Jien kbirt fl-umoriżmu ta’ Charles Clews u l-bella kumpanija tiegħu fis-snin sebgħin u s-snin tmenin. Niftakarni mwaħħal mar-Redifusion u wara xi żmien, mar-radju, nisma’ ċ-ċajtiet u l-episodji ta’ Fredu Frendo Sghendo. Ma kontx irrid nitlef episodju wieħed anki meta kelli dawk is-sittax-il sena jew aktar. Iż-żmien tad-deheb ta’ Charles Clews madanakollu kien wara l-gwerra fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet bl-iStage Commandos u r-Radju Muskettieri jduru t-teatri tal-bliet u r-rħula. Jien kont għadni ma twelidx jew kont żgħir wisq biex niftakar dik il-mewġa ta’ talent umoristiku li kien qajjem Clews f’pajjiżna. Ċerti atturi komiċi bħal Nosi Ghirlando u Armando Urso lanqas biss għandi konoxxenza tagħhom u jekk xi ħadd jurini ritratt żgur li ma nagħrafhomx. Atturi oħrajn bħal Johnny Catania u Johnny Navarro niktakarhom sewwa għax baqgħu għaddejjin sa żmieni, għalkemm tal-ewwel kien emigra u għamel xi żmien nieqes minn Malta imma kien kultant kien jiġi mill-Awstralja u jagħmel xi sketch fuq it-televiżjoni.
Missieri f’zgħożitu kien jixtri xi kotba u librett umoristiċi u anki gazzetti li kien ikun fihom iċ-ċajt u l-makkjetti. Dan kien lejn nofs is-snin sittin meta jien kont għadni daqsxejn ta’ qrempuċu. Niftakar li fis-snin sebgħin, kull nhar ta’ Ħadd, il-familja tagħna bir-razza u r-radika konna noħorġu flimkien fil-kampanja jew fejn il-baħar skont l-istaġun, u mhux darba jew tnejn missieri kien jiġbor lil kulħadd madwaru u jibda jkanta minn dawn il-makkjetti xi uħud minnhom miktuba minn Clews stess bħal Rożamari, It-Tewmi, Ħaduli Rasi u oħrajn. Jien u ħija ta’ tfal li konna ma domniex ma bdejna nitgħallmuhom aħna ukoll dawn il-makkjetti flimkien ma’ oħrajn li konna nsibu fil-libretti umoristiċi ta’ missieri. U mbagħad erħielna nirrextawhom quddiem il-kuġini u z-zijiet f’xi okkażjoni tal-Milied
Silta mill-episodji radjofoniċi ta' Fredu Frendo Sghendo - kitba ta' Charles Clews
bit-talent komiku ta' Johnny Navarro.
Sa fejn naf jien ftit li xejn minn dawn il-makkjetti baqgħu jinstemgħu u naħseb li kieku ma kienx għal Clews innifsu li ħareġ diska kumpatta lejn l-aħħar tas-snin disgħin, b’xi makkjetti li hu reġa’ interpretaha, li kieku illum ma kien ikollna xejn f’idejna mill-għexieren ta’ makkjetti li ħarġu fl-imgħoddi.
Il-biografija ta' Charles Clews 2012
Dan hu xi kliem tad-diska umoristika Xemx jew Qamar (din kienet tindaqq fuq ir-Redifusion fis-snin 70. Ilni żmien twil ma nismagħha) :
Nota ċkejkna: Grazzi lis-sur Joseph M. Scicluna talli fakkarli l-kliem tal-ewwel strofa u l-aħħar vers tal-ewwel strofa. Napprezza jekk ikun hawn xi ħadd li jgħidli min kiteb il-kliem, il-mużika u min kantaha.
Tabilħaqq lejla xitwija
Meta ħarġu Peppi u Luqa













































