11.8.05


p5 AAAGH! nr2 'Is-sajjied' tal-Mangi. Araw din l-illustrazzjoni intensa li turi sitwazzjoni diffiċli li jiffaċċja s-sajjied meta jkun bejn sema u ilma.


p10 AAAGH! nr2 Anonimu.



p11 AAAGH! nr2 'Il-Priedka' tal-Mangi.

10.8.05

Ftit aktar mill-AAAGH! (1998)


p2 XENQIET EDEN. AAAGH! nr.1



p3 XENQIET EDEN. AAAGH! nr.1



p4 XENQIET EDEN. AAAGH! nr.1



p5 XENQIET EDEN. AAAGH! nr.1




p6 XENQIET EDEN. AAAGH! nr.1

8.8.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 12

AAAGH! ........diwja tal-istrixxikli taċ-ĊBF



AAAGH! L-ewwel ħarġa 1998



Gadajx: il-maskot tal-AAAGH! karattru li kien jintuża fir-roklejlaż talYMCA fit-80ijiet



AAAGH! nru1 p 8 Mill-kexxun ta' artist bravissimu li ried jibqa' anonimu.



AAAGH! nru1 p 9 Separate Realities tal-Mangi



AAAGH! nru1 p 10 Separate Realities tal-Mangi


AAAGH! nru1 p 11 Separate Realities tal-Mangi


AAAGH! nru1 p 12 Separate Realities tal-Mangi

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 12

10 snin wara

It-toroq li l-ħajja għandha ħabta tgħaddina minnhom huma mħalltin b’elf tifkira. L-avventuri li nidħlu għalihom jgħallmuna u xi minn daqqiet isabbtuna waħda tajba ma’ art. Kienet wara waħda minn dawn it-tipi ta’ tisbitiet li kelli f’ħajti meta erġajt iltqajt mal-Mangi. Il-ħbiberija ġentili tiegħu u l-proġett żgħir illi fassalna flimkien kienu strumentali biex nissokta nqum fuq saqajja mill-ġdid. Iltqajna propju fil-YMCA fil-lok il-ġdid tagħha li kien faċċata tal-l-Imperial Caffè imma tinżel xi ftit bibien aktar ‘l isfel. L-imperial kien prattikament magħluq fl-1998 meta ltqajna. Anki Bertu kien sab impjieg ieħor u l-ħanut (li iktar sar jixbah xi maħżen) kien qed jiftħu għal erba’ parruċċani li donnhom saru parti mill-għamara u mill-imbarazz illi Bertu kien akkumola fih. Il-YMCA issa kienet fdatha f’idejh Jean Paul, neputih, li ittrasformaha f’internet kafè u organizzazzjoni ħawtiela fil-qasam tal-ħidma soċjali, drama, korsijiet u festivalijiet fost oħrajn. Ir-rok kien preżenti imma mhux dominanti. Minflok rockers kont iktar tara żgħażagħ deħlin għall-provi tal-kor TenSing jew biex jiċchatjaw fuq l-internet. Fl-1998 meta wiċċ Malta kien mibdul f’ġirja waħda għall-karrieri u għal konsumiżu, fil-YMCA kont għadek tilmah traċċi ta’ nies li ma nħakmux mill-mewġa tan-nike jew ir-reebok u l-bqija. Ħdejn il-postijiet ta’ tlaqqigħ popolari maż-żagħżagħ f’dawn iż-żminijiet (bħal MacDonalds u Burgerking), il-YMCA żammet l-atmosfera vibranti b’nies żelużi għall-ħajja. In-nies li kienu jidħlu mill-MITP u l-iskola tal-arti u d-disinn għal xi drink, kienu jżidu speċi ta’ l-awra 'ikkultivata' li f’imkejjen bħal Macdonalds lanqas biss ixxommha f’dik ir-riħa kkoktejljata ta’ burgers u disinfettant.

Qalb din l-atmosfera ħajjarija fil-YMCA, għaxar snin wara l-aħħar strixxiklu li tpenġa għand Bertu, jien u l-Mangi twebbilna nagħmlu ritorn. Din id-darba però kellu jkun strixxiku li stajna inbigħu. Fassalna kif konna se naħdmuh u sibnilu isem ġdid, AAAGH! Kien proġett eċitanti li kellu jħajjar bosti kontributuri li jħobbu l-kartuni u l-comics. L-AAAGH! kien strixxiklu mingħajr editura u mingħajr ċensura. Kien vetrina għal kull minn ried jgħid xi ħaġa bit-tpenġija u bin-narrazzjoni strixxika. Konna ħerqana għal dan il-proġett u konna qed nisperaw li minn strixxiklu fotokopjat jgħaddi għal wieħed stampat. Ħajjarna xi żewġ kontributuri oħra u bdejn inpinġu. L-ewwel ħarġa ntlaqgħet tajjeb minn bosta li ltqajna magħhom fil-YMCA u barra, imma l-ispiża tal-fotokopjar ma nfditx mill-bejgħ tiegħu għaliex kull kopja swietna 90ċ filwaqt li begħnih bis-60ċ jew insomma xi ħaġa f’dak ilma.

Il-Mangi daħal għat-tpenġija b’ruħu u ġismu u l-kontribuzzjonijiet tieghu kienu fost l-aqwa xogħlijiet bil-pinna li qatt ipproduċa u dan għaliex ma setax ikompli jaħdem bil-kuluri peress il-fotokopjar tal-kulur żidilna l-prezz tal-AAAGH! u kien impossibbli li inbigħuh xi lira l-kopja. Jekk il-Mangi kien qed jiviluppa t-tpenġija tiegħu, għal kuntrarju jien kont qed immajna bl-ikrah għaliex erġajt dħalt lura x-xogħol u wara ftit xhur iżżewwiġt u bdejt inrabbi. Sar-raba’ ħarġa tal-AAAGH! jien kont kważi assenti u minkejja li kien hemm kontributuri ġodda bħal MANO, ix-xogħol kollu li kien jirrikjedi l-istrixxiklu ma kienx vijabbli u għalhekk l-AAAGH! kellu jieqaf bħal ma tieqaf għajta tidwi, li mqanqla mill-passat, awdibbli fil-preżent u mitlufa fil-futur.



................................................

5.8.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 11

Strixxikli li qatt ma ntemmu: sinjali ta' dekadenza.

