22.11.15
13.6.15
4.4.15
L-Għid it-tajjeb
sabiħa donnha l-qamar,
tiddi bħax-xemx,
tal-biża’ bħall-eżerċtu
lest għat-taqbida.
2.1.15
L-Imlejka xxomm il-fjuri fis-sena l-ġdida
Is-sena t-tajba lil kulħadd.
26.11.14
Malta Comic Con 2014
8.11.14
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2014
Bħal kull sena, wieħed jeħtieġ iżomm appuntament mal-festival nazzjonali tal-ktieb f'Dar il-Meditteran, il-Belt Valletta. Dan għax għalkemm matul is-sena jiena nixtri bosta kotba li jkunu ħarġu, jkolli nistenna dan il-festival għaliex il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi jerfgħu l-aħjar pubblizzjonijiet tagħhom għal dan iż-żmien. Iżda mhux biss fix-xiri li wieħed jigwadanja f'dan il-festival, iżda ukoll fid-diskussjonijiet u t-tnedijiet organizzati biex iqanqlu interess akbar fis-suġġett akkedemiku jew letterarju tal-ktieb.
Kull sena niltaqa' ma nies li naf u oħrajn li nsir nafhom għall-ewwel darba. U waqt li nkun qed inqalleb dejjem insib dak il-ktieb li qatt ma smajt bih jew li kont ili għalih biex nakkwistah. Nimmeravilja bl-inizjattivi u r-riskji li jittieħdu mill-pubblikaturi biex joħorġu l-kotba. Tassew nammirhom u sa fejn jista' jtini l-but, napprezzahom ukoll billi nixtrihom, dejjem jekk ikollu użu għal dak il-ktieb partikulari. Imma ktieb dejjem issib użu għalih hux veru, għax jekk ma taqrahx, tagħtih rigal.
Missieri, Alla jtih il-ġenna, għallimni napprezza l-kotba. Rabbieni b'ċerta reverenza lejhom tant li bħal ma l-misilmin jagħmlu għal Koran, drajt naħsel idejja qabel immiss ktieb. Ma nikolx waqt li nkun naqra, li ma mmurx inċappsu jew intebbgħu b'xi ħaġa. Ma niftħax ktieb qoxra ma' qoxra biex ma niksirlux il-legatura u lanqas ma niksirlu l-ponot tal-paġni jew inħożż fuqu. Fi kliem ieħor nipprova inżommu talikwali, qisu għadu ħiereġ mill-istamperija. Kelli għalliem li kien jinkoraġġina biex inħożżu n-noti personali tagħna u nimmarkaw fuq il-kotba iżda dejjem ħassejtni nagħmel sagrileġġ meta missejt ktieb imqar bil-lapes. Iż-żewġ għedewwa l-kbar u qerrieda tal-ktieb huma ż-żmien u l-kamla. Lil tal-ewwel ma tegħelbux u lil tat-tieni tidħol fi gwerra dejjiema miegħu. Biss illum inħoss li l-agħar li jista' jiġrilu l-ktieb hu li jintesa jew iktar gravi minn hekk, li ma jinqarax.
2.11.14
L-Għid tal-erwieħ - 2 ta' Novembru.
F'dan il-jum niftakru f'l-għeżież tagħna li darba kienu magħna. Inġeddu t-tifkira tagħhom u f'isimhom nagħmlu l-ġid. Jum il-mejtin kollha jiġi biex niftakru u nirriflettu fuq il-mejtin predeċessuri tagħna. Huma ġew qabilna u ħallewlna dak li issa aħna qed inkomplu, biex meta nitilqu aħna, ukoll inħalluh f'idejn ta' warajna. Hekk timxi din il-mogħdija kbira tal-ħajja li fl-istess ħin żżomm id f'id mal-mewt. Aħna ħolqa ċkejkna ċkejkna f'katina twila twila li hu ż-żmien, l-ispazju u l-univers. Ferħana li nagħmlu parti minnu. Dan hu l-mument tagħna. Naħfnuh sewwa bla ma nħalluh jaħarbilna, ingawduh, napprezzawh u nużawh tajjeb għal ġid tal-umanità.
1.11.14
L-għid tal-imwiet 2014
Segwu din il-ħolqa: http://www.carmelitepriory.org/events_items/imwiet/
26.10.14
L-Għid tal-Erwieħ 2014
Fil-31 ta' Ottubru 2014 fit-8.00 ta' filgħaxija, Heritage Malta se terġa' torganizza l-Għid tal-Erwieħ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Dawk li se jipparteċipaw se jkunu murija l-espożizzjoni li hemm dwar l-Inkwiżizzjoni Rumana f'Malta b'aċċenn partikulari fuq każijiet ta' seħer u dehriet ta' spirti.
