Għala nedukaw permezz ta’
dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?
Bħala edukaturi
fil-komunità tal-iskola tagħna, huwa kruċjali li ngħinu lit-tfal
jirriflettu minn età żgħira fuq is-sens tal-ħajja u l-mewt,
mill-lenti tar-raġuni, l-fidi, u t-tama. Il-viġili u l-festa
tal-Qaddisin kollha, flimkien mat-tifkira tal-Erwieħ kollha
jistednuna sabiex nesploraw il-misteru tal-ħajja lil hinn mill-mewt,
b’mod li hu onest, kumpassjonali, u msejjes fuq it-tradizzjoni
Nisranija. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, jgħinu lill-istudenti jikbru
fil-għarfien tal-imħabba t’Alla, ix-xirka tal-qaddisin, u
l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem, fil-waqt li joffru lqugħ
għall-biża’ permezz ta’ tama ġdida mimlija fidi.
Il-Kattoliċi
jiċċelebraw il-festi tal-Qaddisin u l-Erwieħ kollha, filwaqt
li jrawmu l-valuri tal-ħajja, l-imħabba, u t-tama. Dawn
iċ-ċelebrazzjonijiet isaħħu r-relazzjonijiet tagħhom ma’ Alla
u mal-komunità kollha ta’ dawk li jemmnu, dawk li jgħixu
fil-Knisja waħdanija ta’ Kristu – fid-dinja, fil-purgatorju u
fil-Ġenna. Dawn il-festi huma ċċelebrati filwaqt li n-natura qed
tegħleb għall-istaġun tal-ħarifa, allura jgħinuna nirriflettu
fuq ir-realtajiet tal-ħajja u l-mewt.
B’dan il-mod, dawn
it-tlett ijiem jikxfu is-sbuħija tal-għaqda bejn il-membri
tal-Knisja: hawn fuq l’art, fil-purgatorju, u fil-Ġenna – lkoll
magħquda fl-imħabba ta’ Alla.
Il-festa
tal-Qaddisin kollha tiġi
ċċelebrata fl-1
ta’ Novembru u
hija uffiċjlament magħrufa bħala s-Solennità
tal-Qaddisin kollha. Niftakru
f’ħutna l-kbar, dawk li diġa wasslu fil-Preżenza t’Alla u li
jgħinuna mill-ġenna permezz tat-talb u l-eżempju tagħhom.
Il-festa
tal-erwieħ kollha hija
ċċelebrata fit-2
ta’ Novembru u
hija magħrufa
propja bħala t-tifkira
tal-fidili mejtin kollha. Huwa
jum speċjali ddedikat għat-talb għal dawk ħutna li wettqu l-vjaġġ
tagħhom fuq din l-art u issa jeħtieġu l-imħabba u l-għajnuna
tagħna fil-purgatorju. Dan ifakkarna fir-rabta tagħna ma’ dawk li
mietu qabilna. Ix-xahar kollu ta’ Novembru huwa kkunsidrat żmien
qaddis ta’ tfakkir, meta aħna partikolarment imħeġġa biex
nitolbu għall-mejtin għeżież tagħna.
F’
lejlet il-festa tal-Qaddisin kollha (All hallow’s Eve), fil-31
ta’ Ottubru,
niċċelebraw lilna nfusna – il-Knisja fuq l-art, li għad trid
tissielet biex tasal għand il-Mulej. Fis-snin riċenti
f’Malta, Halloween kiber
fil-popolarità. Minkejja r-rabta storika mal-festa Kattolika,
Halloween illum huwa bażikament festa sekulari u kummerċjali – li
ħafna drabi tinsa
l-valuri Nsara tal-ħajja,
tama u tal-ħajja eterna.
Hekk
kif l-Għid
il-Kbir huwa
marbut mar-rittmu tar-rebbiegħa u l-ħajja ġdida, il-festa
tal-Qaddisin u l-erwieħ kollha,
huma marbuta mal-ħarifa –
staġun sinonimu mal-weraq imwaqqa’ u t-tbiel naturali. Madankollu,
fid-dawl tal-Qawmien,
l-Insara jaraw f’dawn is-sinjali mhux biss il-mewt, imma l-wegħda
ta’ ħajja
ġdida.
It-tibdil tal-istaġuni, allura, jsiru simbolu ta’ verità aktar
profonda: li fi Kristu, l-ħajja tirbaħ fuq il-mewt. Avolja għadna
hawn fid-dinja, nindunaw li aħna xorta nistgħu nesperjenzaw
il-benefiċċju tal-għaqda bejn il-membri kollha ta’ dawk li
jemmnu u jittamaw.
Kitba
meħudha
mis-sit: https://sds.mt/resource/all-hallows-all-saints-all-souls/
Aktar tagħrif dwar l-Għid
tal-Erwieħ issibu
hawn: https://erwieh.infinityfree.io/Drawwiet-u-Twemmin/