IL-KULT TAL-WISQ QALBENIN jirrakkonta l-istorja ta' ġenerazzjoni ta' nies li ġiet wara l-epoka tal-Wisq Qalbenin ( li jirrappreżentaw iċ-ċirku Bertu Funtana) u dawn jippruvaw jarrekkixxu ruħhom mill-fdalijiet u t-teżori li huma ħallew warajhom, jiġfieri, il-Kotba Omnipotenti tal-Kelma tal-Oraklu (K.O.K.O.) u t-TÈ IMPERJALI. L-istorja li qatt ma ġiet finalizzata fuq il-pitazz, kienet turi kif minkejja l-mewt tal-WQ, l-ispirtu tagħhom kien għadu jgħix u kien qed jistenna biex jidħol f'iġsma ġodda. Din mhi xejn ħlief allegorija għall-isfaxxar taċ-ĊBF u xewqa għall-apprezzament tiegħu minn ġenerazzjonijiet futuri.



p1 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.



p2 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.


p3 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.


p4 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.


p5 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.



p6 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.


p7 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta


p8 Il-kult tal-Wisq Qalbenin (Super Eroj nru 6) li qatt ma tlesta.


KOKO LIVE nru 13 strixxiklu li qatt ma tlesta: sintomu ta' dekandenza fiċ-Ċirku Bertu Funtana.


Iċ-Ċirku Bertu Funtana 11

It-tmien ta’ era.

Il-MaltaSajf ġab miegħu era ġdida għan-nies fiċ-Ċirku Bertu Funtana....l-era tal-eżaltazzjoni tal-ħaxixa t-tossifikazzjoni. Dak li qabel kien ritwal li jinċensa s-sensi għal aktar kreatività, issa kien sar in-nifs ta’ kuljum. Fejn fiż-żmien ta’ qabel il-MaltaSajf, il-ħaxixa kienet tqarbina komunjonali biex teġevola l-ispirtu ferrieħi u kreattiv, issa bdiet issir l-iskop aħħari tal-ħajja, ir-raison d’etre.

Minkejja l-falliment finanzjarju ta’ l-ewwel festival, il-MaltaSajf sar appuntament annwali u għakemm issa kellu entratura kkontrollata u bi ħlas, ir-reputazzjoni tiegħu bħala lok għal libertinaġġ fl-użu tal-ħaxixa u sustanzi oħra, kienet iġġib il-folol prinċiparjament biex jinqerdu.

Iċ-ċentru tal-YMCA minkejja s-sorveljanzi kollha tal-kumitat, kien ukoll beda jservi ta’ moħba fejn jinħaraq xi joint jew tnejn. Għal raġunijiet ta’ sigurezza biex xi ma jxellfux difrejhom mal-liġi, il-klikek li kienu bdew izidu fit-tipjip tal-ħaxixa bdew jingħalqu fihom infushom u bil-mod il-mod bdew jifframmentaw iċ-ċirku u joħolqu distinzjonijiet bejn klikka u oħra. Żdiedu il-paranojja u s-segretezza u dawn komplew jiddiżassoċċjaw lill-klikek mill-attività komuni fi ħdan iċ-ċirku. L-imperial Caffè, il-YMCA u l-MaltaSajf bdew iżidu l-fama ta’ postijiet hot u għajnejn l-iskwadra tal-vizzji bdew iduru għal fuqna. Din is-sitwazzjoni kkreat tensjoni fiċ-ċirku Bertu Funtana li bdiet serjement ittellef mill-ispirtu libru u mis-sens ta’ għaqda li konna drajna bih.

Lejn nofs is-snin 80 kien hemm xi ċaqliq interessanti fil-pajjiż li fetħu toroq fejn wieħed seta jkun parteċipi biex juri l-fehmiet tiegħu fuq dak li kien qiegħed jiġri fil-pajjiż, kemm soċjalment, kulturalment, kif ukoll politikament.

Waħda mit-toroq li ppruva jaqbad iċ-ċirku biex isib palk soċjali fuqiex jitla’, kienet li jirristruttura ruħu fl-organizzazzjoni tal-YMCA. L-opportunitajiet li kienet qed toffri il-YMCA kienu promettenti għaliex kien hemm l-opportunità għall-għajnuna finanzjarja u organizzattiva li setgħet tiġi mill-YMCA internazzjonali, imma l-istrutturi offruti kienu kollha konvenzjonali u biex wieħed jidħol fihom kien jeħtieġlu li jikkonforma. Din kienet id-dilemma kbira għal ħafna li ma kienux jaċċettaw it-tagħmila soċjali kif kienet u ma kinux lesti li jċiedu li l-ispirtu ħieles tagħhom jinqafel f’qafas bħal dan. Id-dilemma bejn anarkija u organizzazzjoni kompliet tofroq min-nofs in-nukleu ta’ nies li kienu jikkontribwixxu fil-formazzjoni u l-andamnet taċ-ċirku. Xi wħud minn dawn il-ħidma fil-YMCA daħlulha bir-ras. Oħrajn qagħdu gallarija. It-taqbidiet għall-poter fil-YMCA kienu inevitabbli u dawn komplew jgħarrqu l-immaġni tal-organizzazzjoni u kiber id-distakk bejn in-nukleu ta’ attivisti u l-bqija tal-imħarrbtin taċ-ċirku.

Sadanittant fil-pajjiż iż-żgħażagħ kienu qed jitħarrku u jħarrku. Fl-1984 Julian Manduca kien fost l-ewlenin li organizzaw l-ewwel dimostrazzjoni ambjentali hawn Malta bl-għajta ta’ ID F’ID GĦAL AMBJENT AĦJAR. Diversi għaqdiet bħall-MOS u l-SSCN u DIN L-ART ĦELWA kienu qed jitħassbu serjament dwar il-qerda tal-pajsaġġ Malti filwaqt li l-pubbliku in ġenerali kien qed jara kif se jakkwista xi plott irħisa milli beda jqassam Lorry Sant.

Fil-qasam teatrali fis-snin 80 kien innotat rinaxximent żgħir bi gruppi esperimetali bħal Ateatru ta’ Michael Fenech u it-Teatru tal-Bniedem ta’ John Schranz, kif ukoll oħrajn li bdew jużaw it-teatru bħal kritika diretta jew sottili fuq l-awtoritajiet. Oħrajn bħall-MASK ta’ Dun Ġorġ Dalli, kellhom l-iskop li jxerrdu ideat reliġjużi u soċjali.

Grupp ieħor ta’ żgħażagħ li kien ilu attiv mis-70ijiet kien il-Youth Travel Circle ta’ Dun Maurice Mifsud, fi Triq il-Merkanti l-Belt Il-YTC kienet ilha taħdem biex tqajjem kuxjenza favur il-kanzunetta Maltija u l-messaġġ soċjali li din tista’ twassal. Il-festival annwali tagħha beda jsir iktar popolari u mis-sala tal-iskola Albert il-Kbir fi triq it-Teatru, is-serata bdiet tittellgħa fis-sala tal-lukanda Phoenicia. Fost il-kantantawtur li tnisslu mill-qalba tal-YTC kienu Walter Micallef, u Manwel Mifsud, illum professur tal-Malti.

