11.8.26

Xarba għall-okkażjoni fl-Għid tal-Erwieħ - Il-Maħluta


Matul l-istorja tal-bniedem, ix-xorb kien dejjem meqjus importanti, kemm biex isostni ruħu, biex ifejjaq jew biex jiċċelebra bih. Ix-xorb alkoħoliku bħall-inbid jingħad li hu għotja mingħand Alla l-Imbierek. Jissemma fl-evanġelju li, fil-Ġenna jinxtorob l-inbid, mhux għas-sokor, naturalment, imma f'sens spiritwali.

 

Allura mhux għaġeb li l-Malti bħal kull ġens ieħor fid-dinja iħobb idaħħal dik in-naqra inbid fl-okkażjonijiet importanti. Ngħidu aħna meta xi omm kienet waslet biex tiled, kienu jisquha ċ-ċumnata biex tikkalmaha u tagħtiha l-kuraġġ sabiex kollox imur sew waqt it-twelid. Iċ-ċumnata kienet tikkonsisti f'inbid imħallat bl-għasel, ħwawar, kannella u msiemer tal-qronfol, imħawdin flimkien u msaħħna fuq in-nar.  Imbagħad ifferrgħuha sħuna f'tazza u lesta biex tinxtorob mill-omm li appik se ġġib tarbija ġdida fid-dinja.

 

Jingħad li dari, x-xorb spirituż kienu jgħidulu Aqua Vitae jiġifieri ilma tal-ħajja. Meta f'Malta x-xorb irqiq ma kienx komuni u aċċessibbli għal kulħadd, kont issib minn kien jaħdem tiegħu id-dar. Ħafna drabi kien ikun taħlita ta' frott magħsur miżjid b'xi spirtu bħall-inbid jew brandi u jħalluh jiffermenta.

 


L-isem tal-Maħluta proprju ġej mill-fatt li hija taħlita ta' xorb alkoħoliku u frott ma' xi ingredjenti oħra. Fil-Ġimgħa l-Kbira nfakkru l-mewt ta' Sidna Ġesu Kristu u għal din l-okkażjoni nagħmlu l-borma bl-inbid, miżjuda bi grokk aniżetta, frott bħal xi larinġa, mandolina, tuffieħa u ukoll bsaten tal-kannella, imsiemer tal-qronfol, qxur tal-lumi, ħwawar oħra u weraq tar-rand. Din il-borma titħalla fuq in-nar biex tfewwaħ biss il-post imma kważi kważi tista' tixrob minnha għax ma fihiex balzmu kif insibu f'riċetti oħra. L-iskop hu li bir-riħa tfuħ li tagħmel, iddaħħlek fl-ispirtu intimu u divin tal-festa.

 

Il-Maħluta tal-Għid tal-Erwieħ għandha l-istess skop bħaċ-ċumnata u l-borma tal-Ġimgħa l-Kbira, li bħala xarba, tgħinna naqsmu flimkien esperjenza kumunjali meta ċċelebrata flimkien mal-komunità nisranija. Għalhekk ukoll il-Maħluta kultant tissejjaħ 'il-Meraq tal-Ħajja' (forsi traduzzjoni ta' Aqua Vitae) għax waqt li aħna l-ħajjin niftakkru u nfakkru l-mejtin, nixorbu u nduqu mill-ingredjenti li toffri l-ħajja (ħlewwa u qrusa).

 


Biex tagħmel il-Maħluta (għal 20 persuni) għandek bżonn; 

  • 6 fliexken inbid aħmar

  • 2 Tazzi aniżetta / inqas jew iżjed skond il-qawwa tat-togħma li tiggosta

  • 2 Kili larinġ

  • Damiġġjana bil-vit

  • Fliexken vojta jew buqari

 

Metodu:

  1. Agħsar il-larinġ kollu ġo lembija (skutella kbira) iżda uża passatur irqiq biex issaffi l-meraq sewwa.

  2. Ferra' l-inbid mill-flieken u l-aniżetta għal ġol-lembija u ħawwad flimkien mal-meraq tal-larinġ.

  3. Itfa' t-taħlita ġo damiġġjana bil-vit u ħalliha toqgħod għal xi jiem. Iktar ma' tħalliha toqgħod iktar tiċċara.

  4. Importanti li d-damiġġjana ma tħarrikhiex matul dan il-proċess sabiex ma tqanqalx il-frakijiet tal-larinġ li jkun qed jissepara fil-qiegħ.

