22.2.06

Il-punent ħanin, l-ieħor.......

L-istrixxiklu bl-avventuri tal-Venerabbli Gonzo u Joe Babun għandhom ikompli dalwaqt. Iż-żmien dejjem jagħfas fuqi u bħal bosta nies oħra mħabbtin, insibha diffiċli biex inlaħħaq ma’ kollox. L-aħħar darba li mpostajt erba’ kelmiet fuq dan il-blogg, semmejt ftit il-karikaturi Daniżi u twebbilt biex nerġa’ nikteb xi ħaġa fuq is-suġġett. Probabbilment tqażżiżtu tisimgħu fuqu imma dan hu fenominu taż-żmienna li għad irridu nisimgħu aktar treddin fuqu u mhux la kemm nagħmlulu tapp.

Dan l-episodju qajjem kwistjonijiet importanti dwar il-liberta’ tal-kelma, ir-responsabbilta’ politika, it-tolleranza u d-differenzi kuntrastanti taċ-ċiviltajiet. Dawn l-argumenti mhumiex propja ħobż għal snieni imma jien bħala biedem mdiehes fil-mistier tal-karikatura ma jkunx sewwa u xieraq jekk ma ngħaddix kelma dwar dan.

Nipprova nimmaġina lili nnifsi fil-pożizzjoni ta’ dawk il-karikaturisti li bit-tpenġijiet tagħhom ħolqu dan il-pandemonju li wassal għall-mewt ta’ xi għoxrin ruħ fosthom tfal. Ibqgħu żguri li jkunu diffiċli għalija li mmidd rasi fuq l-imħadda mingħajr ma noħlom bid-dmija li xtered minħabba ftit linka inkejjuża. Imwejġa ssir ħalla. Għalhekk ir-riflessjoni u r-responsabbilta’ għandha tiġi qabel kull azzjoni. Imma fis-sewwa l-karikaturisti tal-punent mhumiex imdorrijin b’dan l-ilġiem u dejjem pronti biex jikkritikaw u jiżżufjettaw b’kull ħaġa taħt il-kappa tax-xemx.

Imma wara kollox, din dinja ta’ konflitt kontinwu tal-ideat. Bħal meta tnejn jew aktar jippruvaw jgħixu flimkien u spiss jinqala’ s-saram fuq kif wieħed x’jiekol u kif l-ieħor x’jagħmel, hekk ukoll jiġri bejn ċiviltajiet differenti, bejn gruppi etniċi, bejn il-kapitalist u l-proletarjat, bejn l-elitt u l-ħamalli, bejn il-banda San Tajru u l-banda San Korru u nistgħu nibqgħu sejrin hekk.

Il-kwistjoni tal-karikaturi Daniżi tidher redikola u insinifikanti f’għajnejn il-punentin imma f’għajnejn dawk li għandhom valuri differenti din il-ħaġa hija serjissma. Immaġinaw kieku f’xi sala tal-univerisita’ ta’ Malta waqt xi preżentazzjoni lingwistika dwar it-taħdit komuni, xi professur joħroġ elenku tad-dagħa popolari u jsemmi xi tnejn ħoxnin b’Alla u bil-Madonna. Hekk għamel dott. Mifsud Chirchop u bir-raġun ippretenda li m’għandux ikun hemm oġġeżżjoni mill-akkademiċi preżenti. Biss fil-każ tad-dott MC, il-frażi offensiva ma kinitx dwar Alla jew l-Madonna imma kienet dwar Mawmettu. Eh....issa din storja oħra. L-akkademiċi Mawmettani suppost huma iktar intelliġenti u tollerranti. Allura dawn kif jitkażaw u jitilqulu ‘l barra?

Il-punent huwa l-ardit tad-dinja. Il-pożizzjoni tiegħu hija dominanti u għalkemm jippriedka l-liberta’ tal-ħsieb u tal-kelma, xorta jdawwar lilu nnifsu bis-swar u l-ħitan tal-kondizzjonament li ma jmorrux jidħlu xi ideat differenti minn dawk li jsawwruh. Kollox hu tollerat fil-punent sakemm ma jmiss l-irjus setgħana li llum firxu driegħhom ekonomiku u serħu riġilhom militari fil-lvant, fin-nofsinhar u t-tramuntana tad-dinja. Minkejja li l-punent laqa’ fi ħdanu komunitajiet misilmin, l-attitudni tiegħu baqgħet li jizzikahom fuq l-ilbies, fuq id-drawwiet soċjali u liġijiet tagħhom tal-Koran. Bħal xi kollega tiegħek li dejjem jiżżarġan miegħek biex ibaxxik u jġegħilek tħossok ċkejken u tardiv, fl-aħħar tibda taqbiżlek u anki jekk itajjar riqa fuqek waqt li jkun qed ikellmek, int taraha bi kbira daqs li kieku beżaqlek.

L-inġustizzji fuq il-Palestinjani, il-gwerra illegali tal-Iraq u l-indħil fuq L-Iran biex ma jarmax bin-nukleari huma kollha daqqiet li l-popli punentin u l-gvernijiet tagħhom qegħdin jfajjru fuq popli oħrajn biex tinżamm is-superjorita’ tiegħu u l-inferjorita’ tal-ieħor.

Hija l-battalja eterna tal-ideat u tal-poter. Hekk kienet minn dejjem u qajla se tinbidel.




............

1 comment:

Unknown said...

Daqxejn tard bil-kumment tiegħi. Xtaqt ngħid biss li ħadt naqra arja friska naqra din il-bloggata :)