Il-YTC kellha orjentazzjoni reliġjuża kif kellhom ukoll l-biċċa l-kbira tal-għaqdiet taż-żgħażagħ f’Malta. Fil-fatt f’dawk iż-żminijiet kienu hemm ukoll qawmien ġdid reliġjuż u bdew jinbtu movimenti bħal-Kariżmatiċi, u l-Fokolarini flimkien li ma’ movimenti oħra li ma kinux kattoliċi fosthom ix-Xhieda tal-Ġevovah. Iż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara li kellha sehem attiv fil-ġlieda kontra Mintoff fis-60ijiet, reġgħet bdiet tissemma’ u tippubblika l-gazzetta tagħha il-Ħaddiem, din id-darba ironikament biex teħodha kontra KMB (li tagħha kien attivista fis-60ijiet) mindu ddikjara li ried l-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd kif ukoll kontra Mintoff li xebbah ‘il-ġenerazzjoni futura ma’ warda soċjalista li trid issaqqiha u tindokraha. Il-Moviment Kerygma ta’ P.Charles Fenech, kien qed jinħema wkoll biex iwaħħad l-attivitajiet sportivi u l-prinċipji nsara flimkien.

l-1985 kienet is-sena internazzjonali taż-żgħażagħ u bosta għaqdiet iċċelebraw dan is-sena b’xi attivita jew waqqfu xi sezzjoni għaż-żgħażagħ fi ħdan l-għaqda tagħhom. Ma nistax ma nsemmix attività li jien inħoss li kienet importanti għaliex iċċelebrat din is-sena mhux b’mod superfiċċjali imma bl-iktar mod impenjattiv. Dan kien il-kors ‘IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, L-1985 U ‘L HINN MINNHA’ organizzat mill-AŻAD li dak iż-żmien kien allokat f’Tas-Sliema. Il-moħħ wara dan il-kors kien John Schranz u l-kors dam sejjer għal xi sena. Kien ikopri bosta aspetti mill-ħajja, il-kultura, r-reliġjoni, ix-xjenza u l-politika vis a vis iż-żgħażagħ. Dan il-kors ma naħsibx li kellu xi sehem dirett fuq il-grajjiet li seħħew wara imma x’aktarx li serva biex jikkonsolida l-fehmiet ta’ xi żgħażagħ li attendew u li sabu l-opportunità biex jingħaqdu u jsemmgħu leħenihom fil-pubbliku. Difatti ftit wara xi individwi li kien parteċipanti fil-kors tal-AŻAD, welldu il-grupp Tan-Numri (ta’ Joe Azzopardi).

Sena wara wkoll xi żgħażagħ mill-MOS, Saviour Balzan u Natalino Fenech flimkien ma’ oħrajn, telqu biex waqqfu ż-ŻGĦAŻAGĦ GĦALL-AMBJENT li kien beda jqajjem il-kwestjonijiet veri ambjentali li sa dak iż-żmien kienu kompletament aljeni fil-fora pubblika. Bl-elezzjoni ġenerali fil-qrib, il-qiegħa bdiet tisħon ġmielha. Il-protesti bdew jispuntaw minn kullimkien, kontra l-ammintrazzjoni laburista,l-Building Development Areas ta’ Lorry Sant, kontra l-qtugħ tal-provista tal-ilma u anki ġustifikament kontra l-Apartheid tal-Afrika t’isfel (li ovvjament ma kellha x’taqsmu xejn mal-gvern preżenti). Imma kulħadd ried iqum u jsemma’ leħnu. Bdew id-dimostrazzjonijiet Tan-Numru dwar il-korruzzjoni, il-monopolju fix-xandir , il-qtil ta’ Nardu Debono u kontra t-teatrini tal-ministri biex jikxfu xi rħama f’kull okkażjoni illi jsibu. Twaqqaf il-Grupp għall-Alternattiva Politika (GAP) ta’ Lino Briguglio u li wara sar il-Partit Demokratiku Malti li kkontesta l-elezzjonijiet tal-1987.

Qabel ma taħsbu li qed nilgħabha ta’ xi Herbert Ganado b’Rajt Malta tinbidel’, ngħidilkom li dawn huma ftit milli niftakar jien fost l-attività kbira li kien hemm madwar Malta kawża tat-taqlib politiku ta’ dak iż-żmien. U dan qed insemmieh bħala sfond tal-era li dwara qed nikteb jien kif ukoll biex joħroġu il-kuntrasti bejn l-istorja ta’ pajjiż sħiħ u l-ġrajja ta’ ċirku żgħir ta’ ħbieb.

Fost dan it-tqanqil u l-kjass kollu fil-pajjiż, in-nies taċ-ċirku Bertu Funtana baqgħu xi ftit jew wisq passivi, min medhi fl-organizzazzjoni tal-YMCA li ngħidulha kif inhi, l-attivitajiet kollha tagħha kellhom xaqliba lejn il-kult tar-rock , filwaqt li oħrajn ippreferew l-moħbiet fejn setgħu jbermċu u jaħarqu xi fettul tal-Cannabis Sativa. Is-sabiħa hi li dawn iż-żewġ imġibiet differenti kienu finalment jiltaqgħu meta titella’ l-attivita tal-YMCA. Il-gażiba kienet li waħda kienet torbot ma’ l-oħra u għalhekk l-attività ma setgħetx ikollha suċċess jekk ċorma rockers ma jiġukx għax tipprojbihom milli ‘jpejpu’.

Il-klikek differenti li dejjem kienu parti miċ-ċirku globali taċ-Cirku Bertu Funtana, bdew jisparpaljaw għar-raġunijiet li semmejt iktar kmieni. Xi wħud bdew imorru Għawdex għall-weekend jew jintefgħu jinqerdu f’xi appartament li jkunu krew. Issa kien hemm diversi persuni miċ-ċirku li għal dawn l-iskopijiet jew b’esperiment personali, fittxew li jitilqu mid-dar tal-ġenituri tagħhom u jikru post x’imkien. Deċiżjonijiet bħal dawn żiedu l-ħtieġa ta’ dħul finanzjarju stabbli sabiex wieħed seta’ jsosstni dan l-istil ta’ ħajja. Xi wħud sabu impjieg fiss jew temporanju u għalhekk il-ħin li ssoltu kienu jqattgħu fil-klikek rispettivi tagħhom issa naqas sostanzjalment. Dan irridimenzjoni l-kunċett kollu tal-ħajja alternattiva li ħafna emmnu biha u għalhekk wieħed kellu parzjalment jikkonforma għall-ksib tal-pappa sabiex wara jgawdi l-umpappa. Kien hemm xi wħud li żviluppaw ekonomija ċkejkna li setgħet iżżommhom libri fil-klikek mingħajr il-ħtieġa ta’ impjieg uffiċċjali. Dawn sabu mezz kif ikabbru jew jinnegozjaw il-prodotti ‘naturali’ tal-cannabis. Għalhekk naqra naqra, beda jiżdied minn taħt, il-bejgħ tal-ħaxixa.

