Fost id-drawwiet li nsibu kienet dik tal-minestra tal-erwieħ. Din inbdiet minn xi patrijiet kapuċċini u aktar 'l quddiem kienu jieħdu ħsiebha ukoll anki lajċi. Nhar l-Għid tal-Erwieħ propju fit-2 ta' Novembru kienu jmorru fid-djar u fil-ħwienet biex jiġbru l-ħaxix bħal pastard, qara', zunnarija eċċ li jagħtuhom in-nies u jitfgħu kollox f'kaldarun mimli bl-ilma, imqiegħed x'imkien barra f'xi raħal jew belt. Dan il-kaldarun kienu jserruh fuq żewġ ġebliet u taħtu jkebbsu n-nar biex isajjru l-minestra. Kienu jiġu ħafna biex jieklu minn din il-minestra. Dak iż-żmien il-faqar kien kbir u tarah ma wiċċek il-ħin kollu u dan il-kaldarun bil-minestra kien iservi biex jitma' lil dawk l-imsieken li ma kellhomx għaxja ta' lejla u kienu jistrieħu fuq il-karità biex isosstnu lilhom infushom. Kulħadd kien jagħti mill-ftit li jkollu għax in-nies kienet temmen li bil-karità kienu jtaffu mit-tbatija tal-erwieħ fil-purgatorju. B'hekk kienet issir il-famuża minestra tal-erwieħ li kienet titma' bosta mill-foqra li kienu jkunu jistennewha bħall-manna nieżla mis-sema.

No comments:
Post a Comment