Matul l-istorja tal-bniedem, ix-xorb kien dejjem meqjus importanti, kemm biex isostni ruħu, biex ifejjaq jew biex jiċċelebra bih. Ix-xorb alkoħoliku bħall-inbid jingħad li hu għotja mingħand Alla l-Imbierek. Jissemma fl-evanġelju li, fil-Ġenna jinxtorob l-inbid, mhux għas-sokor, naturalment, imma f'sens spiritwali.
Allura mhux għaġeb li l-Malti bħal kull ġens ieħor fid-dinja iħobb idaħħal dik in-naqra inbid fl-okkażjonijiet importanti. Ngħidu aħna meta xi omm kienet waslet biex tiled, kienu jisquha ċ-ċumnata biex tikkalmaha u tagħtiha l-kuraġġ sabiex kollox imur sew waqt it-twelid. Iċ-ċumnata kienet tikkonsisti f'inbid imħallat bl-għasel, ħwawar, kannella u msiemer tal-qronfol, imħawdin flimkien u msaħħna fuq in-nar. Imbagħad ifferrgħuha sħuna f'tazza u lesta biex tinxtorob mill-omm li appik se ġġib tarbija ġdida fid-dinja.
Jingħad li dari, x-xorb spirituż kienu jgħidulu Aqua Vitae jiġifieri ilma tal-ħajja. Meta f'Malta x-xorb irqiq ma kienx komuni u aċċessibbli għal kulħadd, kont issib minn kien jaħdem tiegħu id-dar. Ħafna drabi kien ikun taħlita ta' frott magħsur miżjid b'xi spirtu bħall-inbid jew brandi u jħalluh jiffermenta.
L-isem tal-Maħluta proprju ġej mill-fatt li hija taħlita ta' xorb alkoħoliku u frott ma' xi ingredjenti oħra. Fil-Ġimgħa l-Kbira nfakkru l-mewt ta' Sidna Ġesu Kristu u għal din l-okkażjoni nagħmlu l-borma bl-inbid, miżjuda bi grokk aniżetta, frott bħal xi larinġa, mandolina, tuffieħa u ukoll bsaten tal-kannella, imsiemer tal-qronfol, qxur tal-lumi, ħwawar oħra u weraq tar-rand. Din il-borma titħalla fuq in-nar biex tfewwaħ biss il-post imma kważi kważi tista' tixrob minnha għax ma fihiex balzmu kif insibu f'riċetti oħra. L-iskop hu li bir-riħa tfuħ li tagħmel, iddaħħlek fl-ispirtu intimu u divin tal-festa.
Il-Maħluta tal-Għid tal-Erwieħ għandha l-istess skop bħaċ-ċumnata u l-borma tal-Ġimgħa l-Kbira, li bħala xarba, tgħinna naqsmu flimkien esperjenza kumunjali meta ċċelebrata flimkien mal-komunità nisranija. Għalhekk ukoll il-Maħluta kultant tissejjaħ 'il-Meraq tal-Ħajja' (forsi traduzzjoni ta' Aqua Vitae) għax waqt li aħna l-ħajjin niftakkru u nfakkru l-mejtin, nixorbu u nduqu mill-ingredjenti li toffri l-ħajja (ħlewwa u qrusa).
Biex tagħmel il-Maħluta (għal 20 persuni) għandek bżonn;
6 fliexken inbid aħmar
2 Tazzi aniżetta / inqas jew iżjed skond il-qawwa tat-togħma li tiggosta
2 Kili larinġ
Damiġġjana bil-vit
Fliexken vojta jew buqari
Metodu:
Agħsar il-larinġ kollu ġo lembija (skutella kbira) iżda uża passatur irqiq biex issaffi l-meraq sewwa.
Ferra' l-inbid mill-flieken u l-aniżetta għal ġol-lembija u ħawwad flimkien mal-meraq tal-larinġ.
Itfa' t-taħlita ġo damiġġjana bil-vit u ħalliha toqgħod għal xi jiem. Iktar ma' tħalliha toqgħod iktar tiċċara.
Importanti li d-damiġġjana ma tħarrikhiex matul dan il-proċess sabiex ma tqanqalx il-frakijiet tal-larinġ li jkun qed jissepara fil-qiegħ.
Meta tara li saret is-separazzjoni tal-frak tal-larinġ, iftaħ il-vit biex tibbottilja ġol-fliexken jew buqari. Il-frakijiet tal-laring għandu jibqa' taħt il-livel tal-vit bħala sediment.
Poġġi l-fliexken jew il-buqari fil-friġġ u servi l-Maħluta kiesħa f'tazzi żgħar bħala grokk doppju.



No comments:
Post a Comment