Sandanittant, fuq l-imwejjed tal-Kafè Imperjal iċċirkulaw bosta kotba u pubblikazzjonijiet, xi wħud minnhom niftakar kienu mis-SKS bħall-‘Lejn is-sema bid-daħka’ ta’ Dwardu Ellul, ‘Ulied in-nanna Venut fl-Amerka’ ta’ Ġwann Mamo, oħrajn bħall-poeżiji ‘Għeruq mill-ħajja ta’ Kuljum’ ta’ Ġanni Chircop, ‘Fil-Parlament ma jikbrux fjuri’ ta’ Oliver Friġġieri kif ukoll il-magażin xellugi ta’ kull xahar ‘Il-Ħsieb’ u l-gazzetti satiriċi bħall-‘Mhux fl-interess tal-Poplu’ u ‘Ix-Xewka II’ u oħrajn. Imma l-interess ta’ xi wħud kien issa iffokat fuq attività partikulari, dik tat-tbermiċ il-joints u fejn fil-pajjiż kien hemm żgħażagħ tilgħin fuq il-palk soċjali u jesponu fehmthom u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali, nies miċ-ċirku Bertu Funtana kienu qed jinħbew fil-katakombi, jrewwħu ‘l-inċens’ qares lejn l-ispirtu mejjet li xi darba kien ħieles.

Minkejja li xi wħud ippruvaw jigglorifikaw dawn ir-ritwali u jagħtuhom dimensjoni naturalistika, il-fatt kien li t-teħid eċċessiv tal-ħaxixa u sustanzi oħra, ġabu bidla totali fiċ-ċirku li beda jiddekadixxi ruħu b’rata mgħaġġla u d-daqq u t-tbaħrit fuq il-funtana tat-Tritoni kienu issa eku fil-bogħod u t-tpenġijiet fuq il-pitazzi u d-diskussjonijiet fl-imperial caffe kienu qed jisfumaw fix-xejn.

Il-YMCA fetħet il-bibien tagħha għall-għajnuna u l-ħidma soċjali. Xi peruna li tkeċċiet mid-dahar, oħra li kellha taħrab mid-dar għax kienet qed tkun abbużata jew xi ħadd li ma kellux għaxja ta’ lejla, dawn bdew isibu refuġju fil-YMCA. Għal dawn il-każi ħafna minnhom b’talba urġenti, reġgħet xirfet fuq xi mejda tal-ħanut ta’ Bertu, it-tajpiera u s-segretarja tal-YMCA tittajpja xi ittra lil Caritas jew lil xi dipartiment tal-gvern biex forsi tinqala’ xi grazzja.

Wara ftit taż-żmien, mal-ħaxixa bdiet tindiehes seħbitha l-eroina u l-kokaina, lsd u koċċ imbarazz ieħor iddestinat biex jaħxu l-intern tal-konsumaturi tagħhom kif ukoll biex ikomplu jiġġeneraw dik id-daqsxejn ta’ ekonomija taħtnija li issa saret essenzjali biex tgħajjex lil dawk li ddeċidew li jibbażaw ħajjithom fuq il-teħid ta’ dawn is-sustanzi. Min hu midħla tax-xena tad-drogi jinduna li dan ir-rakkont tiegħi huwa simplistiku għaliex fil-verità it-teħid tas-sustanzi illegali huwa kompless. Kumplessa hija wkoll id-dinamika tal-gruppi għaliex dawn ikunu effettwati minn diversi fatturi madwarhom. Biss fl-opinjoni fqira tiegħi inħoss li d-dekadenza taċ-ċirku ġiet propju mill-idolizzar tal-ħaxixa u tas-sustanzi bħala tiftixa biex wieħed jiskopri lilu nnifsu.

Fl-1986, Jeff li konna nsibuh bħala n-Niki Lawda nstab mejjet f’appartament tas-Sliema wara li xi organu intern fallielu. Ma ġenbu sabulu sustanzi illegali u djarju li fih ssemma’ l-Imperial Caffè u xi nies oħra li ffrekwentaw hemmhekk. F’tebqa t’għajn l-iskwadra tal-vizzji daħħlet għalarrieda fl-Imperial Caffè u għamlet tfittxija. Fuq stil kif kienu jsiru l-affarijiet dak iż-żmien, il-pulizija ppruvaw jimplikaw lil Bertu billi żellqu xi biċċa fidda bil-ħaxixa wara l-bar. Kull min jaf lil Bertu, jasal biex jemmen kollox dwaru minbarra din. 48 siegħa fiċ-ċella, interrogazzjoni u sfurzar biex tkun iffirmata stqarrija. Bertu rribatta bil-qawwa kollha u saħaq fuq l-innoċenza tiegħu. Jumejn wara Bertu kien lura fl-Kafè Imperjal, illiberat. Dan l-episodju poġġa l-Imperial fil-lista s-sewda tal-pulizija u minn dakinhar il-quddiem ħafna tgerrxu u damu biex resqu fuq il-għatba ta’ dak il-ħanut li darba kien it-tieni dar tagħhom. Imma meta ġew lura, sabu nies ġodda li ma kinux jafuhom.

Fl-1987 inbidel il-gvern u bdiet ġenerazzjoni ġdida għand Bertu, il-kult tar-rock ma kienx għadu qawwi u l-YMCA minflok gigs u ‘roklejlaż’ bdiet tagħmel it-tournaments tal-football u tal-pool. Ħafna min-nies taċ-ċirku Bertu funtana kienu issa sabu posthom x’imkien ieħor, min jaħdem u min siefer. Kien għad baqa’ xi ftit li kultant jmorru jittawwlu naq’a biex isaqsu x’sar minn dak jew mill-ieħor, forsi b’nostalġija jew b’kurżità. Fuq l-uċuh tan-nies li issa kont issib għand Bertu, kont tilmaħ bixra ġdida, bixra differenti ħafna minn dik tal-imħarbtin rockers ta’ dari. Imma meta l-kliem kien jaqa’ fuq iż-żminijiet tal-ġenn u t-tbaħrit, tad-daqq u l-inbid u tè u l-MaltaSajf, id Bertu kienet tiftaħ kexxun u minnu toħroġ dawk il-pitazzi u l-istrixxikli li darba rrakkontaw ġrajjiet ta’ nies bi spirtu xewwiel u li issa l-era tagħhom m’għadiex iżjed.


................................

