11.8.26

Xarba għall-okkażjoni fl-Għid tal-Erwieħ - Il-Maħluta

​


Matul l-istorja tal-bniedem, ix-xorb kien dejjem meqjus importanti, kemm biex isostni ruħu, biex ifejjaq jew biex jiċċelebra bih. Ix-xorb alkoħoliku bħall-inbid jingħad li hu għotja mingħand Alla l-Imbierek. Jissemma fl-evanġelju li, fil-Ġenna jinxtorob l-inbid, mhux għas-sokor, naturalment, imma f'sens spiritwali.

 

Allura mhux għaġeb li l-Malti bħal kull ġens ieħor fid-dinja iħobb idaħħal dik in-naqra inbid fl-okkażjonijiet importanti. Ngħidu aħna meta xi omm kienet waslet biex tiled, kienu jisquha ċ-ċumnata biex tikkalmaha u tagħtiha l-kuraġġ sabiex kollox imur sew waqt it-twelid. Iċ-ċumnata kienet tikkonsisti f'inbid imħallat bl-għasel, ħwawar, kannella u msiemer tal-qronfol, imħawdin flimkien u msaħħna fuq in-nar.  Imbagħad ifferrgħuha sħuna f'tazza u lesta biex tinxtorob mill-omm li appik se ġġib tarbija ġdida fid-dinja.

 

Jingħad li dari, x-xorb spirituż kienu jgħidulu Aqua Vitae jiġifieri ilma tal-ħajja. Meta f'Malta x-xorb irqiq ma kienx komuni u aċċessibbli għal kulħadd, kont issib minn kien jaħdem tiegħu id-dar. Ħafna drabi kien ikun taħlita ta' frott magħsur miżjid b'xi spirtu bħall-inbid jew brandi u jħalluh jiffermenta.

 


L-isem tal-Maħluta proprju ġej mill-fatt li hija taħlita ta' xorb alkoħoliku u frott ma' xi ingredjenti oħra. Fil-Ġimgħa l-Kbira nfakkru l-mewt ta' Sidna Ġesu Kristu u għal din l-okkażjoni nagħmlu l-borma bl-inbid, miżjuda bi grokk aniżetta, frott bħal xi larinġa, mandolina, tuffieħa u ukoll bsaten tal-kannella, imsiemer tal-qronfol, qxur tal-lumi, ħwawar oħra u weraq tar-rand. Din il-borma titħalla fuq in-nar biex tfewwaħ biss il-post imma kważi kważi tista' tixrob minnha għax ma fihiex balzmu kif insibu f'riċetti oħra. L-iskop hu li bir-riħa tfuħ li tagħmel, iddaħħlek fl-ispirtu intimu u divin tal-festa.

 

Il-Maħluta tal-Għid tal-Erwieħ għandha l-istess skop bħaċ-ċumnata u l-borma tal-Ġimgħa l-Kbira, li bħala xarba, tgħinna naqsmu flimkien esperjenza kumunjali meta ċċelebrata flimkien mal-komunità nisranija. Għalhekk ukoll il-Maħluta kultant tissejjaħ 'il-Meraq tal-Ħajja' (forsi traduzzjoni ta' Aqua Vitae) għax waqt li aħna l-ħajjin niftakkru u nfakkru l-mejtin, nixorbu u nduqu mill-ingredjenti li toffri l-ħajja (ħlewwa u qrusa).

 


Biex tagħmel il-Maħluta (għal 20 persuni) għandek bżonn; 

​

  • 6 fliexken inbid aħmar

  • 2 Tazzi aniżetta / inqas jew iżjed skond il-qawwa tat-togħma li tiggosta

  • 2 Kili larinġ

  • Damiġġjana bil-vit

  • Fliexken vojta jew buqari

 

Metodu:

  1. Agħsar il-larinġ kollu ġo lembija (skutella kbira) iżda uża passatur irqiq biex issaffi l-meraq sewwa.

  2. Ferra' l-inbid mill-flieken u l-aniżetta għal ġol-lembija u ħawwad flimkien mal-meraq tal-larinġ.

  3. Itfa' t-taħlita ġo damiġġjana bil-vit u ħalliha toqgħod għal xi jiem. Iktar ma' tħalliha toqgħod iktar tiċċara.

  4. Importanti li d-damiġġjana ma tħarrikhiex matul dan il-proċess sabiex ma tqanqalx il-frakijiet tal-larinġ li jkun qed jissepara fil-qiegħ.

