqhom jew bihom biex niżviluppaw xi forma ta’ espressjoni indiġena. Jekk u meta sar hekk kien forsi iktar sforz il-falliment tagħna biex nimitawhom fedelment.
Imma għal magħmul mhemmx kunsill u illum kieku kelli l-opportunita’ li ngħix l-istess ħajja, nagħmel l-affarijiet xort’oħra. Biss minn dak li nista’ nara, illum hawn bosta ċaqliqiet posittivi biex tiżviluppa din l-espressjoni indiġena u l-karatteristiċi li jgħażluna minn ħaddieħor.
Ippermetuli nissokta għal ftit jiem oħra bl-istrixxikli tal-AAAGH! imbagħad inkompli bis-sensiela tal-Paqqamanija li kienet interrotta minħabba iċ-ĊBF.
No comments:
Post a Comment