3.8.05

Iktar mill-istrixxikli ĊBF

KOKO FLASH : Dan l-istrixxiklu tpenġa kollu kemm hu fuq l-imwejjed tal-Imperial Caffè. Bħalu kienu jitpenġew oħrajn li konna insejħulhom KOKO LIVE.


Collage tal-qoxra


p4



p13



p14



p15



p16



p19 riklam


p34 Il-profezija ta' Ġuża tal-Girgenti



p35 Il-profezija ta' Ġuża tal-Girgenti



p36 Il-profezija ta' Ġuża tal-Girgenti

1.8.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 10

Mill-istrixxikli taċ-Ċirku Bertu Funtana, sensiela KOKO.



KOKO nru11 tal-Mangi. p35 mill-istorja ta' Keltandras, b'riklam sarkastiku tal-MaltaSajf.


KOKO nru11 tal-Mangi. p34 mill-istorja ta' Keltandras


KOKO nru11 tal-Mangi. p33 mill-istorja ta' Keltandras


KOKO nru11 tal-Mangi. p32 mill-istorja ta' Keltandras, pjaneta li tixbaħ lil tagħna u li fiha kien hemm il-konflitti bejn l-Andras (aljeni telepatiċi imma ġellieda) kontra l-Klett li kienu aljeni primittivi u barbari mill-muntanji tal-għasel. Meta l-klett ikunu se jinvadu l-art ta’ l-Andras dawn jibgħatulhom immaġni ta’ Jim Morrison telepatikament biex iġegħluhom jirrealizzaw li kienu primittivi u b’hekk irtiraw l-invażjoni. Sadanittant, żewġ Lirjani fuq vettura spazzjali fil-forma ta’ pinna jeħilsu lil pjaneta mużikali mill-oppressjoni gravitazzjonali. Filwaqt li wieħed mil-Lirjani jkun kannibalizzat mill-Klett u l-ieħor jaħrab u jerġa’ jirriproduċi ruħu. L-istorja tagħlaq b’astronawta li jintilef fl-ispazzju biex ikun salvat minn bieb li hekk kif jgħaddi minnu isib ruħu fi żmien id-dinożawri.


KOKO Nru 9 tal-Mangi. p30 innutaw il-kapsula tal-ispeed tiġri bħala simbolu taż-żmien dejjem għaddej.


KOKO Nru 9 tal-Mangi. P28


KOKO Nru 9 tal-Mangi. P28 dwar ir-rivoluzzjoni Franċiża.


KOKO Nru 9 tal-Mangi. P23 Stoney & Man.


KOKO Nru 7 (tal-Mangi) li jittratta l-istorja tad-dinja. P24 dwar l-Eġizzjani.


KOKO Nru 7 li jittratta l-istorja tad-dinja. P16 dwar l-iskoperta tan-nar.


Il-qoxra tal-kassett PROPHECY li ktibna u rrekordjajna jiena u Alex. L-istorja tittratta dwar profezija li kellha iġġib traġedja umana fil-lvant nofsani.


Kartellun ta' waħda mil-ljieli rock li konna nsejħulhom ROKLEJLAŻ.


Il-Bar tal-Imperial Caffè.

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 10


Verigoud KOKO

Bħal ma jiġri f’kull festa wara li jgħaddi kollox, jinħass ċertu vojt. Id-diskors fuq il-MaltSajf qabad jitrewwah f’kull bar jew rokna fejn jintefgħu ir-rockers u sar ir-rakkont ewlieni f’ħafna ċrieki tar-rockers ġejjin minn bnadi differenti ta’ Malta. Kull min kien jidħol għand Bertu kien jibda jgħid kemm kien kunċert ta’ lostja u x’buzz tal-madonna kien hemm. Ir-rikjesti biex nerġgħu nagħmlu ieħor kien diġa bdew ġejjin għal fuqna bil-gzuz, iktar mill-ittri tal-P.O.Box Għaxra (programm popolari fuq ir-radju ta’ dak iż-żmien.)

Aħna u nerfgħu l-apparat u nżarmaw kollox wara l-festival, ħadna magħna l-fdal tal-minerali tal-bar, il-kampjiet u l-kostumi karnivaleski li konna iddubbajna biex nużawhom għall-ispettaklu tal-festival. Imbagħad mill-għada ġew jieħdu l-containers li l-kirja tagħhom ġiet tiswa mas-seba' mitt lira, somma konsiderevoli għal 22 sena ilu. Bl-arja f’Ta Qali battala għalli kienet, issa stajna nibdew inħossu fejn laqatna u jekk kienx ħiereġ id-demm minn x’imkien. Il-‘Woodstock’ Malti kien laħaq il-quċċata f’dik li hi atmosfera libra ta’ kunċerti rock f’Malta u baqa’ fil-memorja ta’ ħafna nies għal bosta snin. Imma sfortunatament, il-MaltaSajf falla drastikament fl-organizzazzjoni u fil-publiċità biex iwettaq il-programm kollu li kellu imfassal u biex jilħaq lill-pubbliku varju mixtieq.

Finazjarment, il-MaltaSajf kien fjask kollossali. Id-donazzjonijiet għall-għaqdiet filantropiċi ma nġabrux u l-bar li kien ingħata b’offerta lill-privat ma għamilx qliegħ biżżejjed biex itaffi l-ispejjeż tal-kunċert. Ma nafx jekk il-kumitat proviżorju li ħa ħsieb l-organizzazzjoni tal-festival, teknikament kienx responsabbli quddiem il-liġi għad-defiċit qawwi li ġarrab il-MaltaSajf. Però Bertu li kien il-mutur tal-istess organizzazzjoni, affronta l-problema waħdu b’kuraġġ ta’ sur, u sab ruħu kif alla riedu...imsallab. Huwa ngħata mandat ta’ impediment ta’ partenza mill-qorti, li jfisser li kien ipprojbit li jsiefer jew iħalli l-pajjiż għal kwalunkwe raġuni. Il-kumpaniji ewlenin tax-xorb minerali f’Malta, waqfu jfornu l-ħanut tiegħu (l-imperial Caffè) mil-luminati u l-cocajiet sakemm jitħallas id-dejn. U biex jissammar l-aħħar musmar tat-tislib li sab ruħu fih Bertu, huwa baqa’ jirċievi diversi ittri bl-avukat mingħand il-kumpaniji li taw servizz fil-MaltaSajf, b’theddid ta’ proċeduri fil-qorti jekk ma jingħatawx il-ħlasijiet dovuti lilhom.