Wara d-dawra mal-espożizzjoni, ssir l-ikla tal-Erwieħ li tikkonsisti fil-platti tradizzjonali tal-minestra u l-majjal il-forn, kif ukoll l-għadam tal-ħelu bħala deżerta.
Il-parteċipanti jistgħu ukoll iqattgħu l-lejl f'xi ċella tal-ħabs tal-Inkwiżitur jew f'xi post ieħor suġġettiv fil-Palazz. Nirrikmanda li min iħobb dawn it-tipi ta' esperjenzi, ma jitlifx din l-opportunità unika.
Għal aktar tagħrif:
31.5.14
4.2.14
"Il-mard tad-dwejjaq biċ-ċajt biss jitfejjaq" - Charles Clews
Jien kbirt fl-umoriżmu ta’ Charles Clews u l-bella kumpanija tiegħu fis-snin sebgħin u s-snin tmenin. Niftakarni mwaħħal mar-Redifusion u wara xi żmien, mar-radju, nisma’ ċ-ċajtiet u l-episodji ta’ Fredu Frendo Sghendo. Ma kontx irrid nitlef episodju wieħed anki meta kelli dawk is-sittax-il sena jew aktar. Iż-żmien tad-deheb ta’ Charles Clews madanakollu kien wara l-gwerra fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet bl-iStage Commandos u r-Radju Muskettieri jduru t-teatri tal-bliet u r-rħula. Jien kont għadni ma twelidx jew kont żgħir wisq biex niftakar dik il-mewġa ta’ talent umoristiku li kien qajjem Clews f’pajjiżna. Ċerti atturi komiċi bħal Nosi Ghirlando u Armando Urso lanqas biss għandi konoxxenza tagħhom u jekk xi ħadd jurini ritratt żgur li ma nagħrafhomx. Atturi oħrajn bħal Johnny Catania u Johnny Navarro niktakarhom sewwa għax baqgħu għaddejjin sa żmieni, għalkemm tal-ewwel kien emigra u għamel xi żmien nieqes minn Malta imma kien kultant kien jiġi mill-Awstralja u jagħmel xi sketch fuq it-televiżjoni.
Missieri f’zgħożitu kien jixtri xi kotba u librett umoristiċi u anki gazzetti li kien ikun fihom iċ-ċajt u l-makkjetti. Dan kien lejn nofs is-snin sittin meta jien kont għadni daqsxejn ta’ qrempuċu. Niftakar li fis-snin sebgħin, kull nhar ta’ Ħadd, il-familja tagħna bir-razza u r-radika konna noħorġu flimkien fil-kampanja jew fejn il-baħar skont l-istaġun, u mhux darba jew tnejn missieri kien jiġbor lil kulħadd madwaru u jibda jkanta minn dawn il-makkjetti xi uħud minnhom miktuba minn Clews stess bħal Rożamari, It-Tewmi, Ħaduli Rasi u oħrajn. Jien u ħija ta’ tfal li konna ma domniex ma bdejna nitgħallmuhom aħna ukoll dawn il-makkjetti flimkien ma’ oħrajn li konna nsibu fil-libretti umoristiċi ta’ missieri. U mbagħad erħielna nirrextawhom quddiem il-kuġini u z-zijiet f’xi okkażjoni tal-Milied
Silta mill-episodji radjofoniċi ta' Fredu Frendo Sghendo - kitba ta' Charles Clews
bit-talent komiku ta' Johnny Navarro.
Sa fejn naf jien ftit li xejn minn dawn il-makkjetti baqgħu jinstemgħu u naħseb li kieku ma kienx għal Clews innifsu li ħareġ diska kumpatta lejn l-aħħar tas-snin disgħin, b’xi makkjetti li hu reġa’ interpretaha, li kieku illum ma kien ikollna xejn f’idejna mill-għexieren ta’ makkjetti li ħarġu fl-imgħoddi.
Il-biografija ta' Charles Clews 2012
Dan hu xi kliem tad-diska umoristika Xemx jew Qamar (din kienet tindaqq fuq ir-Redifusion fis-snin 70. Ilni żmien twil ma nismagħha) :
Nota ċkejkna: Grazzi lis-sur Joseph M. Scicluna talli fakkarli l-kliem tal-ewwel strofa u l-aħħar vers tal-ewwel strofa. Napprezza jekk ikun hawn xi ħadd li jgħidli min kiteb il-kliem, il-mużika u min kantaha.
