29.7.26
L-Għid tal-Erwieħ - It-Tifkira tal-Għeżież
28.7.26
Il-Ħanżira tal-Erwieħ
Drawwa oħra poplari kienet dik tal-Ħanżira tal-Erwieħ. Xi ħadd li kien irabbi xi ħanżira u jkollu l-frieħ minnha, kien joffri darfuġa (ħanżira żgħira) lil qassis u din kienet tintelaq tiġġerra barra fit-toroq biex jitimgħuha n-nies. Meta tikber u tismen nhar l-Għid tal-Erwieħ, il-kappillan kien jew ibigħha u l-flus li jdaħħal minnha jqassmu mal-foqra, inkella jagħmel ikla għall-foqra b'suffraġju għall-erwieħ. Jingħad li din id-drawwa tal-Ħanżira tal-Erwieħ kien bdiha qassis li kien jieħu ħsieb xi knisja fil-Belt, aktarx il-knisja ta' San Nikola, tabilħaqq hekk imsejħa Tal-Erwieħ. Fi żmien li qed insemmu, jiġifieri fi żmien il-kavallieri fil-Belt Valletta kont tara ukoll tiġieġ, mogħoż u ħnieżer jiġru fit-toroq. Għalhekk ma kienx xi għaġeb li ħanżira tintelaq tiġri barra fit-triq. Biex jagħrfuha li kienet tal-erwieħ kienu jdendluha ġaras m'għonqha li kien bħal qanpiena tal-landa biex iċenċel meta titħarrek u dan bħala sinjal biex in-nies jitimgħha.
Il-Kaldarun tal-Erwieħ
Fost id-drawwiet li nsibu kienet dik tal-minestra tal-erwieħ. Din inbdiet minn xi patrijiet kapuċċini u aktar 'l quddiem kienu jieħdu ħsiebha ukoll anki lajċi. Nhar l-Għid tal-Erwieħ propju fit-2 ta' Novembru kienu jmorru fid-djar u fil-ħwienet biex jiġbru l-ħaxix bħal pastard, qara', zunnarija eċċ li jagħtuhom in-nies u jitfgħu kollox f'kaldarun mimli bl-ilma, imqiegħed x'imkien barra f'xi raħal jew belt. Dan il-kaldarun kienu jserruh fuq żewġ ġebliet u taħtu jkebbsu n-nar biex isajjru l-minestra. Kienu jiġu ħafna biex jieklu minn din il-minestra. Dak iż-żmien il-faqar kien kbir u tarah ma wiċċek il-ħin kollu u dan il-kaldarun bil-minestra kien iservi biex jitma' lil dawk l-imsieken li ma kellhomx għaxja ta' lejla u kienu jistrieħu fuq il-karità biex isosstnu lilhom infushom. Kulħadd kien jagħti mill-ftit li jkollu għax in-nies kienet temmen li bil-karità kienu jtaffu mit-tbatija tal-erwieħ fil-purgatorju. B'hekk kienet issir il-famuża minestra tal-erwieħ li kienet titma' bosta mill-foqra li kienu jkunu jistennewha bħall-manna nieżla mis-sema.
L-Erwieħ Jifirxu s-Sarvetta!
“L-erwieħ jifirxu s-sarvetta”
Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ fil-purgatorju jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin. Għalhekk kienu jgħidu li "l-erwieħ jifirxu is-sarvetta" jiġifieri ikun qed jistennew bil-ħerqa it-talb u l-għotjiet tal-ħajjin sabiex itaffu mit-tbatijiet tagħhom fil-purgatorju. Għaldaqstant f’dan il-jum il-Maltin kienu juru ġenerożità kbira mal-foqra.L-Għid tal-Erwieħ - Niftakru fl-għeżież tagħna
Il-bniedem ifittex li jifhem iktar dwar il-misteru tal-mewt u jaf li din hi parti miċ-ċiklu naturali tal-ħajja.