Imma ljun bħal Bertu diffiċċli tkissirlu l-moral u minkejja din is-sitwazzjoni prekarja, il-Kafè Imperjal baqa’ għaddej bl-istess ritmu anzi wara l-MaltaSajf żied fil-popolarità. L-għażla tal-prodotti fil-ħanut irriduċiet ruħha xi ftit, per eżempju kien hemm għażla waħda biss ta’ xarba minerali bl-isem ta’ Verigoud li kienet tinbigħ b’diversi togħmiet u kuluri differenti. Din kienet kunsinna li nxtrat minn fabbrika fiż-Żejtun, bi prezz imraħħas għall-festival MaltaSajf u għalhekk kienet l-unika soluzzjoni biex Bertu jifdi xi ftit mid-dejn li kellu pendenti. Min dak iż-żmien kien imdorri jixrob il-coca u l-luminati l-oħra kummerċjali u ma kienx jiggosta t-togħma tal-Verigoud, kellu bilfors jaqleb għat-tè jew għall-kafè għas-sentejn sħaħ li kien imiss. Dik kienet l-għażla. Jew il-Verigoud jew it-tè, inkella fittex ħanut ieħor. F’dik l-era politika meta l-għażliet kienu minimi u jekk trid rumblett karti biex timsaħ sormok bih ma’ kontx titfixkel quddiem xi tletin prodott differenti, kienet allura faċli li ċċedi gostik biex tgawdi l-kumpanija ta’ sħabek fl-Imperial Kafè. Imbagħad, wara kollox min kien iduq it-tè ta’ Bertu kien isir aditt għalih.

Il-YMCA imbarkat fuq attivitajiet għal ġbir ta’ fondi sabiex tibda tintrafa’ mill-ħofra finanzjarja li waqgħet fiha. Għalhekk bdew isiru gigs fiċ-Ċentru tal-YMCA u aktar tard fis-Sala Scouts tal-Belt. Il-YMCA sadanittant kienet ħatret kumitat ġdid u bdiet tirranka fl-organizzazzjoni u l-attivitajiet.

F’dawk iż-żmienijiet ta’ furur wara l-MaltaSajf, l-attività taċ-ċirku Bert Funtana baqgħet tikkoeżisti f’paripassu ma’ dik tal-YMCA. L-istrixxikli KOKO u s-super eroj kienu baqgħu jinħadmu minn żmien għal ieħor u xi tbaħrita fuq il-funtana jew fiċ-ċimiterju ma kinitx tonqos. Xi kassett ġie irrekodjat l-hawn u ‘l hemm ukoll. L-istrixxikli u l-kassetti kienu milqugħin u mistennijin fil-Kafè Imperjal ta’ Bertu anki issa li kien hemm ħafna iktar uċuh ġodda deħlin u ħerġin. L-istrixxikli kienu jiġġeneraw interess partikulari għaliex bosta kienet togħġobhom l-idea li titpenġa karikatura tagħhom kif ukoll li jaraw u jiddieħku b’karikaturi ta’ ħaddieħor. Dan kollu kien issir fuq is-sensiela Super Heroes li fl-istorja tagħhom dejjem jingħażel xi viljakk li ħsiebu dejjem biex jisraq ir-riċetta sigrieta tat-tè ta’ Bertu għal raġunijiet ta’ għana u glorja, filwaqt li l-grupp ta’ eroj, jippruvaw isalvaw it-teżor imperjali, li ovvjament kien it-tè.

Wieħed mill-istrixxiku ta’ dawn is-super eroj kien l-istrixxiklu epiku bl-isem ta’ ‘Il-Qawma u l-Waqgħa tal-Imperu Bertjan’ fejn fih kien jinkludi karikatura ta’ kważi kull persuna li dak iż-żmien kienet tiffrekwenta l-Imperial Caffè. F’dan l-istrixxiku kien hemm referenzi veri għat-taqbid tal-poter fit-tmexxija tal-organizzazzjoni, li kienu żviluppaw matul is-snin wara l-MaltaSajf. L-istrixxklu jirrakkonta kif il-Wisq Qalbenin (super eroj) inqasmu f’din il-konfoffa għall-akkwist tal-Imperu u li eventwalment ġabet straġi totali meta l-palazz Imperjali (l-Imperial Caffè) ikkrolla fuq kuħadd. Dan l-istrixxiklu (li insilef lil xi ħadd u qatt ma rritornah), kien qed jantiċipa l-isfaxxar taċ-ċirku Bertu Funtana in vista tal-ġrajjiet u l-konflitti organizzattivi li kienu qed iseħħu f’dawk il-waqtiet.

Fl-andament tal-istrixxikli KOKO, li kienet is-sensiela miftuħa għal kull tema, kien hemm żvilupp interessanti u din kienet il-kontribuzzjoni tal-Mangi. Il-Mangi żviluppa stil ta’ narrativa li kienet taqbel ħafna mad-diskors u l-mentalita’ tan-nies taċ-ċirku u ma qagħadx juża lingwaġġ merfugħ mill-Marvel comics jew mit-2000AD. L-istrixxikli tiegħu kienu jinkludu ġrajjiet mill-istorja tad-dinja u introduċa karattri intonati mal-personalitijiet fil-grupp tagħna, bħal Stoney & Man, Buzz id-Dubbiena u l-iSpeed li kienet kapsula li dejjem tiġri minn żmien għal ieħor waqt li tkun irrakkontata l-istorja tad-dinja sa mill-ħolqien tagħha. Dan kollu naturalment b’laqta umoristika u b’intervalli li jdaħħlu fihom karattri veri min-nies taċ-ċirku. Il-Mangi bħala qarrej entużjast, dak li kien jikkonsma mill-kotba kien jinterpretah b’passjoni fit-tpenġija, ħaġa li tat lill-istrixxikli taċ-ċirku Bertu Funtana (dejjem fil-kuntest sottokulturali tal-produzzjoni tagħhom) iktar valur politiku fil-kontenut, firxa aktar wiesgħa lejn il-viżjoni dinjija, kif ukoll sfida għall-parruċċan tal-Imperial Caffè biex jaħseb.

Subkonxjament, forsi kienet xewqa tagħna li dawn il-kontribuzzjonijiet fil-faqar kollu tagħhom, mhux biss inisslu tbissima jew ikomplu jsaħħu l-identità taċ-ċirku, imma wkoll li jiġġeneraw iktar diskussjonijiet waqt is-soċjalizzar tagħna fl-Imperial Caffè. Dan kien żmien eċitanti. Bis-‘suċċess’ tal-MaltaSajf, bil-formazzjoni l-ġdida tal-YMCA, gigs u rocknights ‘l hawn u ‘l hemm id-dinamika taċ-ċirku kienet fl-aqwa tagħha.



tkompli imma t-tmiem qed joqrob.




............................................