Tabilħaqq lejla xitwija
Meta ħarġu Peppi u Luqa
1.1.14
L-ewwel tas-sena
Hemm għata kbira sħab
fil-Belt fejn ngħammar
fid-dlam tal-lejl li jtektek l-aħħar tokki
u s-sena l-oħra tnin u tmut
u tiġi l-ġdida
imma x'hemm differenti?
għax l-għata sħab tinkixef
biex tixref int fi ħsiebi
u d-dlam tal-lejl jiddawwal
bir-raġġ ta' dawl li jiddi
minn għajnejk imbissmin
u l-aħħar tokki
u s-sena l-ġdida qisu xejn
ma ġara
għax jieqaf il-ħin
jgħosfor iż-żmien
fl-eternità ta' sliem u hena
fid-dinja fejn hemm int
ja mara
li nafek biss mid-dehra
bħal bint l-allat
int timxi fl-art
u nafek biss mill-bogħod
li jkessaħ din il-Belt li fiha ngħammar
iżda bi fjamma tixgħel f'qalbi
li darba int kebbist
u ma tintefa qatt
31.12.12
Is-sena t-tajba... u l-għatba mbajda!
30.10.11
L-Għid tal-Erwieħ ta' kull sena
25.9.11
20.9.11
31.10.10
L-Għid tal-Erwieħ 2010

Għid l-Erwieħ sar wieħed mill-avvenimenti favoriti tiegħi ta’ matul is-sena. Hemm ħafna festi li nħobb niċċelebra imma dan il-għid hu wieħed minn dawk li nipprepara għalih sewwa. L-għid tal-erwieħ niċċelebrawh fit-tieni ta’ Novembru kull sena. L-għid tal-erwieħ ngħidulu ukoll l-għid tal-imwiet jew il-festa tal-mejtin kollha. F’dan il-jum ħafna jmorru ċ-ċimiterju, jixtru l-fjuri u x-xemgħat biex iqegħduhom fuq il-qabar tal-għeżież tagħhom. Hija festa li niftakru f’dawn l-erwieħ qraba u ħbieb tagħna li ħallewna. Dan isir b’rispett kbir u b’ċerta devozzjoni mħallta b’xi ftit niket u xi demgħa żgħira.
Aħna u għaddejjin mgħaġġlin fil-ħajja tagħna, ma tantx nieqfu naħsbu fuq il-mewt. Meta tkun tfal lnqas biss nafu xi tfisser il-kelma. Jien meta kelli tmintax-il sena għaddejt minn ġrajja li ġiegħlitna naħseb ħafna fuq il-mewt.
Konna grupp ta’ ħbieb u morna għal kunċert biex nieħdu pjaċir. Waqt minnhom sakemm konna qed nistennew il-grupp preferut tagħna biex jibda’ jdoqq, ħriġna barra u morna sa fejn il-baħar. Aħna u sejrin lura għaddejna minn post li ma konniex nafuh sewwa. Jien kont miexi fuq quddiem nett bi sħabi warajja. F’għajnejna kien hemm bozza kbira li kienet qed tarmi dawl qawwi ħafna tant li ma stajnhiex naraw sewwa fejn konn qed nitfgħu il-passi tagħna, imma ta’ moħħ ir-riħ li konna bqajna nitkellmu u niċċajtaw bejnietna. Ħin mnnhom sejjali xi ħadd minn sħabi biex ikellimni u jien waqaft u dort biex nara x’ried. Pawlu li kien warajja baqa’ miexi u qabiżni. Ftit wara smajna taħbita u xi ħadd induna li Pawlu kien waqa’ għal isfel daqs sular u nofs fond. Kienet traġedja. Meta irnexxielna ninżlu ħdejn kien għadu ħaj. Missejtlu idu u sabbartu kemm stajt sakemm tiġi l-ambulanza. Tliet ijiem wara, Pawlu ħalliena.
Jien u s-sħaba ħassejna ruħna maħsuda u mdejqa b’din il-ġrajja sewda li għaddiet mingħalina. Inġbarna f’ċimiterju abbandunat u xegħlna x-xemgħat f’dawra tond u qagħdna bil-qiegħda madwarhom. Min jikkontempla u min jibki. Jien irrelazzajt li l-mewt kienet quddiemi dak il-ħin li dort biex nisma’ lil sieħbi li għajjatli u setgħet ħadet lili minflok lil Pawlu. Ħsibt fuq dan u fuq dak li ġara lil Pawlu. Filli ħaj, jiċċajta magħna filli mejjet, midfun taħt it-trab. Imma ħassejt l-ispirtu tiegħu qiegħed magħna dak il-ħin fiċ-ċimterju. U t-tifkira tiegħu għadha miegħi sal-lum.
Illum inħobb niċċelebra it-tifkira ta’ missieri, ta’ Pawlu u ta’ ħafna u ħafna oħrajn li kont ħbieb magħhom u oħrajn li ammirajthom mill-bogħod.
1.1.10
Is-sena t-tajba













































