8.11.14

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2014




Bħal kull sena, wieħed jeħtieġ iżomm appuntament mal-festival nazzjonali tal-ktieb f'Dar il-Meditteran, il-Belt Valletta. Dan għax għalkemm matul is-sena jiena nixtri bosta kotba li jkunu ħarġu, jkolli nistenna dan il-festival għaliex il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi jerfgħu l-aħjar pubblizzjonijiet tagħhom għal dan iż-żmien. Iżda mhux biss fix-xiri li wieħed jigwadanja f'dan il-festival, iżda ukoll fid-diskussjonijiet u t-tnedijiet organizzati biex iqanqlu interess akbar fis-suġġett akkedemiku jew letterarju tal-ktieb.

Kull sena niltaqa' ma nies li naf u oħrajn li nsir nafhom għall-ewwel darba. U waqt li nkun qed inqalleb dejjem insib dak il-ktieb li qatt ma smajt bih jew li kont ili għalih biex nakkwistah. Nimmeravilja bl-inizjattivi u r-riskji li jittieħdu mill-pubblikaturi biex joħorġu l-kotba. Tassew nammirhom u sa fejn jista' jtini l-but, napprezzahom ukoll billi nixtrihom, dejjem jekk ikollu użu għal dak il-ktieb partikulari. Imma ktieb dejjem issib użu għalih hux veru, għax jekk ma taqrahx, tagħtih rigal.

Missieri, Alla jtih il-ġenna, għallimni napprezza l-kotba. Rabbieni b'ċerta reverenza lejhom tant li bħal ma l-misilmin jagħmlu għal Koran, drajt naħsel idejja qabel immiss ktieb. Ma nikolx waqt li nkun naqra, li ma mmurx inċappsu jew intebbgħu b'xi ħaġa. Ma niftħax ktieb qoxra ma' qoxra biex ma niksirlux il-legatura u lanqas ma niksirlu l-ponot tal-paġni jew inħożż fuqu. Fi kliem ieħor nipprova inżommu talikwali, qisu għadu ħiereġ mill-istamperija. Kelli għalliem li kien jinkoraġġina biex inħożżu n-noti personali tagħna u nimmarkaw fuq il-kotba iżda dejjem ħassejtni nagħmel sagrileġġ meta missejt ktieb imqar bil-lapes. Iż-żewġ għedewwa l-kbar u qerrieda tal-ktieb huma ż-żmien u l-kamla. Lil tal-ewwel ma tegħelbux u lil tat-tieni tidħol fi gwerra dejjiema miegħu. Biss illum inħoss li l-agħar li jista' jiġrilu l-ktieb hu li jintesa jew iktar gravi minn hekk, li ma jinqarax.


Post by TVAM.


No comments: