Sa mill-bidu taż-żminijiet il-bniedem ħass li kellu juri rispett lejn dawk li mietu fil-familja u l-komunità tiegħu. Intebaħ b'dan il-proċess universali tal-mewt u għalhekk rabat il-mewt mal-ħajja.
Filwaqt li ipprepara kif seta' lil niesu mejtin għad-dinja eterna ta' wara l-mewt, kif fehemha hu, iċċelebra ukoll l-ħajja.
Mhux ta' b'xejn mela li din il-festa minbarra t-talb u t-tifkiriet, insibu fiha ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja permezz tal-ikel. Naraw fiha ir-rabta tal-erwieħ u l-ħtieġiet spirtwali tagħhom mal-ikel għall-fqajrin u l-karità magħhom.
Bħal ma nagħmlu fil-għadam tal-ħelu, fl-ikel insibu s-simboliżmu li neħtieġu aħna bħala ħajjin biex niftakru f'niesna li mietu u niftakru ukoll fid-drawwiet tagħhom li ħallew lilna bħala wirt u fuq kollox niftakru fil-mewt u fil-ħajja eterna li naspiraw għaliha.
Permezz tal-ikel ippreżentat fl-okkażjoni tal-Għid tal-Erwieħ aħna nġeddu it-tifkira ta' ħutna l-mejtin, inġeddu ħajjitna fit-twemmin li xi darba ukoll għad ningħaqdu mal-erwieħ kollha fl-eternità.
L-ikla hija waħda umli ħafna u tinkludi dawk l-ingredjenti bażiċi u disponibbli għal kulħadd. L-ikla sservi ta' eżerċizzju komunitarju biex fis-sempliċità tagħha tfakkarna fit-tradizzjoni u f'dak li hu essezzjali fil-ħajja u fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tifkira tal-għeżież mejtin.
Fl-ikla nsibu dawn:
Il-Maħluta
(taħlita ta' xarba alkoħolika bil-meraq tal-frott)
Din ix-xarba tfakkarna fil-ħlewwa u l-qrusa tal-ħajja.
Il-ftiet tal-għaża
(ħobż mixwi u midluk bit-tewm u t-tursin)
Dan il-ħobż ifakkarna kif fl-imgħoddi kienu jieħdu l-vistu bis-serjetà b'rispett lejn il-mejtin. Il-kelma 'għaża' tfisser vistu jew luttu.
Il-Minestra tal-Erwieħ
(taħlita ta' ħaxix imsajjar f'borma)
Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-imgħoddi meta, b'sens komunitarju, in-nies kienet tagħti mill-ftit li kellha sabiex taqsam ma' min kien batut. Ġenerożità mal-ħajjin u b'suffraġju għall-mejtin.
Il-Majjal il-forn
(Servut mal-patata l-forn u ħaxix msajjar)
Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-ħanżira tal-erwieħ - ġest ieħor karitativ b'suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju.
Fl-aħħar ħelu tradizzjonali magħruf bħala l-għadam tal-mejtin (għaġina bl-intrita moħmija),
Ħelu li jfakkarna fil-mejtin għeżież tagħna.





No comments:
Post a Comment