Għala nedukaw permezz ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?
Bħala edukaturi fil-komunità tal-iskola tagħna, huwa kruċjali li ngħinu lit-tfal jirriflettu minn età żgħira fuq is-sens tal-ħajja u l-mewt, mill-lenti tar-raġuni, l-fidi, u t-tama. Il-viġili u l-festa tal-Qaddisin kollha, flimkien mat-tifkira tal-Erwieħ kollha jistednuna sabiex nesploraw il-misteru tal-ħajja lil hinn mill-mewt, b’mod li hu onest, kumpassjonali, u msejjes fuq it-tradizzjoni Nisranija. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, jgħinu lill-istudenti jikbru fil-għarfien tal-imħabba t’Alla, ix-xirka tal-qaddisin, u l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem, fil-waqt li joffru lqugħ għall-biża’ permezz ta’ tama ġdida mimlija fidi.
Il-Kattoliċi jiċċelebraw il-festi tal-Qaddisin u l-Erwieħ kollha, filwaqt li jrawmu l-valuri tal-ħajja, l-imħabba, u t-tama. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla u mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, dawk li jgħixu fil-Knisja waħdanija ta’ Kristu – fid-dinja, fil-purgatorju u fil-Ġenna. Dawn il-festi huma ċċelebrati filwaqt li n-natura qed tegħleb għall-istaġun tal-ħarifa, allura jgħinuna nirriflettu fuq ir-realtajiet tal-ħajja u l-mewt.
B’dan il-mod, dawn it-tlett ijiem jikxfu is-sbuħija tal-għaqda bejn il-membri tal-Knisja: hawn fuq l’art, fil-purgatorju, u fil-Ġenna – lkoll magħquda fl-imħabba ta’ Alla.
Il-festa tal-Qaddisin kollha tiġi ċċelebrata fl-1 ta’ Novembru u hija uffiċjlament magħrufa bħala s-Solennità tal-Qaddisin kollha. Niftakru f’ħutna l-kbar, dawk li diġa wasslu fil-Preżenza t’Alla u li jgħinuna mill-ġenna permezz tat-talb u l-eżempju tagħhom.
Il-festa tal-erwieħ kollha hija ċċelebrata fit-2 ta’ Novembru u hija magħrufa propja bħala t-tifkira tal-fidili mejtin kollha. Huwa jum speċjali ddedikat għat-talb għal dawk ħutna li wettqu l-vjaġġ tagħhom fuq din l-art u issa jeħtieġu l-imħabba u l-għajnuna tagħna fil-purgatorju. Dan ifakkarna fir-rabta tagħna ma’ dawk li mietu qabilna. Ix-xahar kollu ta’ Novembru huwa kkunsidrat żmien qaddis ta’ tfakkir, meta aħna partikolarment imħeġġa biex nitolbu għall-mejtin għeżież tagħna.
F’ lejlet il-festa tal-Qaddisin kollha (All hallow’s Eve), fil-31 ta’ Ottubru, niċċelebraw lilna nfusna – il-Knisja fuq l-art, li għad trid tissielet biex tasal għand il-Mulej. Fis-snin riċenti f’Malta, Halloween kiber fil-popolarità. Minkejja r-rabta storika mal-festa Kattolika, Halloween illum huwa bażikament festa sekulari u kummerċjali – li ħafna drabi tinsa l-valuri Nsara tal-ħajja, tama u tal-ħajja eterna.
Hekk kif l-Għid il-Kbir huwa marbut mar-rittmu tar-rebbiegħa u l-ħajja ġdida, il-festa tal-Qaddisin u l-erwieħ kollha, huma marbuta mal-ħarifa – staġun sinonimu mal-weraq imwaqqa’ u t-tbiel naturali. Madankollu, fid-dawl tal-Qawmien, l-Insara jaraw f’dawn is-sinjali mhux biss il-mewt, imma l-wegħda ta’ ħajja ġdida. It-tibdil tal-istaġuni, allura, jsiru simbolu ta’ verità aktar profonda: li fi Kristu, l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. Avolja għadna hawn fid-dinja, nindunaw li aħna xorta nistgħu nesperjenzaw il-benefiċċju tal-għaqda bejn il-membri kollha ta’ dawk li jemmnu u jittamaw.
Kitba meħudha mis-sit: https://sds.mt/resource/all-hallows-all-saints-all-souls/
Aktar tagħrif dwar l-Għid tal-Erwieħ issibu hawn: https://erwieh.infinityfree.io/Drawwiet-u-Twemmin/


No comments:
Post a Comment