Il-kelma
'għid' tfisser festa u minkejja li ma hix festa kmandata, l-Għid
tal-Erwieħ kien meqjus bħala festa ewlenija fis-sena, tifkira
solenni, kif għadha sal-lum fil-kalendarju liturġiku
tal-knisja. In-nies
kienet tikkonkorri bil-kbir għal bosta quddies li kien isir
b'suffraġju għall-mejtin kif ukoll għat-talb fil-kannierji jew
iċ-ċimiterji. Kienet popolari d-drawwa li jintrama t-tubru f'nofs
il-knisja nhar l-għid tal-erwieħ bit-tiżjin adatt għal din
l-okkażjoni bħal xemgħat, gandlieri u simboli tal-mewt. Minkejja
li dan it-tiżjin tneħħa wara l-Konċilju Vatikan II, xi wħud
żammew it-tradizzjoni u baqgħu jarmaw it-tubru f'xi oratorju jew
kappella. Iż-żjarat fiċ-ċimiterji kienu u għadhom isiru sal-lum
il-ġurnata fejn bosta jmorru jqattgħu ftit ħin hemmhekk sabiex
inaddfu l-qabar tal-għeżież tagħhom u jqiegħdu l-fjuri u
x-xemgħat waqt li jgħidu t-talb għall-bżonnijiet tal-erwieħ.
Iċ-ċimiterju u kull post fejn isir id-dfin tal-mejtin huwa meqjus
sagru u l-ilħna waqt it-talb jibqgħu baxxi biex tkompli ssaltan
l-ħemda u d-devozzjoni. In-nies, hi u tpassi bil-lajma u b'ċerta
nikta madwar il-kappelli u l-monumenti taċ-ċimiterju, tagħti kas
biex ma tirfisx fuq l-oqbra ħalli dejjem jinżamm ir-rispett lejn
il-mejtin.

No comments:
Post a Comment