  5. Meta tara li saret is-separazzjoni tal-frak tal-larinġ, iftaħ il-vit biex tibbottilja ġol-fliexken jew buqari. Il-frakijiet tal-laring għandu jibqa' taħt il-livel tal-vit bħala sediment. 

  6. Poġġi l-fliexken jew il-buqari fil-friġġ u servi l-Maħluta kiesħa f'tazzi żgħar bħala grokk doppju.

­ 

4.8.26

L-Ikla tal-Għid tal-Erwieħ - Karità u Ċelebrazzjoni tal-Ħajja

Sa mill-bidu taż-żminijiet il-bniedem ħass li kellu juri rispett lejn dawk li mietu fil-familja u l-komunità tiegħu. Intebaħ b'dan il-proċess universali tal-mewt u għalhekk rabat il-mewt mal-ħajja. 

Filwaqt li ipprepara kif seta' lil niesu mejtin għad-dinja eterna ta' wara l-mewt, kif fehemha hu, iċċelebra ukoll l-ħajja. 

Mhux ta' b'xejn mela li din il-festa minbarra t-talb u t-tifkiriet, insibu fiha ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja permezz tal-ikel.  Naraw fiha ir-rabta tal-erwieħ u l-ħtieġiet spirtwali tagħhom mal-ikel għall-fqajrin u l-karità magħhom. 

Bħal ma nagħmlu fil-għadam tal-ħelu, fl-ikel insibu s-simboliżmu li neħtieġu aħna bħala ħajjin biex  niftakru f'niesna li mietu u niftakru ukoll fid-drawwiet tagħhom li ħallew lilna bħala wirt u fuq kollox niftakru fil-mewt u fil-ħajja eterna li naspiraw għaliha.

Permezz tal-ikel ippreżentat fl-okkażjoni tal-Għid tal-Erwieħ aħna nġeddu it-tifkira ta' ħutna l-mejtin, inġeddu ħajjitna fit-twemmin li xi darba ukoll għad ningħaqdu mal-erwieħ kollha fl-eternità.

L-ikla hija waħda umli ħafna u tinkludi dawk l-ingredjenti bażiċi u disponibbli għal kulħadd. L-ikla sservi ta' eżerċizzju komunitarju biex fis-sempliċità tagħha tfakkarna fit-tradizzjoni u f'dak li hu essezzjali fil-ħajja u fl-aħħar u mhux l-inqas, it-tifkira tal-għeżież mejtin.

Fl-ikla nsibu dawn:

Il-Maħluta

(taħlita ta' xarba alkoħolika bil-meraq tal-frott)

Din ix-xarba tfakkarna fil-ħlewwa u l-qrusa tal-ħajja.

 


Il-ftiet tal-għaża

(ħobż mixwi u midluk bit-tewm u t-tursin)

Dan il-ħobż ifakkarna kif fl-imgħoddi kienu jieħdu l-vistu bis-serjetà b'rispett lejn il-mejtin. Il-kelma 'għaża' tfisser vistu jew luttu.

 

Il-Minestra tal-Erwieħ

(taħlita ta' ħaxix imsajjar f'borma)

Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-imgħoddi  meta, b'sens komunitarju, in-nies kienet tagħti mill-ftit li kellha sabiex taqsam ma' min kien batut. Ġenerożità mal-ħajjin u b'suffraġju għall-mejtin.

 


Il-Majjal il-forn

(Servut mal-patata l-forn u ħaxix msajjar)

Dan il-platt ifakkarna fid-drawwa tal-ħanżira tal-erwieħ - ġest ieħor karitativ b'suffraġju għall-erwieħ tal-purgatorju.

 



Fl-aħħar ħelu tradizzjonali magħruf bħala l-għadam tal-mejtin (għaġina bl-intrita moħmija),

Ħelu li jfakkarna fil-mejtin għeżież tagħna.

 


Issib iktar informazzjoni fuq dan is-sit: L-Għid tal-Erwieħ