  5. Meta tara li saret is-separazzjoni tal-frak tal-larinġ, iftaħ il-vit biex tibbottilja ġol-fliexken jew buqari. Il-frakijiet tal-laring għandu jibqa' taħt il-livel tal-vit bħala sediment. 

  6. Poġġi l-fliexken jew il-buqari fil-friġġ u servi l-Maħluta kiesħa f'tazzi żgħar bħala grokk doppju.

­ 

4.8.26

L-Ikla tal-Għid tal-Erwieħ - Karità u Ċelebrazzjoni tal-Ħajja

Sa mill-bidu taż-żminijiet il-bniedem ħass li kellu juri rispett lejn dawk li mietu fil-familja u l-komunità tiegħu. Intebaħ b'dan il-proċess universali tal-mewt u għalhekk rabat il-mewt mal-ħajja. 

Filwaqt li ipprepara kif seta' lil niesu mejtin għad-dinja eterna ta' wara l-mewt, kif fehemha hu, iċċelebra ukoll l-ħajja. 

Mhux ta' b'xejn mela li din il-festa minbarra t-talb u t-tifkiriet, insibu fiha ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja permezz tal-ikel.  Naraw fiha ir-rabta tal-erwieħ u l-ħtieġiet spirtwali tagħhom mal-ikel għall-fqajrin u l-karità magħhom. 

Bħal ma nagħmlu fil-għadam tal-ħelu, fl-ikel insibu s-simboliżmu li neħtieġu aħna bħala ħajjin biex  niftakru f'niesna li mietu u niftakru ukoll fid-drawwiet tagħhom li ħallew lilna bħala wirt u fuq kollox niftakru fil-mewt u fil-ħajja eterna li naspiraw għaliha.

Permezz tal-ikel ippreżentat fl-okkażjoni tal-Għid tal-Erwieħ aħna nġeddu it-tifkira ta' ħutna l-mejtin, inġeddu ħajjitna fit-twemmin li xi darba ukoll għad ningħaqdu mal-erwieħ kollha fl-eternità.

L-ikla hija waħda umli ħafna u tinkludi dawk l-ingredjenti bażiċi u disponibbli għal kulħadd. L-ikla sservi ta' eżerċizzju komunitarju biex fis-sempliċità tagħha tfakkarna fit-tradizzjoni u f'dak li hu essezzjali fil-ħajja u fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tifkira tal-għeżież mejtin.

Fl-ikla nsibu dawn:

Il-Maħluta

(taħlita ta' xarba alkoħolika bil-meraq tal-frott)

Din ix-xarba tfakkarna fil-ħlewwa u l-qrusa tal-ħajja.

 


Il-ftiet tal-għaża

(ħobż mixwi u midluk bit-tewm u t-tursin)

Dan il-ħobż ifakkarna kif fl-imgħoddi kienu jieħdu l-vistu bis-serjetà b'rispett lejn il-mejtin. Il-kelma 'għaża' tfisser vistu jew luttu.

 

Il-Minestra tal-Erwieħ

(taħlita ta' ħaxix imsajjar f'borma)

Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-imgħoddi  meta, b'sens komunitarju, in-nies kienet tagħti mill-ftit li kellha sabiex taqsam ma' min kien batut. Ġenerożità mal-ħajjin u b'suffraġju għall-mejtin.

 


Il-Majjal il-forn

(Servut mal-patata l-forn u ħaxix msajjar)

Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-ħanżira tal-erwieħ - ġest ieħor karitativ b'suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju.

 



Fl-aħħar ħelu tradizzjonali magħruf bħala l-għadam tal-mejtin (għaġina bl-intrita moħmija),

Ħelu li jfakkarna fil-mejtin għeżież tagħna.

 


