Mill-istrixxikli taċ-Ċirku Bertu Funtana, sensiela KOKO.
KOKO nru11 tal-Mangi. p35 mill-istorja ta' Keltandras, b'riklam sarkastiku tal-MaltaSajf.
KOKO nru11 tal-Mangi. p34 mill-istorja ta' Keltandras
KOKO nru11 tal-Mangi. p33 mill-istorja ta' Keltandras
KOKO nru11 tal-Mangi. p32 mill-istorja ta' Keltandras, pjaneta li tixbaħ lil tagħna u li fiha kien hemm il-konflitti bejn l-Andras (aljeni telepatiċi imma ġellieda) kontra l-Klett li kienu aljeni primittivi u barbari mill-muntanji tal-għasel. Meta l-klett ikunu se jinvadu l-art ta’ l-Andras dawn jibgħatulhom immaġni ta’ Jim Morrison telepatikament biex iġegħluhom jirrealizzaw li kienu primittivi u b’hekk irtiraw l-invażjoni. Sadanittant, żewġ Lirjani fuq vettura spazzjali fil-forma ta’ pinna jeħilsu lil pjaneta mużikali mill-oppressjoni gravitazzjonali. Filwaqt li wieħed mil-Lirjani jkun kannibalizzat mill-Klett u l-ieħor jaħrab u jerġa’ jirriproduċi ruħu. L-istorja tagħlaq b’astronawta li jintilef fl-ispazzju biex ikun salvat minn bieb li hekk kif jgħaddi minnu isib ruħu fi żmien id-dinożawri.
KOKO Nru 9 tal-Mangi. p30 innutaw il-kapsula tal-ispeed tiġri bħala simbolu taż-żmien dejjem għaddej.
KOKO Nru 9 tal-Mangi. P28
KOKO Nru 9 tal-Mangi. P28 dwar ir-rivoluzzjoni Franċiża.
KOKO Nru 9 tal-Mangi. P23 Stoney & Man.
KOKO Nru 7 (tal-Mangi) li jittratta l-istorja tad-dinja. P24 dwar l-Eġizzjani.
KOKO Nru 7 li jittratta l-istorja tad-dinja. P16 dwar l-iskoperta tan-nar.
Il-qoxra tal-kassett PROPHECY li ktibna u rrekordjajna jiena u Alex. L-istorja tittratta dwar profezija li kellha iġġib traġedja umana fil-lvant nofsani.
Kartellun ta' waħda mil-ljieli rock li konna nsejħulhom ROKLEJLAŻ.
Il-Bar tal-Imperial Caffè.
Iċ-Ċirku Bertu Funtana 10
Verigoud KOKO
Bħal ma jiġri f’kull festa wara li jgħaddi kollox, jinħass ċertu vojt. Id-diskors fuq il-MaltSajf qabad jitrewwah f’kull bar jew rokna fejn jintefgħu ir-rockers u sar ir-rakkont ewlieni f’ħafna ċrieki tar-rockers ġejjin minn bnadi differenti ta’ Malta. Kull min kien jidħol għand Bertu kien jibda jgħid kemm kien kunċert ta’ lostja u x’buzz tal-madonna kien hemm. Ir-rikjesti biex nerġgħu nagħmlu ieħor kien diġa bdew ġejjin għal fuqna bil-gzuz, iktar mill-ittri tal-P.O.Box Għaxra (programm popolari fuq ir-radju ta’ dak iż-żmien.)
Aħna u nerfgħu l-apparat u nżarmaw kollox wara l-festival, ħadna magħna l-fdal tal-minerali tal-bar, il-kampjiet u l-kostumi karnivaleski li konna iddubbajna biex nużawhom għall-ispettaklu tal-festival. Imbagħad mill-għada ġew jieħdu l-containers li l-kirja tagħhom ġiet tiswa mas-seba' mitt lira, somma konsiderevoli għal 22 sena ilu. Bl-arja f’Ta Qali battala għalli kienet, issa stajna nibdew inħossu fejn laqatna u jekk kienx ħiereġ id-demm minn x’imkien. Il-‘Woodstock’ Malti kien laħaq il-quċċata f’dik li hi atmosfera libra ta’ kunċerti rock f’Malta u baqa’ fil-memorja ta’ ħafna nies għal bosta snin. Imma sfortunatament, il-MaltaSajf falla drastikament fl-organizzazzjoni u fil-publiċità biex iwettaq il-programm kollu li kellu imfassal u biex jilħaq lill-pubbliku varju mixtieq.