F’Għid l-Erwieħ aħna niċċelebrw dan iċ-ċiklu. Niċċelebraw dak li kien il-għomor u ż-żmien ta’ dawk li għexu qabilna kif ukoll il-wasla tagħhom fid-dinja l-oħra. Niċċelebraw ir-rabta tagħna magħhom billi nieklu u nixorbu f’ġieħhom u f’isimhom. Kull ċelebrazzjoni tiswa bħala talba sakemm jinżamm dan il-ħsieb warajha. Kulturi oħra qrib tagħna qed jibdlu dan ir-ritwal tal-imwiet, f’xalata karnivaleska. Il-karnival għandu żmienu u hemm ħsieb ieħor warajh, imma l-Għid tal-Erwieħ għandu jinżamm f’dan l-ispirtu ta’ tifkira lejn dawk li ġew qabilna u issa għaddew għall-ħajja l-oħra.
27.7.26
Nedukaw lit-tfal dwar l-Għid tal-Erwieħ
Għala nedukaw permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?
Bħala edukaturi fil-komunità tal-iskola tagħna, huwa kruċjali li ngħinu lit-tfal jirriflettu minn età żgħira fuq is-sens tal-ħajja u l-mewt, mill-lenti tar-raġuni, l-fidi, u t-tama. Il-viġili u l-festa tal-Qaddisin kollha, flimkien mat-tifkira tal-Erwieħ kollha jistednuna sabiex nesploraw il-misteru tal-ħajja lil hinn mill-mewt, b’mod li hu onest, kumpassjonali, u msejjes fuq it-tradizzjoni Nisranija. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, jgħinu lill-istudenti jikbru fil-għarfien tal-imħabba t’Alla, ix-xirka tal-qaddisin, u l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem, fil-waqt li joffru lqugħ għall-biża’ permezz ta’ tama ġdida mimlija fidi.
Il-Kattoliċi jiċċelebraw il-festi tal-Qaddisin u l-Erwieħ kollha, filwaqt li jrawmu l-valuri tal-ħajja, l-imħabba, u t-tama. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla u mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, dawk li jgħixu fil-Knisja waħdanija ta’ Kristu – fid-dinja, fil-purgatorju u fil-Ġenna. Dawn il-festi huma ċċelebrati filwaqt li n-natura qed tegħleb għall-istaġun tal-ħarifa, allura jgħinuna nirriflettu fuq ir-realtajiet tal-ħajja u l-mewt.
B’dan il-mod, dawn it-tlett ijiem jikxfu is-sbuħija tal-għaqda bejn il-membri tal-Knisja: hawn fuq l’art, fil-purgatorju, u fil-Ġenna – lkoll magħquda fl-imħabba ta’ Alla.
Il-festa tal-Qaddisin kollha tiġi ċċelebrata fl-1 ta’ Novembru u hija uffiċjlament magħrufa bħala s-Solennità tal-Qaddisin kollha. Niftakru f’ħutna l-kbar, dawk li diġa wasslu fil-Preżenza t’Alla u li jgħinuna mill-ġenna permezz tat-talb u l-eżempju tagħhom.
Il-festa tal-erwieħ kollha hija ċċelebrata fit-2 ta’ Novembru u hija magħrufa propja bħala t-tifkira tal-fidili mejtin kollha. Huwa jum speċjali ddedikat għat-talb għal dawk ħutna li wettqu l-vjaġġ tagħhom fuq din l-art u issa jeħtieġu l-imħabba u l-għajnuna tagħna fil-purgatorju. Dan ifakkarna fir-rabta tagħna ma’ dawk li mietu qabilna. Ix-xahar kollu ta’ Novembru huwa kkunsidrat żmien qaddis ta’ tfakkir, meta aħna partikolarment imħeġġa biex nitolbu għall-mejtin għeżież tagħna.
F’ lejlet il-festa tal-Qaddisin kollha (All hallow’s Eve), fil-31 ta’ Ottubru, niċċelebraw lilna nfusna – il-Knisja fuq l-art, li għad trid tissielet biex tasal għand il-Mulej. Fis-snin riċenti f’Malta, Halloween kiber fil-popolarità. Minkejja r-rabta storika mal-festa Kattolika, Halloween illum huwa bażikament festa sekulari u kummerċjali – li ħafna drabi tinsa l-valuri Nsara tal-ħajja, tama u tal-ħajja eterna.