Issib iktar informazzjoni fuq dan is-sit: L-Għid tal-Erwieħ



29.7.26

L-Għid tal-Erwieħ - It-Tifkira tal-Għeżież


Il-kelma 'għid' tfisser festa u minkejja li ma hix festa kmandata, l-Għid tal-Erwieħ kien meqjus bħala festa ewlenija fis-sena, tifkira solenni, kif għadha sal-lum fil-kalendarju liturġiku tal-knisja. In-nies kienet tikkonkorri bil-kbir għal bosta quddies li kien isir b'suffraġju għall-mejtin kif ukoll għat-talb fil-kannierji jew iċ-ċimiterji. Kienet popolari d-drawwa li jintrama t-tubru f'nofs il-knisja nhar l-għid tal-erwieħ bit-tiżjin adatt għal din l-okkażjoni bħal xemgħat, gandlieri u simboli tal-mewt. Minkejja li dan it-tiżjin tneħħa wara l-Konċilju Vatikan II, xi wħud żammew it-tradizzjoni u baqgħu jarmaw it-tubru f'xi oratorju jew kappella. Iż-żjarat fiċ-ċimiterji kienu u għadhom isiru sal-lum il-ġurnata fejn bosta jmorru jqattgħu ftit ħin hemmhekk sabiex inaddfu l-qabar tal-għeżież tagħhom u jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat waqt li jgħidu t-talb għall-bżonnijiet tal-erwieħ. Iċ-ċimiterju u kull post fejn isir id-dfin tal-mejtin huwa meqjus sagru u l-ilħna waqt it-talb jibqgħu baxxi biex tkompli ssaltan l-ħemda u d-devozzjoni. In-nies, hi u tpassi bil-lajma u b'ċerta nikta madwar il-kappelli u l-monumenti taċ-ċimiterju, tagħti kas biex ma tirfisx fuq l-oqbra ħalli dejjem jinżamm ir-rispett lejn il-mejtin. 


Aktar tagħrif fuq din il-link: L-Għid tal-Erwieħ




28.7.26

Il-Ħanżira tal-Erwieħ

Drawwa oħra poplari kienet dik tal-Ħanżira tal-Erwieħ. Xi ħadd li kien irabbi xi ħanżira u jkollu l-frieħ minnha, kien joffri darfuġa (ħanżira żgħira) lil qassis u din kienet tintelaq tiġġerra barra fit-toroq biex jitimgħuha n-nies. Meta tikber u tismen nhar l-Għid tal-Erwieħ, il-kappillan kien jew ibigħha u l-flus li jdaħħal minnha jqassmu mal-foqra, inkella jagħmel ikla għall-foqra b'suffraġju għall-erwieħ. Jingħad li din id-drawwa tal-Ħanżira tal-Erwieħ kien bdiha qassis li kien jieħu ħsieb xi knisja fil-Belt, aktarx il-knisja ta' San Nikola, tabilħaqq hekk imsejħa Tal-Erwieħ. Fi żmien li qed insemmu, jiġifieri fi żmien il-kavallieri fil-Belt Valletta kont tara ukoll tiġieġ, mogħoż u ħnieżer jiġru fit-toroq. Għalhekk ma kienx xi għaġeb li ħanżira tintelaq tiġri barra fit-triq. Biex jagħrfuha li kienet tal-erwieħ kienu jdendluha ġaras m'għonqha li kien bħal qanpiena tal-landa biex iċenċel meta titħarrek u dan bħala sinjal biex in-nies jitimgħha. 




Iktar tagħrif fuq il-Ħanżira tal-Erwieħ agħfas fuq din il-link: L-Għid tal-Erwieħ

Il-Kaldarun tal-Erwieħ

Fost id-drawwiet li nsibu kienet dik tal-minestra tal-erwieħ. Din inbdiet minn xi patrijiet kapuċċini u aktar 'l quddiem kienu jieħdu ħsiebha ukoll anki lajċi. Nhar l-Għid tal-Erwieħ propju fit-2 ta' Novembru kienu jmorru fid-djar u fil-ħwienet biex jiġbru l-ħaxix bħal pastard, qara', zunnarija eċċ li jagħtuhom in-nies u jitfgħu kollox f'kaldarun mimli bl-ilma, imqiegħed x'imkien barra f'xi raħal jew belt. Dan il-kaldarun kienu jserruh fuq żewġ ġebliet u taħtu jkebbsu n-nar biex isajjru l-minestra. Kienu jiġu ħafna biex jieklu minn din il-minestra. Dak iż-żmien il-faqar kien kbir u tarah ma wiċċek il-ħin kollu u dan il-kaldarun bil-minestra kien iservi biex jitma' lil dawk l-imsieken li ma kellhomx għaxja ta' lejla u kienu jistrieħu fuq il-karità biex isosstnu lilhom infushom. Kulħadd kien jagħti mill-ftit li jkollu għax in-nies kienet temmen li bil-karità kienu jtaffu mit-tbatija tal-erwieħ fil-purgatorju.  B'hekk kienet issir il-famuża minestra tal-erwieħ li kienet titma' bosta mill-foqra li kienu jkunu jistennewha bħall-manna nieżla mis-sema.



Aktar tagħrif fuq drawwiet u twemmin agħfas haw: L-Għid tal-Erwieħ


L-Erwieħ Jifirxu s-Sarvetta!