29.7.05

Iċ-Ċirku Bertu Funtana 9



Iċ-Ċirku Bertu Funtana 9

Fuq skala nazzjonali

Wistin Abela l-ministru tal-finanzji kien daħħal id-drawwa matul il-leġislatura ‘soċjalista’, li jlaqqam il-budget b’xi isem li jidhirlu adatt. Ma niftakarx jekk dik is-sena kienetx is-sena tal-budget tal-qawsalla jew tas-sikkar taċ-ċintorin. Fi żgur kien, li x-xogħol fil-ħanut ta’ Bertu żdied bil-qawwi. It-tè u l-kafè kienu qed jinbigħu bil-glalen u l-birra u l-minerali kienu wkoll żiedu r-ritmu fil-konsum. Il-flus li l-YMCA ġabret mit-tesserament ma damux ma taru fi spejjeż għall-preparazzjoni tal-MaltaSajf bħal per eżempju, inviloppi, bolli, letterheads, fotokopji, u elf oġġett konessi mal-kartolerija, flus għal petrol biex jitqassmu l-ittri għal ġbir mill-fabbriki u telefonati eċċ eċċ. Id-donazzjonijiet ma bdewx ġejjin bl-eluf u għalhekk il-kexxun tal-flus ta’ l-Imperial Caffè eventwalment beda jissussidja lill-YMCA fl-ispejjeż tagħha hekk kif il-karus ċkejken illi kellha, itteħidlu l-aħħar ċenteżmu.

Tar-Rockfest fl-AST Tignè ma ħadux gost bil-biċċa kollha tal-MaltaSajf. Rawha theddida diretta fuq il-kunċert tagħhom u ma tantx urew entużjażmu biex jgħaddulna l-lista tal-baned rok tagħhom sabiex nikkuntattjawhom, anzi jekk niftakar sewwa, id-diriġenti tal-AST ipprojbixxew lil dawk il-baned imseħbin, biex ma jipparteċipawx fil-MaltaSajf tal-YMCA. Bħall-buffura riħ, il-kelma li se jsir kunċert kbir xterdet mar-rockers u l-baned rok u kull min kellu kitarra, base, amplifier, u drum kit, u xi isem stravanganti, beda jikkorda biex jieħu sehem fil-kunċert.

L-idea oriġinali tal-MaltaSajf kienet li tkun maratona ta’ attivitajiet li jalteraw bejn attivitajiet sportivi filgħodu u l-mużika folk u rok filgħaxija. Kellu jkun hemm wirjiet bil-muturi u bir-roti kif ukoll wirjiet tal-arti marzjali. Kienet allokata wkoll arja għall-ikkampjar biex min ried seta’ jorqod hemm ukoll. Id-dħul kien bla ħlas u anki minn ried jiġi bil-karozza seta jagħmel dan, speċi ta’ drive in and see the show stil amerikan. Il-MaltaSajf kellu jsir f’Ta’ Qali u jdum tliet ijiem in fila mis-26, sat-28 ta’ Awissu 1983. Matul l-avveniment kellu jsir ġbir awtorizzat li mbagħad kellu jmur b’riżq tliet għaqdiet filantropiċi fosthom il-Community Chest Fund.

Nassigurakom li hemm bosta x’wieħed jirrakkonta fuq l-andament u l-intriċċi li kellu dan il-festival, imma dik storja oħra li forsi xi darba tkun irrakkontata wkoll. F’dawn il-bloggati jien aktar ser naċċentwa fuq l-involvimenti diretti u indiretti taċ-ċirku Bertu Funtana kif ukoll l-impatt li ħalla dan fuq l-istess ċirku.

L-attivta’ tal-YMCA kienet issa iffokata kompletament fuq il-MaltaSajf. Ix-xogħol fuq iċ-ċentru l-ġdid kien tlesta imma għal raġunijiet ta’ prattiċità u aċċessibbiltà l-Imperial Caffè kien rebaħ preferenza bħala uffiċċju u kif għidt qabel kien issa beda jservi bħala l-kwartieri ġenerali tal-organizzazzjoni tal-MaltaSajf. Bir-riżenja imposta fuq l-ewwel kumitat, iċ-ċirku Bertu Funtana kien esperjenza l-ewwel taqbida għal poter fi ħdanu bejn l-istess nies li s-soltu kienu jafdaw lil xulxin u li kienu jgħixu mingħajr il-ħtieġa tal-konfrontazzjoni. It-togħma morra li ħalliet din l-esperjenza gerrxet lil xi wħud u filwaqt li kien hemm min qatt ma ġie lura, oħrajn reġgħu integraw.

L-ucuh familjari tal-imħarbtin ħbieb bdew jisfumaw ma’ oħrajn ġodda li ma’ kienux rockers, hippies, rudeboys jew punks. Kienu nies li aħna konna ngħidulhom straight jiġifieri li jgħixu ħajjithom fuq il-mudell tipiku u sterjotipat tas-soċjeta. Kienu ftit l-individwi straight li ngwalawha magħna forsi għax skoprew xi gosti minn tagħhom li kienu kompatibbli ma’ tagħna bħall per eżempju l-mużika u s-smoke. Din tal-aħħar kienet dejjem iktar qed issir ‘sagramentali’ fi ħdan iċ-ċirku u x’aktarx bdiet titqies bħala l-element ewlieni li kien jiddefinixxi l-persuna jekk tkunx straight jew le. L-uniċi nies li kienu jitqiesu bħala theddida għall-grupp u għalhekk mistmerra, kienu 'tal-biċċa' jiġfieri l-pulizija u r-ranki l-oħra ekwivalenti tagħhom.

Mingħajr ma l-organizzazzjoni tal-MaltaSajf ittendiet kienu bdew jiġġeneraw diversi attivitajiet taħtnijiet u li kien se jkollhom impatt fuq ir-reputazzjoni tal-festival u tal-gruppi konnessi miegħu. Il-MaltaSajf kien se jsir f’waħda mill-aktar arji kbar u bierħa li għandna f’Malta u l-idea tal-Woodstock fejn iż-żgħażagħ kienu se jinġabru flimkien ‘il bogħod mill-għajnejn sorveljanti tas-soċjetà, ħajret lil ħafna biex ifittxu jagħmlu provisti sostanzjali ta’ ħaxixa u spirti biex iservuhom għat-tliet ijiem sħaħ. Min-naħa l-oħra l-organizzaturi tal-MaltaSajf kienu qed jippromwovu l-festival bħala avvenimnent għall-familja kollha, għalhekk dawk li kien bi ħsiebhom jixxalaw ma kienux qed jantiċipaw il-preżenza tal-pulizija fl-arja ta’ Ta’ Qali.