Hekk kif l-Għid il-Kbir huwa marbut mar-rittmu tar-rebbiegħa u l-ħajja ġdida, il-festa tal-Qaddisin u l-erwieħ kollha, huma marbuta mal-ħarifa – staġun sinonimu mal-weraq imwaqqa’ u t-tbiel naturali. Madankollu, fid-dawl tal-Qawmien, l-Insara jaraw f’dawn is-sinjali mhux biss il-mewt, imma l-wegħda ta’ ħajja ġdida. It-tibdil tal-istaġuni, allura, jsiru simbolu ta’ verità aktar profonda: li fi Kristu, l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. Avolja għadna hawn fid-dinja, nindunaw li aħna xorta nistgħu nesperjenzaw il-benefiċċju tal-għaqda bejn il-membri kollha ta’ dawk li jemmnu u jittamaw.
Kitba meħudha mis-sit: https://sds.mt/resource/all-hallows-all-saints-all-souls/
Aktar tagħrif dwar l-Għid tal-Erwieħ issibu hawn: https://erwieh.infinityfree.io/Drawwiet-u-Twemmin/
26.7.26
Daqsxejn Ta' Requiem Lil Leli - Ktieb
Daqsxejn ta' Requiem għal Leli - Immanuel Mifsud - Midsea Books
F’din il-poeżija, raġel qed imut jagħmel vjaġġ lura fil-kapitli ta’ ħajtu. Jerġa’ jżur mumenti li ttimbrawh u episodji li tawh grinta biex ikompli l-vjaġġ ta’ ħajtu hu u jegħja.
Jiżżerżaq mal-kantunieri tal-memorja u jixxennaq ma’ dak li jiftakar, ma’ dak li jixtieq jiftakar, u ma’ dak li jaħseb li qed jiftakar. Waqt li jitbandal mal-passat, jipprova jifhem il-mogħdijiet li minnhom terraq biex wasal s’hawn.
F’dan ix-xogħol bejn il-ħajja u l-mewt, dan ir-raġel qed imut idur fuq ħajtu biex jiftakar, jifhem u jaċċetta mnejn ġie. Waqt li jinġibed minn toroq qodma u mill-ħlewwa tat-togħmiet u l-viżjonijiet tal-bieraħ, hemm impuls fih li donnu jrid iqajjem mill-mewt il-passat u, miegħu, il-preżent.
“Daqsxejn ta’ Requiem lil Leli” tisfida lilna l-qarrejja biex, ma’ dan ir-raġel qed imut, niftakru min konna u, jekk għad fadlilna ċans, min nistgħu nkunu. Huwa xogħol li, għalkemm jinħass li qed jieħu l-aħħar nifsijiet, jinsisti li dment li wieħed għadu jiftakar, mela wieħed għadu jeżisti.
https://www.midseabooks.com/publications_detail.aspx...
Tradizzjoni u Fidi
L-Għid tal-Erwieħ (magħruf ukoll bħala l-Għid tal-Imwiet jew jum il-Mejtin kollha) huwa l-festa tradizzjonali li tiġi ċċelebrata fit-2 ta' Novembru biex tiftakar u titlob għall-erwieħ tal-għeżież qraba u ħbieb u l-insara kollha li ħallewna.
F'Malta, din il-ġurnata kienet immarkata bi drawwiet uniċi, fosthom it-tqassim tal-ikel lill-foqra biex il-familji jiksbu s-suffraġju għall-erwieħ tal-mejtin tagħhom. Minbarra t-talb u l-quddies fil-knejjes, kien hemm ukoll tradizzjonijiet oħra bħal dok magħrufa bħall-Ħanżira tal-Erwieħ fejn permezz ta' din id-drawwa kienu jinġabru l-flus għall-karità. Dan il-jum hu sinonimu ukoll mal-preparazzjoni ta' ħelu speċjali bħall-għadam tal-mejtin magħmul mill-għaġina ħelwa u lewż.
.jpg)