 “L-erwieħ jifirxu s-sarvetta”

Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ fil-purgatorju jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin. Għalhekk kienu jgħidu li "l-erwieħ jifirxu is-sarvetta" jiġifieri ikun qed jistennew bil-ħerqa it-talb u l-għotjiet tal-ħajjin sabiex itaffu mit-tbatijiet tagħhom fil-purgatorju. Għaldaqstant f’dan il-jum il-Maltin kienu juru ġenerożità kbira mal-foqra.
Aktar tagħrif : L-għid tal-Erwieħ

L-Għid tal-Erwieħ - Niftakru fl-għeżież tagħna

Il-bniedem ifittex li jifhem iktar dwar il-misteru tal-mewt u jaf li din hi parti miċ-ċiklu naturali tal-ħajja.

F’Għid l-Erwieħ aħna niċċelebrw dan iċ-ċiklu. Niċċelebraw dak li kien il-għomor u ż-żmien ta’ dawk li għexu qabilna kif ukoll il-wasla tagħhom fid-dinja l-oħra. Niċċelebraw ir-rabta tagħna magħhom billi nieklu u nixorbu f’ġieħhom u f’isimhom. Kull ċelebrazzjoni tiswa bħala talba sakemm jinżamm dan il-ħsieb warajha. Kulturi oħra qrib tagħna qed jibdlu dan ir-ritwal tal-imwiet, f’xalata karnivaleska. Il-karnival għandu żmienu u hemm ħsieb ieħor warajh, imma l-Għid tal-Erwieħ għandu jinżamm f’dan l-ispirtu ta’ tifkira lejn dawk li ġew qabilna u issa għaddew għall-ħajja l-oħra.

Aktar tagħrif : L-Għid tal-Erwieħ

27.7.26

Nedukaw lit-tfal dwar l-Għid tal-Erwieħ

Għala nedukaw permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?

Bħala edukaturi fil-komunità tal-iskola tagħna, huwa kruċjali li ngħinu lit-tfal jirriflettu minn età żgħira fuq is-sens tal-ħajja u l-mewt, mill-lenti tar-raġuni, l-fidi, u t-tama. Il-viġili u l-festa tal-Qaddisin kollha, flimkien mat-tifkira tal-Erwieħ kollha jistednuna sabiex nesploraw il-misteru tal-ħajja lil hinn mill-mewt, b’mod li hu onest, kumpassjonali, u msejjes fuq it-tradizzjoni Nisranija. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, jgħinu lill-istudenti jikbru fil-għarfien tal-imħabba t’Alla, ix-xirka tal-qaddisin, u l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem, fil-waqt li joffru lqugħ għall-biża’ permezz ta’ tama ġdida mimlija fidi.

Il-Kattoliċi jiċċelebraw il-festi tal-Qaddisin u l-Erwieħ kollha, filwaqt li jrawmu l-valuri tal-ħajja, l-imħabba, u t-tama. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla u mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, dawk li jgħixu fil-Knisja waħdanija ta’ Kristu – fid-dinja, fil-purgatorju u fil-Ġenna. Dawn il-festi huma ċċelebrati filwaqt li n-natura qed tegħleb għall-istaġun tal-ħarifa, allura jgħinuna nirriflettu fuq ir-realtajiet tal-ħajja u l-mewt.

B’dan il-mod, dawn it-tlett ijiem jikxfu is-sbuħija tal-għaqda bejn il-membri tal-Knisja: hawn fuq l’art, fil-purgatorju, u fil-Ġenna – lkoll magħquda fl-imħabba ta’ Alla.

Il-festa tal-Qaddisin kollha tiġi ċċelebrata fl-1 ta’ Novembru u hija uffiċjlament magħrufa bħala s-Solennità tal-Qaddisin kollha. Niftakru f’ħutna l-kbar, dawk li diġa wasslu fil-Preżenza t’Alla u li jgħinuna mill-ġenna permezz tat-talb u l-eżempju tagħhom.

Il-festa tal-erwieħ kollha hija ċċelebrata fit-2 ta’ Novembru u hija magħrufa propja bħala t-tifkira tal-fidili mejtin kollha. Huwa jum speċjali ddedikat għat-talb għal dawk ħutna li wettqu l-vjaġġ tagħhom fuq din l-art u issa jeħtieġu l-imħabba u l-għajnuna tagħna fil-purgatorju. Dan ifakkarna fir-rabta tagħna ma’ dawk li mietu qabilna. Ix-xahar kollu ta’ Novembru huwa kkunsidrat żmien qaddis ta’ tfakkir, meta aħna partikolarment imħeġġa biex nitolbu għall-mejtin għeżież tagħna.

