F’din il-poeżija, raġel qed imut jagħmel vjaġġ lura
fil-kapitli ta’ ħajtu. Jerġa’ jżur mumenti li ttimbrawh u
episodji li tawh grinta biex ikompli l-vjaġġ ta’ ħajtu hu u
jegħja.
Jiżżerżaq mal-kantunieri tal-memorja u jixxennaq ma’ dak li
jiftakar, ma’ dak li jixtieq jiftakar, u ma’ dak li jaħseb li
qed jiftakar. Waqt li jitbandal mal-passat, jipprova jifhem
il-mogħdijiet li minnhom terraq biex wasal s’hawn.
F’dan ix-xogħol bejn il-ħajja u l-mewt, dan ir-raġel qed imut
idur fuq ħajtu biex jiftakar, jifhem u jaċċetta mnejn ġie. Waqt
li jinġibed minn toroq qodma u mill-ħlewwa tat-togħmiet u
l-viżjonijiet tal-bieraħ, hemm impuls fih li donnu jrid iqajjem
mill-mewt il-passat u, miegħu, il-preżent.
“Daqsxejn
ta’ Requiem lil Leli” tisfida lilna l-qarrejja biex, ma’ dan
ir-raġel qed imut, niftakru min konna u, jekk għad fadlilna ċans,
min nistgħu nkunu. Huwa xogħol li, għalkemm jinħass li qed jieħu
l-aħħar nifsijiet, jinsisti li dment li wieħed għadu jiftakar,
mela wieħed għadu jeżisti.
L-Għid tal-Erwieħ (magħruf ukoll bħala l-Għid tal-Imwiet jew jum il-Mejtin kollha) huwa l-festa tradizzjonali li tiġi ċċelebrata fit-2 ta' Novembru biex tiftakar u titlob għall-erwieħ tal-għeżież qraba u ħbieb u l-insara kollha li ħallewna.
F'Malta, din il-ġurnata kienet immarkata bi drawwiet uniċi, fosthom it-tqassim tal-ikel lill-foqra biex il-familji jiksbu s-suffraġju għall-erwieħ tal-mejtin tagħhom. Minbarra t-talb u l-quddies fil-knejjes, kien hemm ukoll tradizzjonijiet oħra bħal dok magħrufa bħall-Ħanżira tal-Erwieħ fejn permezz ta' din id-drawwa kienu jinġabru l-flus għall-karità. Dan il-jum hu sinonimu ukoll mal-preparazzjoni ta' ħelu speċjali bħall-għadam tal-mejtin magħmul mill-għaġina ħelwa u lewż.
L-Imlejka, skont
id-drawwiet tal-Maltin tal-qedem, kienet tiġi fl-ewwel tas-sena u jekk tidħol
għandek u xxomm riħa tfuħ ta’ fjuri u ndafa, tħalli r-risq warajha, iżda jekk
ixxomm l-intiena u ssib il-ħmieġ iġġib fuqek il-fell, li huwa risq ħażin.
Il-kelma Imlejka tfisser sultana ħelwa jew ċkejkna u skont Patri Manwel Magri,
ma kienet ħadd ħlief Għaxtart, waħda mill-allat qodma tal-Maltin.
Ltqajt ma' wieħed nafu u staqsieni jekk kontx hemm fil-Comic Con li għaddiet. Għedtlu, il-Comic Con għadha ġejja u iva, hemm ser nkun. Meta qalli hekk, kien qed jalludi għal Malta Comics Expo li saret f'Settembru li għadda.
Din inizjattivi oħra biex tikber il-kultura tal-komiks f'Malta u ta' min jappoġġaha. Kemm aħna nifilħu li jkollna żewġ avveniment kbar tal-komiks, ma nafx ngħid sinċerament, imma jista' jkun li għal xi artisti delettanti, jarawha wisq għal buthom biex iħallsu l-miżata ta' parteċipazzjoni għal żewġ festivaljiet fi spazju ta' xahar biss. Dan meta l-bejgħ tal-komiks jew it-tpenġijiet tagħhom ikun minimu ħafna u qajla jkopri għall-ispejjeż li jagħmlu. Imma wieħed m'għandux għax jaraha negattiva għax il-fatt li qed ikun hemm iktar opportunità biex in-nies tattendi u tesponi ruħha għax-xogħlijiet lokali, diġa huwa biżżejjed.
Dawn l-avveniment qed jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom b'logħob tal-kompjuter, films, lbies ta' kostumi, bejgħ u bosta attivitaiet oħra attrajenti. Diversi personalitajiet magħrufa fil-qasam tal-komiks jew tal-films ipoġġu fil-comic con biex jiffirmaw u jitkellmu mas-segwaċi tagħhom u d-dilettanti tal-komiks. Dan għalhekk jiġbed firxa ikbar ta' nies li jkollhom interess f'affarijet oħrajn mhux neċessarjament fil-komiks biss.
L-appuntament li jmiss din is-sena huwa l-Malta Comic Con 2014 nhar isSibt u l-Ħadd 29 u 30 ta' Novmebru 2014 fiċ-Ċentru għall-Kreattività, il-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt.
Bħal kull sena, wieħed jeħtieġ iżomm appuntament mal-festival nazzjonali tal-ktieb f'Dar il-Meditteran, il-Belt Valletta. Dan għax għalkemm matul is-sena jiena nixtri bosta kotba li jkunu ħarġu, jkolli nistenna dan il-festival għaliex il-biċċa l-kbira tal-pubblikaturi jerfgħu l-aħjar pubblizzjonijiet tagħhom għal dan iż-żmien. Iżda mhux biss fix-xiri li wieħed jigwadanja f'dan il-festival, iżda ukoll fid-diskussjonijiet u t-tnedijiet organizzati biex iqanqlu interess akbar fis-suġġett akkedemiku jew letterarju tal-ktieb.
Kull sena niltaqa' ma nies li naf u oħrajn li nsir nafhom għall-ewwel darba. U waqt li nkun qed inqalleb dejjem insib dak il-ktieb li qatt ma smajt bih jew li kont ili għalih biex nakkwistah. Nimmeravilja bl-inizjattivi u r-riskji li jittieħdu mill-pubblikaturi biex joħorġu l-kotba. Tassew nammirhom u sa fejn jista' jtini l-but, napprezzahom ukoll billi nixtrihom, dejjem jekk ikollu użu għal dak il-ktieb partikulari. Imma ktieb dejjem issib użu għalih hux veru, għax jekk ma taqrahx, tagħtih rigal.
Missieri, Alla jtih il-ġenna, għallimni napprezza l-kotba. Rabbieni b'ċerta reverenza lejhom tant li bħal ma l-misilmin jagħmlu għal Koran, drajt naħsel idejja qabel immiss ktieb. Ma nikolx waqt li nkun naqra, li ma mmurx inċappsu jew intebbgħu b'xi ħaġa. Ma niftħax ktieb qoxra ma' qoxra biex ma niksirlux il-legatura u lanqas ma niksirlu l-ponot tal-paġni jew inħożż fuqu. Fi kliem ieħor nipprova inżommu talikwali, qisu għadu ħiereġ mill-istamperija. Kelli għalliem li kien jinkoraġġina biex inħożżu n-noti personali tagħna u nimmarkaw fuq il-kotba iżda dejjem ħassejtni nagħmel sagrileġġ meta missejt ktieb imqar bil-lapes. Iż-żewġ għedewwa l-kbar u qerrieda tal-ktieb huma ż-żmien u l-kamla. Lil tal-ewwel ma tegħelbux u lil tat-tieni tidħol fi gwerra dejjiema miegħu. Biss illum inħoss li l-agħar li jista' jiġrilu l-ktieb hu li jintesa jew iktar gravi minn hekk, li ma jinqarax.
Illum l-għid tal-erwieħ.
F'dan il-jum niftakru f'l-għeżież tagħna li darba kienu magħna. Inġeddu t-tifkira tagħhom u f'isimhom nagħmlu l-ġid. Jum il-mejtin kollha jiġi biex niftakru u nirriflettu fuq il-mejtin predeċessuri tagħna. Huma ġew qabilna u ħallewlna dak li issa aħna qed inkomplu, biex meta nitilqu aħna, ukoll inħalluh f'idejn ta' warajna. Hekk timxi din il-mogħdija kbira tal-ħajja li fl-istess ħin żżomm id f'id mal-mewt. Aħna ħolqa ċkejkna ċkejkna f'katina twila twila li hu ż-żmien, l-ispazju u l-univers. Ferħana li nagħmlu parti minnu. Dan hu l-mument tagħna. Naħfnuh sewwa bla ma nħalluh jaħarbilna, ingawduh, napprezzawh u nużawh tajjeb għal ġid tal-umanità.
L-attività tal-ghid tal-imwiet organizzata mill-Karmelitani tal-Imdina. Prosit. Dan il-jum jistħoqqlu li jingħata iktar importanza fid-djarju kulturali u reliġjuż.
Fil-31 ta' Ottubru 2014 fit-8.00 ta' filgħaxija, Heritage Malta se terġa' torganizza l-Għid tal-Erwieħ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Dawk li se jipparteċipaw se jkunu murija l-espożizzjoni li hemm dwar l-Inkwiżizzjoni Rumana f'Malta b'aċċenn partikulari fuq każijiet ta' seħer u dehriet ta' spirti.
Wara d-dawra mal-espożizzjoni, ssir l-ikla tal-Erwieħ li tikkonsisti fil-platti tradizzjonali tal-minestra u l-majjal il-forn, kif ukoll l-għadam tal-ħelu bħala deżerta.
Il-parteċipanti jistgħu ukoll iqattgħu l-lejl f'xi ċella tal-ħabs tal-Inkwiżitur jew f'xi post ieħor suġġettiv fil-Palazz. Nirrikmanda li min iħobb dawn it-tipi ta' esperjenzi, ma jitlifx din l-opportunità unika.
Jien kbirt
fl-umoriżmu ta’ Charles Clews u l-bella kumpanija tiegħu fis-snin sebgħin u
s-snin tmenin. Niftakarni mwaħħal mar-Redifusion
u wara xi żmien, mar-radju, nisma’ ċ-ċajtiet u l-episodji ta’ Fredu Frendo Sghendo. Ma kontx irrid
nitlef episodju wieħed anki meta kelli dawk is-sittax-il sena jew aktar.
Iż-żmien tad-deheb ta’ Charles Clews madanakollu kien wara l-gwerra
fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet bl-iStage
Commandos u r-Radju Muskettieri
jduru t-teatri tal-bliet u r-rħula. Jien kont għadni ma twelidx jew kont żgħir
wisq biex niftakar dik il-mewġa ta’ talent umoristiku li kien qajjem Clews f’pajjiżna.
Ċerti atturi komiċi bħal Nosi Ghirlando u Armando Urso lanqas biss għandi
konoxxenza tagħhom u jekk xi ħadd jurini ritratt żgur li ma nagħrafhomx. Atturi
oħrajn bħal Johnny Catania u Johnny
Navarro niktakarhom sewwa għax baqgħu għaddejjin sa żmieni, għalkemm tal-ewwel
kien emigra u għamel xi żmien nieqes minn Malta imma kien kultant kien jiġi
mill-Awstralja u jagħmel xi sketch
fuq it-televiżjoni. Missieri f’zgħożitu
kien jixtri xi kotba u librett umoristiċi u anki gazzetti li kien ikun fihom
iċ-ċajt u l-makkjetti. Dan kien lejn nofs is-snin sittin meta jien kont għadni
daqsxejn ta’ qrempuċu. Niftakar li fis-snin sebgħin, kull nhar ta’ Ħadd,
il-familja tagħna bir-razza u r-radika konna noħorġu flimkien fil-kampanja jew
fejn il-baħar skont l-istaġun, u mhux darba jew tnejn missieri kien jiġbor lil
kulħadd madwaru u jibda jkanta minn dawn il-makkjetti xi uħud minnhom miktuba
minn Clews stess bħal Rożamari, It-Tewmi, Ħaduli Rasi u oħrajn. Jien u ħija ta’
tfal li konna ma domniex ma bdejna nitgħallmuhom aħna ukoll dawn il-makkjetti
flimkien ma’ oħrajn li konna nsibu fil-libretti umoristiċi ta’ missieri. U mbagħad
erħielna nirrextawhom quddiem il-kuġini u z-zijiet f’xi okkażjoni tal-Milied
Silta mill-episodji radjofoniċi ta' Fredu Frendo Sghendo - kitba ta' Charles Clews bit-talent komiku ta' Johnny Navarro. Sa fejn naf jien
ftit li xejn minn dawn il-makkjetti baqgħu jinstemgħu u naħseb li kieku ma
kienx għal Clews innifsu li ħareġ diska kumpatta lejn l-aħħar tas-snin disgħin,
b’xi makkjetti li hu reġa’ interpretaha, li kieku illum ma kien ikollna xejn f’idejna
mill-għexieren ta’ makkjetti li ħarġu fl-imgħoddi.
Clews kien ħareġ
xi diski umoristiċi li kont nisma’ fuq ir-Redifusion
meta jien kont għadni tifel u kont nogħxa nismagħhom. Daħħluli f’moħħi u għadni
niftakar biċċiet minnhom sal-lum. Kien hemm Sparaw għal Qamar u Xemx jew Qamar (din tal-aħħar miniex ċert jekk kinitx ta' Clews.).
Tal-ewwel (fil-verżjoni oriġinali) Clews kien inkludiha fuq is-CD tiegħu li semmejt
aktar ‘l fuq u tat-tieni ma nstemgħetx aktar.
Jekk tqalleb
l-internet kollu, qajla ssib waħda minn dawn il-makkjetti jew xi awdjo mill-isketches antiki tal-iStage Comondos jew tar-Radju Muskettieri. L-istess jgħodd għal
ritratti u tagħrif dwar dawn it-truppi
divertenti. Hija ħasra kbira li m’għandniex rikordju aċċessibbli ta’ din
il-ġenerazzjoni komika li ferrħet u paxxiet eluf ta’ Maltin għal għexur ta’
snin. It-tifkira ta’ dawn il-komiċi ser tmut mal-memorja tal-istess
ġenerazzjoni li għexet dak iż-żmien ta’ wara l-gwerra.
Il-biografija ta' Charles Clews 2012
Madankollu, fuq
nota pożittiva, ma nistax ma nsemmix il-ktieb li ħareġ dan l-aħħar, dwar il-ħajja ta’ Charles Clews miktub minn
Anne Marie Bonnici, pubblikazzjoni ta’ Klabb
Kotba Maltin. Huwa ktieb li jiġbor fih għad ta’ tifkiriet u ritratti
mill-karriera twila ta’ Clews bħala umorista kbir u ewlieni fil-gżejjer Maltin.
Huwa xogħol tajjeb ħafna u għandu jservi għal iktar riċerka fil-futur dwar
it-talent u l-kontribut kbir li ta Clews flimkien ma’ sħabu li isimihom ukoll nittama
li jibqa’ miftakar mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan hu xi kliem tad-diska umoristika Xemx jew
Qamar (din kienet tindaqq fuq ir-Redifusion fis-snin 70. Ilni żmien twil ma nismagħha) : Nota ċkejkna: Grazzi lis-sur Joseph M. Scicluna talli fakkarli l-kliem tal-ewwel strofa u l-aħħar vers tal-ewwel strofa. Napprezza jekk ikun hawn xi ħadd li jgħidli min kiteb il-kliem, il-mużika u min kantaha.
Xemx Jew Qamar
Kienet lejla kollha dalma Tabilħaqq lejla xitwija Meta ħarġu Peppi u Luqa
Hemm għata kbira sħab
fil-Belt fejn ngħammar
fid-dlam tal-lejl li jtektek l-aħħar tokki
u s-sena l-oħra tnin u tmut
u tiġi l-ġdida
imma x'hemm differenti?
għax l-għata sħab tinkixef
biex tixref int fi ħsiebi
u d-dlam tal-lejl jiddawwal
bir-raġġ ta' dawl li jiddi
minn għajnejk imbissmin
u l-aħħar tokki
u s-sena l-ġdida qisu xejn
ma ġara
għax jieqaf il-ħin
jgħosfor iż-żmien
fl-eternità ta' sliem u hena
fid-dinja fejn hemm int
ja mara
li nafek biss mid-dehra
bħal bint l-allat
int timxi fl-art
u nafek biss mill-bogħod
li jkessaħ din il-Belt li fiha ngħammar
iżda bi fjamma tixgħel f'qalbi
li darba int kebbist
u ma tintefa qatt
L-aħħar tas-sena. Ix-xiħa fil-għafja tal-mewt, tħarħar l-aħħar nifsjiet, il-jiem, is-sigħat, il-minuti... is-sekondi. Imma x-xjuħija tagħha hija biss qoxra li taqa'... libsa li tinża' biex tikxef xbejba tarja... l-Imlejka, is-sultana ħelwa tal-istaġuni... is-sena l-ġdida. Nifisha issa frisk, għajnejha ċari u jibbru bil-ħeġġa tal-ħajja. Passiha ħfief iħufu fuq wiċċ l-arloġġ mal-minutieri fl-ewwel mixja tagħhom lejn żmien ġdid fjamant. Jannar jiftħilha l-bieb u hi tgħaddi għal ġewwa. Id-dar tridha nadifa u tfuħ, imżejna bil-ward, imdawla u arjuża. Hekk tridha u meta ssib in-nadif u l-ward ifewwaħ, hija tħossha f'postha u milqugħa. U meta tħossha hekk iġġib ir-risq fid-dar u s-sena tkun mimlija ġid u barka.
L-GĦID TAL-ERWIEĦ hija festa tradizzjonali tal-Maltin fix-xahar ta’ Novembru iddedikata għall-mejtin kollha. Insibu qabelxejn, iċ-ċelebrazzjoni liturġiċi fil-knisja permezz tal-quddies kif ukoll il-qari tal-missal tal-mejtin waqt it-tberik tal-oqbra.
Iżda hemm drawwiet oħra marbuta ma' din il-festa tal-Għid tal-Erwieħ (magħrufa ukoll l-Għid tal-Imwiet) fejn inżuru l-oqbra tal-għeżież tagħna fiċ-ċimiterji l-iktar bejn it-2 u t-8 ta' Novembru. Madankollu x-xahar kollu huwa dedikat għat-tifkira tal-mejtin kollha. Għalhekk matul ix-xahar kollu jingħad it-talb u r-rużarju tal-erwieħ b'suffraġju tal-erwieħ fil-purgatorju.
Fit-2 ta' Novembru għandna d-drawwa li narmaw it-tubru fil-knisja. Dan huwa bħal tebut vojt mgħotti bid-drapp iswed u ddisinjat bl-isfar fit-truf. Qabel dan it-tiżjin kien isir fil-knejjes kollha, madankollu matul is-snin dan naqas ħafna, madankollu kien hemm min kompla b'din it-tradizzjoni simbolika li tgħin viżwalment lin-nies biex waqt it-talb fil-knisja jiftakru fil-mejtin.
Il-karità mal-foqra kienet ħaġa importanti li ssir għaliex permezz ta' dan l-att in-nies jemmnu li jkun qed jissuffrugaw lill-erwieħ tal-purgatorju. Din il-fatt kien jgħinhom ikun solidali mal-komunità sħiħa fil-parroċċa kif ukoll fil-pajjiż.
Tradizzjoni qadima hija dik tal-kaldarun jew il-borma tal-erwieħ fejn kienet tissajjar il-miniestra fit-toroq sabiex titma l-foqra. Din ġeneralment kien jieħu ħsiebha l-kappillan jew aktar tard xi lajċi. Hu magħruf din id-drawwa inbdiet mill-patrijiet Kapuċċini li kienet fir-regola tagħhom biex jagħmlu dan il-ġest ta' karità.
Drawwa antiki ta' din il-festa hija l-Ħanżira tal-Erwieħ, meta fl-imgħoddi fl-irħula l-kappillan kien jitlaq ħanżira tiġġerra fit-toroq sabiex tintema’ min-nies imbagħad kien ibigħha biex jiġbor il-flus għall-quddies tal-erwieħ jew issir ikla għall-foqra.
Illum dawn id-drawwiet ħadu forma oħra iktar moderna, dik li ssir l-ikla tal-Għid tal-Erwieħ (magħrufa ukoll bħala l-ikla tal-ħanżira) fejn mill-ikla jinġbru xi flus għall-istess skop, għall-foqra u għas-suffraġu tal-erwieħ.
Għal din il-festa tal-mejtin kollha insibu xi ikel marbut magħha, l-iktar popolari huma l-Għadam tal-Ħelu (magħrfu ukoll bħala l-Għadam tal-Mejtin) li hu bħal figolla fil-forma ta' għadma.
Għal aktar tagħrif wieħed għandu jżur s-sit elettroniku L-GĦID TAL-ERWIEĦ.