AAAGH! ........diwja tal-istrixxikli taċ-ĊBF
AAAGH! L-ewwel ħarġa 1998
Gadajx: il-maskot tal-AAAGH! karattru li kien jintuża fir-roklejlaż talYMCA fit-80ijiet
AAAGH! nru1 p 8 Mill-kexxun ta' artist bravissimu li ried jibqa' anonimu.
AAAGH! nru1 p 9 Separate Realities tal-Mangi
AAAGH! nru1 p 10 Separate Realities tal-Mangi
AAAGH! nru1 p 11 Separate Realities tal-Mangi
AAAGH! nru1 p 12 Separate Realities tal-Mangi
Iċ-Ċirku Bertu Funtana 12
10 snin wara
It-toroq li l-ħajja għandha ħabta tgħaddina minnhom huma mħalltin b’elf tifkira. L-avventuri li nidħlu għalihom jgħallmuna u xi minn daqqiet isabbtuna waħda tajba ma’ art. Kienet wara waħda minn dawn it-tipi ta’ tisbitiet li kelli f’ħajti meta erġajt iltqajt mal-Mangi. Il-ħbiberija ġentili tiegħu u l-proġett żgħir illi fassalna flimkien kienu strumentali biex nissokta nqum fuq saqajja mill-ġdid. Iltqajna propju fil-YMCA fil-lok il-ġdid tagħha li kien faċċata tal-l-Imperial Caffè imma tinżel xi ftit bibien aktar ‘l isfel. L-imperial kien prattikament magħluq fl-1998 meta ltqajna. Anki Bertu kien sab impjieg ieħor u l-ħanut (li iktar sar jixbah xi maħżen) kien qed jiftħu għal erba’ parruċċani li donnhom saru parti mill-għamara u mill-imbarazz illi Bertu kien akkumola fih. Il-YMCA issa kienet fdatha f’idejh Jean Paul, neputih, li ittrasformaha f’internet kafè u organizzazzjoni ħawtiela fil-qasam tal-ħidma soċjali, drama, korsijiet u festivalijiet fost oħrajn. Ir-rok kien preżenti imma mhux dominanti. Minflok rockers kont iktar tara żgħażagħ deħlin għall-provi tal-kor TenSing jew biex jiċchatjaw fuq l-internet. Fl-1998 meta wiċċ Malta kien mibdul f’ġirja waħda għall-karrieri u għal konsumiżu, fil-YMCA kont għadek tilmah traċċi ta’ nies li ma nħakmux mill-mewġa tan-nike jew ir-reebok u l-bqija. Ħdejn il-postijiet ta’ tlaqqigħ popolari maż-żagħżagħ f’dawn iż-żminijiet (bħal MacDonalds u Burgerking), il-YMCA żammet l-atmosfera vibranti b’nies żelużi għall-ħajja. In-nies li kienu jidħlu mill-MITP u l-iskola tal-arti u d-disinn għal xi drink, kienu jżidu speċi ta’ l-awra 'ikkultivata' li f’imkejjen bħal Macdonalds lanqas biss ixxommha f’dik ir-riħa kkoktejljata ta’ burgers u disinfettant.
Qalb din l-atmosfera ħajjarija fil-YMCA, għaxar snin wara l-aħħar strixxiklu li tpenġa għand Bertu, jien u l-Mangi twebbilna nagħmlu ritorn. Din id-darba però kellu jkun strixxiku li stajna inbigħu. Fassalna kif konna se naħdmuh u sibnilu isem ġdid, AAAGH! Kien proġett eċitanti li kellu jħajjar bosti kontributuri li jħobbu l-kartuni u l-comics. L-AAAGH! kien strixxiklu mingħajr editura u mingħajr ċensura. Kien vetrina għal kull minn ried jgħid xi ħaġa bit-tpenġija u bin-narrazzjoni strixxika. Konna ħerqana għal dan il-proġett u konna qed nisperaw li minn strixxiklu fotokopjat jgħaddi għal wieħed stampat. Ħajjarna xi żewġ kontributuri oħra u bdejn inpinġu. L-ewwel ħarġa ntlaqgħet tajjeb minn bosta li ltqajna magħhom fil-YMCA u barra, imma l-ispiża tal-fotokopjar ma nfditx mill-bejgħ tiegħu għaliex kull kopja swietna 90ċ filwaqt li begħnih bis-60ċ jew insomma xi ħaġa f’dak ilma.
Il-Mangi daħal għat-tpenġija b’ruħu u ġismu u l-kontribuzzjonijiet tieghu kienu fost l-aqwa xogħlijiet bil-pinna li qatt ipproduċa u dan għaliex ma setax ikompli jaħdem bil-kuluri peress il-fotokopjar tal-kulur żidilna l-prezz tal-AAAGH! u kien impossibbli li inbigħuh xi lira l-kopja. Jekk il-Mangi kien qed jiviluppa t-tpenġija tiegħu, għal kuntrarju jien kont qed immajna bl-ikrah għaliex erġajt dħalt lura x-xogħol u wara ftit xhur iżżewwiġt u bdejt inrabbi. Sar-raba’ ħarġa tal-AAAGH! jien kont kważi assenti u minkejja li kien hemm kontributuri ġodda bħal MANO, ix-xogħol kollu li kien jirrikjedi l-istrixxiklu ma kienx vijabbli u għalhekk l-AAAGH! kellu jieqaf bħal ma tieqaf għajta tidwi, li mqanqla mill-passat, awdibbli fil-preżent u mitlufa fil-futur.
................................................
No comments:
Post a Comment