Xi ġimgħa wara li sar ir-Rockfest f’Tignè, l-eżodu tar-rockers beda l-mixja mentali u spiritwali tiegħu lejn il-wesgħa enormi f’Ta’ Qali. Il-preparament kienu diġa bdew u l-palk kbir tal-MaltaSajf li kien jikkonsisti fi tnax il-container tal-għoxrin pied, kien diġa f’postu. Ma’ kull jum illi għadda, żdied l-apparat u x-xenarju tal-palk. Bdew is-sound checks u kien hemm diversi żgħażagħ li kienu diġa bdew iżuru l-arja u xi wħud ukoll kienu qed jorqdu hemm. Il-ġurnata tal-ftuħ waslet u l-festival beda bil-ħoss uniku tal-kitarra u l-ħarmonika ta’ Grimaud. Il-mużika ssawbet bħal balzmu jew żbruffat bħal vulkan mill-ispeakers Bose u l-udjenza wieġbet bit-tisfir u t-tixjir tal-idejn.

F’dik il-wesgħa bil-ħaxix niexef, l-atmosfera kienet utopika. Imdawrin f’dak l-ispazju apert, kien hemm ġemgħa sabiħa ta’ żgħażagħ il-biċċa l-kbira mixħutin fl-art, min qoqoċċa ‘l hemm min qaqoċċa ‘l hawn ipejpu u jixorbu u jisimgħu id-daqq ta’ fuq il-palk. Il-Mirage, l-iStratkast, id-Dendroid u ħafna oħrajn bl-intervalli minn Toni Grimaud u xi oħrajn solisti, ilkoll daqqew sakemm l-urieżaq fis-siġar qatgħu qalbhom li għad xi darba jsemmgħu leħinhom u l-joints tqassmu minn id għal oħra fil-folla u nħarqu sakemm in-nemus waqa’ stordut. Matul il-lejl, qtajja’ nies imxerdin fuq il-ħaxix, xi wħud reqdin fis-sleeping bags jew fil-kampijiet u oħrajn baqgħu imqajmin kważi l-lejl kollu, b’xi kitarra f’idejhom jew meqrudin żibel jpaċpċu u jreddnu It’s a brand new day ta’ Toni Grimaud. B’xi ftit muturi pparkjati fil-wesgħa u xi karozzi li ġew u telqu, il-lejl kien kalm u l-urieżaq u n-nemus reġgħu ħadu r-renju tagħhom f’idejhom.

Xi wħud minna taċ-ċirku, li issa konna kkonsmati kompletament fl-organizzazzjoni tal-YMCA, ma kellniex iż-żmien ingawdu l-atmosfera li kien hemm. Bejn il-kordinazzjoni tal-baned u s-solisti, bejn is-sigurta’ tal-post u bejn il-ġbir tal-flus u l-problemi kollha li jinqalgħu waqt l-attività, il-ħin għosfrilna u kien baqa’ biss il-lejl biex induqu mill-fdal ta’ tliet ijiem memorabbli.

Il-ħolma li xi darba inkunu parti minn avveniment kbir li l-prinċipji tiegħu jixhdu l-ħajja libra u mużikali tagħna, issa konna wettaqnieha. Il-MaltaSajf kien riflessjoni tat-tbaħrit u l-ispontanjetà tagħna fuq skala nazzjonali. Il-funtana tat-Tritoni saret il-palk bil-containers, iċ-caċċir u r-ritwalijiet bl-inbid u s-smoke fiċ-ċimiterju u l-postijiet l-oħra issa saru l-wesgħa tal-ħaxix, u l-ħajja vagabonda tagħna ta’ tixwil u rqad barra konna issa, finalment, offrejnieha wkoll lil kull rocker Malti, hemmhekk f’Ta’ Qali, fil-MaltaSajf.


Tkompli.



..............................

26.7.05

Tqalliba mill-pitazzi



Fl-Imperial Caffè f'lejla xitwija.


Tħarbixa fuq in-note pad

Il-lirika tal-kanzunetta Il-Qanfud fuq il-kassett IL-ĦAJT.
Din inkitbet fiċ-ċimiterhu stess fejn irrikordjajna.

Graveyard Lilly. Lirika ta' Alex Mifsud li kien irrekordja
kassetti sħiħ bil-kanzunetti tiegħu. Bħalu kienu għamlu oħrajn
li rrekordjaw kassett individwali biex jinsilef u jinstema' min-nies
taċ-ċirku.

Kopja tal-ktieb tal-poeżija ta' Carmel Attard li jien xtrajt mingħandu
b'75ċ meta ġie għand Bertu l-ewwel darba.

Poeżija ta' Carmel li ħarbex dak il-ħin stess għand Bertu fuq il-ktieb
li jien xtrajt mingħandu.

Poeżija li kien qed jikkoreġi għand Bertu.

Disinn arkitettoniku Bulqam. Biċ-ċajt għand Bertu konna qbadna diskussjoni biex nibdew moviment ġdid tal-arti f'Malta. Waqt li bejn is-serjetà u biex nibilgħuh f'sormna, iddiskutejna l-kunċett ta' kif wieħed għandu jħares lejn l-intern maqlub għall-estern u it-ta' fuq imniżżel taħt u viċi versa. Dan bħala punto di vista li wieħed dejjem għandu jħares lejn l-oġġettiv u s-suġġettiv bil-maqlub ta' kif jidhru. Għalhekk BULQAM.


Imbaghad kien hemm il-BÙLA li kien moviment ieħor iffantasizzat minna, li kellu l-iskop li juru l-ħajja libra bħala u l-emozzjonijiet f'susspenzjoni taż-żmien. Dawn id-diskussjonijiet oriġinaw bħal mogħdija ta' żmien minn Pierre Portelli u Mario Magri l-Bauhaus waqt li kienu f'burdata ta' tpaċpiċ u żufjett.

Għajn ta' Bùla. Wiċċ Bùla (bil-qatra) u taħżiż ieħor.


Iffestiġġar għand Bertu. L-okkażjoni meta Bertu rebaħ il-Golden Teabag Award.


Davie Jones fuq il-pitazz tal-graffitti mis-Sid innifsu.

Iktar graffitti fuq il-pitazzi.
Il-Pitazzi bil-graffitti oriġinaw minn xi individwi li kienu jġorru magħhom skartafaċċ biex jipprattikaw id-disinn. Joseph Bouè Buscemi LeBrum (magħruf minn kulħadd bħala l-LeBrun) kien studja l-arti fl-iskola tal-arti u l-artiġjanat it-Tarġa Gap. Il-Lebrun kien fost dawk li kultant miegħu kien iġib l-isketch book.

Skizzi tal-figura nuda. LeBrun

Il-Mangi kien ukoll akkanit tal-pinna li aktar tard żviluppa stil inimitabbli fl-istrixxikli KOKO.

Revoloutionary Mind ta' Pawlu Azzopardi

L-istqarrijiet antikristi tal-Lebrun li bosta drabi qanqlu diskussjonijiet sħan.