22.1.08

Blogg rieqed la tqajmux.

Ili ma nibbloggja daqsxejn.

Mela ħa nibda.

Bħal poeta, l-bloggej jitkellem waħdu, imma wkoll mad-dinja. Ifittex l-attenzjoni u jittama li l-kelma tiegħu tinftiehem. Jesprimi ruħu bil-kliem jew bl-istampi kif ukoll bil-mużika u permezz ta’ dan huwa jiddikjara l-individwalità sovrana tiegħu. Bil-bloggati tiegħu, jtella’ l-bandiera ta’ l-istat indipendenti ta’ ġo fih u jżomm fil-għoli l-kostituzzjoni ta’ qalbu. Jesponi l-kultura ta’ ħsiebu li fih jintsab univers ieħor.




Ġrajjiet mid-dinja ta' l-iskumnikati 2

Ġietni l-lublieba għal qassata. Ġejt bejn ħaltejn mnejn se nixtriha. Pastizzeriji fir-raħal issib kemm trid. Imma kont naf x’kelli aptit. Qassata ta’ l-inċova. Il-qassatat ta’ l-inċova wieħed biss jagħmilhom. Fittixt fil-but biex nara kemm kelli ewroċenteżmi u rajt li b’sebgħin indabbar waħda. Inżilt lejn il-wesgħa ta’ quddiem il-bank u f’kantuniera minnhom, ħanut daqs toqba, kien hemm il-qassata li tħajjart għaliha.

Kien filgħodu. Xi l-għaxra u nofs. In-nies tħawtel ‘l hawn u ‘l hinn, tixtri u tonfoq, dieħla u ħierġa mill-ħwienet, mill-banek u s-supermarket. Ħaddiema jgħabbu u jħottu minn fuq it-trakkijiet. Sriebet ta’ karozzi għaddejjin bħal parata tankijiet tal-gwerra li għadhom kif rebħu xi territorju. Waqaft mument inħares. Bil-qassata sħuna f’idi, imqartsa f’borża tal-karti, wieqaf quddiem is-supermarket, rajt l-Imlejka. Għaraftha mill-aħħar darba li rajtha tilgħab il-boċċi mad-Durbies. Qasmet it-triq u mxiet l-isfel, waħidha. Tħarrikt mnejn kont u ġbidt għal urajha. Ilwiet lejn ix-xellug u tellgħet it-telgħa għall-misraħ ta’ wara l-knisja. Ħaffift il-pass imma sakemm wasalt il-misraħ, kienet għosfrot. Ma rajthiex. Fejn setgħet daħlet?...staqsejt lili nnifsi.

Iddeċidejt li nintefa’ niekol il-qassata qabel ma tiksaħli u poġġejt fuq bank ta’l-injam u l-ħadid fondut. Il-misraħ kien baħħ. Il-bankijiet vojta. Id-djar ta’ mad-dawra kienu siekta u donnhom vojta wkoll. Ebda attività. Ir-riħa ta’ l-inċova issa bdiet taqsamli qalbi. Ħriġtha mill-borża u gdimtha ħafif u magħadtha bħal qisni ma ridthiex li tispiċċali din l-imbierka qassata. Il-kwiet li kien hemm fil-misraħ, serraħni imma t-tul tiegħu beda jħassibni. Kif ma jgħaddi ħadd minn hawn? Kif ma jixref ħadd minn tieqa jew joħroġ minn xi bieb? Iż-żmien kien qisu waqaf. Anki s-sema kien donnu waqaf. Lanqas sħaba waħda ma tħarket.

Ħassejt bħal preżenza. Bħal xi ħadd iħares lejja. Ħassejni mgħasses minn xi par għanjejn ta’ seqer jiflu kull ċaqliqa li nagħmel. Dawwart rasi ‘l hawn u ‘l hinn, infittex u ngħarrex għal xi ruħ f’xi tieqa jew f’xi parapett. Ħadd. Ma kien hemm ħadd. Imbagħad għajnejja waqgħu fuq l-istatwa li kien hemm f’nofs il-misraħ. Statwa ta’ figura pulita, ta’ mara żagħżugħa, sidirha wieqaf u rasha merfugħa. Iżda l-ħarsa tagħha kienet ‘l isfel, lejn il-misraħ, lejn l-art....lejja. Iffissajt ħarsti lejn il-figura tal-bronż. Deherli li sidirha kien tiela’ u nieżel bin-nifs. Deherli li petptet għajnejha, deherli li rajt lil xuxitha titħarrek mar-riħ. Stħajjiltha se titkellem u żiffa riħ ġiet tħaxwex mas-siġar u x-xtieli u dawwart wiċċi u nħsadt. Fuqi resqet tfajla, wiċċha smajjar, xagħarha twil mġiegħed u iswed tuta. Newwlitli karta, fuljett jew x’kien u telqet ‘l hemm tkompli tqassam. Intbaħt li issa kien hemm in-nies fil-misraħ. Min ġej u min sejjer. Minn dieħel id-dar u minn ħiereġ. Nisa bil-pushchair, rġiel bil-kelb u xarabank nies, lkoll imdaħħlin fiż-żmien, niżlin minn xi coffee morning u mexjin itaqtqu u jgorru bħall-ħamiem.

Tajt daqqa t’għajn lill-karta li kelli f’idi u rajt programm tal-festa. U qrajt li llejla fil-misraħ ta’ wara l-knisja se jkun hawn il-banda, l-ġigġifogu, l-imwejjed tal-qubbajd, id-daqqaqa, iż-żeffiena u l-għannejja u diskors mis-sindku. Avviċinajt xwejħa li kienet bil-qiegħda fuq bank u staqsejtha x’inhi din il-festa. Il-festa mhux fis-sajf issir is-soltu?...staqsejtha. “Iva” qaltli, “imma din xi ħaġa tal-karnival.” Iżżejtha ħajr u dort biex immur għal riħi. Mill-knisja nstemgħu it-tokki ta’ nofsinhar. Alleċ! Indunajt li l-qassata bil-kemm kilt nofsha u issa kienet kiesħa silġ.

4 comments:

gybexi said...

he's back - tnejn ohra u nistghu nghidu li hawn revival :)

l-istordut kroniku said...

X'hemm gybexi! Għadek attent int.

Toni Sant said...

Merħba lura mal-ħajjin Mikiel! ;-)

l-istordut kroniku said...

Grazzi Ton.