Finazjarment, il-MaltaSajf kien fjask kollossali. Id-donazzjonijiet għall-għaqdiet filantropiċi ma nġabrux u l-bar li kien ingħata b’offerta lill-privat ma għamilx qliegħ biżżejjed biex itaffi l-ispejjeż tal-kunċert. Ma nafx jekk il-kumitat proviżorju li ħa ħsieb l-organizzazzjoni tal-festival, teknikament kienx responsabbli quddiem il-liġi għad-defiċit qawwi li ġarrab il-MaltaSajf. Però Bertu li kien il-mutur tal-istess organizzazzjoni, affronta l-problema waħdu b’kuraġġ ta’ sur, u sab ruħu kif alla riedu...imsallab. Huwa ngħata mandat ta’ impediment ta’ partenza mill-qorti, li jfisser li kien ipprojbit li jsiefer jew iħalli l-pajjiż għal kwalunkwe raġuni. Il-kumpaniji ewlenin tax-xorb minerali f’Malta, waqfu jfornu l-ħanut tiegħu (l-imperial Caffè) mil-luminati u l-cocajiet sakemm jitħallas id-dejn. U biex jissammar l-aħħar musmar tat-tislib li sab ruħu fih Bertu, huwa baqa’ jirċievi diversi ittri bl-avukat mingħand il-kumpaniji li taw servizz fil-MaltaSajf, b’theddid ta’ proċeduri fil-qorti jekk ma jingħatawx il-ħlasijiet dovuti lilhom.
Imma ljun bħal Bertu diffiċċli tkissirlu l-moral u minkejja din is-sitwazzjoni prekarja, il-Kafè Imperjal baqa’ għaddej bl-istess ritmu anzi wara l-MaltaSajf żied fil-popolarità. L-għażla tal-prodotti fil-ħanut irriduċiet ruħha xi ftit, per eżempju kien hemm għażla waħda biss ta’ xarba minerali bl-isem ta’ Verigoud li kienet tinbigħ b’diversi togħmiet u kuluri differenti. Din kienet kunsinna li nxtrat minn fabbrika fiż-Żejtun, bi prezz imraħħas għall-festival MaltaSajf u għalhekk kienet l-unika soluzzjoni biex Bertu jifdi xi ftit mid-dejn li kellu pendenti. Min dak iż-żmien kien imdorri jixrob il-coca u l-luminati l-oħra kummerċjali u ma kienx jiggosta t-togħma tal-Verigoud, kellu bilfors jaqleb għat-tè jew għall-kafè għas-sentejn sħaħ li kien imiss. Dik kienet l-għażla. Jew il-Verigoud jew it-tè, inkella fittex ħanut ieħor. F’dik l-era politika meta l-għażliet kienu minimi u jekk trid rumblett karti biex timsaħ sormok bih ma’ kontx titfixkel quddiem xi tletin prodott differenti, kienet allura faċli li ċċedi gostik biex tgawdi l-kumpanija ta’ sħabek fl-Imperial Kafè. Imbagħad, wara kollox min kien iduq it-tè ta’ Bertu kien isir aditt għalih.
Il-YMCA imbarkat fuq attivitajiet għal ġbir ta’ fondi sabiex tibda tintrafa’ mill-ħofra finanzjarja li waqgħet fiha. Għalhekk bdew isiru gigs fiċ-Ċentru tal-YMCA u aktar tard fis-Sala Scouts tal-Belt. Il-YMCA sadanittant kienet ħatret kumitat ġdid u bdiet tirranka fl-organizzazzjoni u l-attivitajiet.
F’dawk iż-żmienijiet ta’ furur wara l-MaltaSajf, l-attività taċ-ċirku Bert Funtana baqgħet tikkoeżisti f’paripassu ma’ dik tal-YMCA. L-istrixxikli KOKO u s-super eroj kienu baqgħu jinħadmu minn żmien għal ieħor u xi tbaħrita fuq il-funtana jew fiċ-ċimiterju ma kinitx tonqos. Xi kassett ġie irrekodjat l-hawn u ‘l hemm ukoll. L-istrixxikli u l-kassetti kienu milqugħin u mistennijin fil-Kafè Imperjal ta’ Bertu anki issa li kien hemm ħafna iktar uċuh ġodda deħlin u ħerġin. L-istrixxikli kienu jiġġeneraw interess partikulari għaliex bosta kienet togħġobhom l-idea li titpenġa karikatura tagħhom kif ukoll li jaraw u jiddieħku b’karikaturi ta’ ħaddieħor. Dan kollu kien issir fuq is-sensiela Super Heroes li fl-istorja tagħhom dejjem jingħażel xi viljakk li ħsiebu dejjem biex jisraq ir-riċetta sigrieta tat-tè ta’ Bertu għal raġunijiet ta’ għana u glorja, filwaqt li l-grupp ta’ eroj, jippruvaw isalvaw it-teżor imperjali, li ovvjament kien it-tè.
Wieħed mill-istrixxiku ta’ dawn is-super eroj kien l-istrixxiklu epiku bl-isem ta’ ‘Il-Qawma u l-Waqgħa tal-Imperu Bertjan’ fejn fih kien jinkludi karikatura ta’ kważi kull persuna li dak iż-żmien kienet tiffrekwenta l-Imperial Caffè. F’dan l-istrixxiku kien hemm referenzi veri għat-taqbid tal-poter fit-tmexxija tal-organizzazzjoni, li kienu żviluppaw matul is-snin wara l-MaltaSajf. L-istrixxklu jirrakkonta kif il-Wisq Qalbenin (super eroj) inqasmu f’din il-konfoffa għall-akkwist tal-Imperu u li eventwalment ġabet straġi totali meta l-palazz Imperjali (l-Imperial Caffè) ikkrolla fuq kuħadd. Dan l-istrixxiklu (li insilef lil xi ħadd u qatt ma rritornah), kien qed jantiċipa l-isfaxxar taċ-ċirku Bertu Funtana in vista tal-ġrajjiet u l-konflitti organizzattivi li kienu qed iseħħu f’dawk il-waqtiet.
Fl-andament tal-istrixxikli KOKO, li kienet is-sensiela miftuħa għal kull tema, kien hemm żvilupp interessanti u din kienet il-kontribuzzjoni tal-Mangi. Il-Mangi żviluppa stil ta’ narrativa li kienet taqbel ħafna mad-diskors u l-mentalita’ tan-nies taċ-ċirku u ma qagħadx juża lingwaġġ merfugħ mill-Marvel comics jew mit-2000AD. L-istrixxikli tiegħu kienu jinkludu ġrajjiet mill-istorja tad-dinja u introduċa karattri intonati mal-personalitijiet fil-grupp tagħna, bħal Stoney & Man, Buzz id-Dubbiena u l-iSpeed li kienet kapsula li dejjem tiġri minn żmien għal ieħor waqt li tkun irrakkontata l-istorja tad-dinja sa mill-ħolqien tagħha. Dan kollu naturalment b’laqta umoristika u b’intervalli li jdaħħlu fihom karattri veri min-nies taċ-ċirku. Il-Mangi bħala qarrej entużjast, dak li kien jikkonsma mill-kotba kien jinterpretah b’passjoni fit-tpenġija, ħaġa li tat lill-istrixxikli taċ-ċirku Bertu Funtana (dejjem fil-kuntest sottokulturali tal-produzzjoni tagħhom) iktar valur politiku fil-kontenut, firxa aktar wiesgħa lejn il-viżjoni dinjija, kif ukoll sfida għall-parruċċan tal-Imperial Caffè biex jaħseb.
Subkonxjament, forsi kienet xewqa tagħna li dawn il-kontribuzzjonijiet fil-faqar kollu tagħhom, mhux biss inisslu tbissima jew ikomplu jsaħħu l-identità taċ-ċirku, imma wkoll li jiġġeneraw iktar diskussjonijiet waqt is-soċjalizzar tagħna fl-Imperial Caffè. Dan kien żmien eċitanti. Bis-‘suċċess’ tal-MaltaSajf, bil-formazzjoni l-ġdida tal-YMCA, gigs u rocknights ‘l hawn u ‘l hemm id-dinamika taċ-ċirku kienet fl-aqwa tagħha.
tkompli imma t-tmiem qed joqrob.
............................................
2 comments:
xi ritratt ta' Alex Mifsud minn dak iz-zmien ghandek?
Forsi nsib xi wieħed x'imkien erezija.
Post a Comment