F’ lejlet il-festa tal-Qaddisin kollha (All hallow’s Eve), fil-31 ta’ Ottubru, niċċelebraw lilna nfusna – il-Knisja fuq l-art, li għad trid tissielet biex tasal għand il-Mulej. Fis-snin riċenti f’Malta, Halloween kiber fil-popolarità. Minkejja r-rabta storika mal-festa Kattolika, Halloween illum huwa bażikament festa sekulari u kummerċjali – li ħafna drabi tinsa l-valuri Nsara tal-ħajja, tama u tal-ħajja eterna.

Hekk kif l-Għid il-Kbir huwa marbut mar-rittmu tar-rebbiegħa u l-ħajja ġdida, il-festa tal-Qaddisin u l-erwieħ kollha, huma marbuta mal-ħarifa – staġun sinonimu mal-weraq imwaqqa’ u t-tbiel naturali. Madankollu, fid-dawl tal-Qawmien, l-Insara jaraw f’dawn is-sinjali mhux biss il-mewt, imma l-wegħda ta’ ħajja ġdida. It-tibdil tal-istaġuni, allura, jsiru simbolu ta’ verità aktar profonda: li fi Kristu, l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. Avolja għadna hawn fid-dinja, nindunaw li aħna xorta nistgħu nesperjenzaw il-benefiċċju tal-għaqda bejn il-membri kollha ta’ dawk li jemmnu u jittamaw.

Kitba meħudha mis-sit: https://sds.mt/resource/all-hallows-all-saints-all-souls/ 

Aktar tagħrif dwar l-Għid tal-Erwieħ issibu hawn: https://erwieh.infinityfree.io/Drawwiet-u-Twemmin/





26.7.26

Daqsxejn Ta' Requiem Lil Leli - Ktieb

Daqsxejn ta' Requiem għal Leli - Immanuel Mifsud - Midsea Books

F’din il-poeżija, raġel qed imut jagħmel vjaġġ lura fil-kapitli ta’ ħajtu. Jerġa’ jżur mumenti li ttimbrawh u episodji li tawh grinta biex ikompli l-vjaġġ ta’ ħajtu hu u jegħja.

Jiżżerżaq mal-kantunieri tal-memorja u jixxennaq ma’ dak li jiftakar, ma’ dak li jixtieq jiftakar, u ma’ dak li jaħseb li qed jiftakar. Waqt li jitbandal mal-passat, jipprova jifhem il-mogħdijiet li minnhom terraq biex wasal s’hawn.

F’dan ix-xogħol bejn il-ħajja u l-mewt, dan ir-raġel qed imut idur fuq ħajtu biex jiftakar, jifhem u jaċċetta mnejn ġie. Waqt li jinġibed minn toroq qodma u mill-ħlewwa tat-togħmiet u l-viżjonijiet tal-bieraħ, hemm impuls fih li donnu jrid iqajjem mill-mewt il-passat u, miegħu, il-preżent.

“Daqsxejn ta’ Requiem lil Leli” tisfida lilna l-qarrejja biex, ma’ dan ir-raġel qed imut, niftakru min konna u, jekk għad fadlilna ċans, min nistgħu nkunu. Huwa xogħol li, għalkemm jinħass li qed jieħu l-aħħar nifsijiet, jinsisti li dment li wieħed għadu jiftakar, mela wieħed għadu jeżisti.

https://www.midseabooks.com/publications_detail.aspx...




Tradizzjoni u Fidi

L-Għid tal-Erwieħ (magħruf ukoll bħala l-Għid tal-Imwiet jew jum il-Mejtin kollha) huwa l-festa tradizzjonali li tiġi ċċelebrata fit-2 ta' Novembru biex tiftakar u titlob għall-erwieħ tal-għeżież qraba u ħbieb u l-insara kollha li ħallewna.


F'Malta, din il-ġurnata kienet immarkata bi drawwiet uniċi, fosthom it-tqassim tal-ikel lill-foqra biex il-familji jiksbu s-suffraġju għall-erwieħ tal-mejtin tagħhom. Minbarra t-talb u l-quddies fil-knejjes, kien hemm ukoll tradizzjonijiet oħra bħal dok magħrufa bħall-Ħanżira tal-Erwieħ fejn permezz ta' din id-drawwa kienu jinġabru l-flus għall-karità. Dan il-jum hu sinonimu ukoll mal-preparazzjoni ta' ħelu speċjali bħall-għadam tal-mejtin magħmul mill-għaġina ħelwa u lewż.


Għal aktar tagħrif agħfas hawn: L-Ghid tal-Erwieħ