30.10.11

L-Għid tal-Erwieħ ta' kull sena




L-GĦID TAL-ERWIEĦ hija festa tradizzjonali tal-Maltin fix-xahar ta’ Novembru iddedikata għall-mejtin kollha. Insibu qabelxejn, iċ-ċelebrazzjoni liturġiċi fil-knisja permezz tal-quddies kif ukoll il-qari tal-missal tal-mejtin waqt it-tberik tal-oqbra. 

Iżda hemm drawwiet oħra marbuta ma' din il-festa tal-Għid tal-Erwieħ (magħrufa ukoll l-Għid tal-Imwiet) fejn inżuru l-oqbra tal-għeżież tagħna fiċ-ċimiterji l-iktar bejn it-2 u t-8 ta' Novembru. Madankollu x-xahar kollu huwa dedikat għat-tifkira tal-mejtin kollha. Għalhekk matul ix-xahar kollu jingħad it-talb u r-rużarju tal-erwieħ b'suffraġju tal-erwieħ fil-purgatorju. 


Fit-2 ta' Novembru għandna d-drawwa li narmaw it-tubru fil-knisja. Dan huwa bħal tebut vojt mgħotti bid-drapp iswed u ddisinjat bl-isfar fit-truf. Qabel dan it-tiżjin kien isir fil-knejjes kollha, madankollu matul is-snin dan naqas ħafna, madankollu kien hemm min kompla b'din it-tradizzjoni simbolika li tgħin viżwalment lin-nies biex waqt it-talb fil-knisja jiftakru fil-mejtin.  

Il-karità mal-foqra kienet ħaġa importanti li ssir għaliex permezz ta' dan l-att in-nies jemmnu li jkun qed jissuffrugaw lill-erwieħ tal-purgatorju. Din il-fatt kien jgħinhom ikun solidali mal-komunità sħiħa fil-parroċċa kif ukoll fil-pajjiż.  

Tradizzjoni qadima hija dik tal-kaldarun jew il-borma tal-erwieħ fejn kienet tissajjar il-miniestra fit-toroq sabiex titma l-foqra. Din ġeneralment kien jieħu ħsiebha l-kappillan jew aktar tard xi lajċi. Hu magħruf din id-drawwa inbdiet mill-patrijiet Kapuċċini li kienet fir-regola tagħhom biex jagħmlu dan il-ġest ta' karità.



Drawwa antiki ta' din il-festa hija l-Ħanżira tal-Erwieħ, meta fl-imgħoddi fl-irħula l-kappillan kien jitlaq ħanżira tiġġerra fit-toroq sabiex tintema’ min-nies imbagħad kien ibigħha biex jiġbor il-flus għall-quddies tal-erwieħ jew issir ikla għall-foqra.


Illum dawn id-drawwiet ħadu forma oħra iktar moderna, dik li ssir l-ikla tal-Għid tal-Erwieħ (magħrufa ukoll bħala l-ikla tal-ħanżira) fejn mill-ikla jinġbru xi flus għall-istess skop, għall-foqra u għas-suffraġu tal-erwieħ.



Għal din il-festa tal-mejtin kollha insibu xi ikel marbut magħha, l-iktar popolari huma l-Għadam tal-Ħelu (magħrfu ukoll bħala l-Għadam tal-Mejtin) li hu bħal figolla fil-forma ta' għadma.

Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur s-sit elettroniku L-GĦID  TAL-ERWIEĦ.