20.9.11

Souvenir Malta Independence 1964



















Filmat ta' Malta Indipendenti : ara hawn.



31.10.10

L-Għid tal-Erwieħ 2010



Għid l-Erwieħ sar wieħed mill-avvenimenti favoriti tiegħi ta’ matul is-sena. Hemm ħafna festi li nħobb niċċelebra imma dan il-għid hu wieħed minn dawk li nipprepara għalih sewwa. L-għid tal-erwieħ niċċelebrawh fit-tieni ta’ Novembru kull sena. L-għid tal-erwieħ ngħidulu ukoll l-għid tal-imwiet jew il-festa tal-mejtin kollha. F’dan il-jum ħafna jmorru ċ-ċimiterju, jixtru l-fjuri u x-xemgħat biex iqegħduhom fuq il-qabar tal-għeżież tagħhom. Hija festa li niftakru f’dawn l-erwieħ qraba u ħbieb tagħna li ħallewna. Dan isir b’rispett kbir u b’ċerta devozzjoni mħallta b’xi ftit niket u xi demgħa żgħira.

Aħna u għaddejjin mgħaġġlin fil-ħajja tagħna, ma tantx nieqfu naħsbu fuq il-mewt. Meta tkun tfal lnqas biss nafu xi tfisser il-kelma. Jien meta kelli tmintax-il sena għaddejt minn ġrajja li ġiegħlitna naħseb ħafna fuq il-mewt.

Konna grupp ta’ ħbieb u morna għal kunċert biex nieħdu pjaċir. Waqt minnhom sakemm konna qed nistennew il-grupp preferut tagħna biex jibda’ jdoqq, ħriġna barra u morna sa fejn il-baħar. Aħna u sejrin lura għaddejna minn post li ma konniex nafuh sewwa. Jien kont miexi fuq quddiem nett bi sħabi warajja. F’għajnejna kien hemm bozza kbira li kienet qed tarmi dawl qawwi ħafna tant li ma stajnhiex naraw sewwa fejn konn qed nitfgħu il-passi tagħna, imma ta’ moħħ ir-riħ li konna bqajna nitkellmu u niċċajtaw bejnietna. Ħin mnnhom sejjali xi ħadd minn sħabi biex ikellimni u jien waqaft u dort biex nara x’ried. Pawlu li kien warajja baqa’ miexi u qabiżni. Ftit wara smajna taħbita u xi ħadd induna li Pawlu kien waqa’ għal isfel daqs sular u nofs fond. Kienet traġedja. Meta irnexxielna ninżlu ħdejn kien għadu ħaj. Missejtlu idu u sabbartu kemm stajt sakemm tiġi l-ambulanza. Tliet ijiem wara, Pawlu ħalliena.

Jien u s-sħaba ħassejna ruħna maħsuda u mdejqa b’din il-ġrajja sewda li għaddiet mingħalina. Inġbarna f’ċimiterju abbandunat u xegħlna x-xemgħat f’dawra tond u qagħdna bil-qiegħda madwarhom. Min jikkontempla u min jibki. Jien irrelazzajt li l-mewt kienet quddiemi dak il-ħin li dort biex nisma’ lil sieħbi li għajjatli u setgħet ħadet lili minflok lil Pawlu. Ħsibt fuq dan u fuq dak li ġara lil Pawlu. Filli ħaj, jiċċajta magħna filli mejjet, midfun taħt it-trab. Imma ħassejt l-ispirtu tiegħu qiegħed magħna dak il-ħin fiċ-ċimterju. U t-tifkira tiegħu għadha miegħi sal-lum.


Illum inħobb niċċelebra it-tifkira ta’ missieri, ta’ Pawlu u ta’ ħafna u ħafna oħrajn li kont ħbieb magħhom u oħrajn li ammirajthom mill-bogħod.

L-Għid tal-Erwieħ se ssir fil-5 ta' Novembru 2010. Kull min hu interessat biex jattendi għal din l-ikla għandu jiktbilna fl-indirizz-e : erwieh@yahoo.com

Segwu l-facebook L-Għid Tal-Erwieħ Żuru s-sit elettroniku https://erwieh.infinityfree.io/?i=1 għal aktar tagħrif. 


1.1.10

Is-sena t-tajba


Jingħad li l-Maltin kienu jemmnu ħafna fl-Imlejka, is-Sultana tax-xhur kollha. Fl-ewwel tas-sena kellhom it-tradizzjoni li jfewħu d-dar bil-fjuri biex meta tgħaddi hi, ixxomm il-fwieħa u tħalli r-risq f'dik id-dar. L-Imlejka tfisser is-Sultana s-Sabiħa u dan kien titlu għal Għaxtart, dik l-alla mara tal-Feniċi. F'tas-Silġ kienu bnewlha maqdes kbir. Mal-miġja tal-kolonizzaturi l-ġodda Għarab u Ewropej, isimha ntnesha imma xi ħrejjef baqgħu jsemmu lil din is-sultana sbejħa. Hemm studjużi li jsostnu li l-kult ta' din is-sultana għadu fostna sa llum f'xi forma jew oħra. Jekk l-Imlejka għadha tiġi xxomm il-fjuri fl-ewwel tas-sena biex iġġibilna r-risq, allura merħba biha!


Is-sena t-tajba.

8.11.09

L-Għid tal-Erwieħ 2009



Din is-sena Heritage Malta organizzat L-Għid tal-Erwieħ fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Idea brillanti u esperjenza unika għal dawk li riedu jiċċelebraw dan il-jum speċjali f'post tant qadim li jixhed storja imqallba ta' nies li sabu ruħhom spiritwalment f'qagħda mwiegħra u fiżikament mhedda.

L-ikla tradizzjonali tal-Għid tal-Erwieħ bil-majjal il-forn, saret f'żewgt ikmamar attrezzati bl-imwejjed biex jilqgħu ħamsin ruħ (ħajjin) f'atmosfera misterjuża li darba kienu mgħammra b'kemm-il ruħ (illum lkoll mejtin) mill-kavallieri 'l hawn.

Aktar tagħrif dwar l-Għid tal-Erwieħ ara agħfas din il-link: L-Għid tal-Erwieħ

Esperjenza unika kienet għal dawk li raqdu fil-ħabs tal-palazz, fiċ-ċelel li mal-ħitan tagħhom għad hemm il-grif u t-tinqix ta' ħsiebhom, ta' dinhom u tat-twegħir tagħhom f'dak il-mument iddisprat.

Il-ħajja hija passaġġ. Għandha l-bidu u t-tmiem tagħha imma hija wkoll kontinwa. Dawk li ġew qabilna, firxu d-destin tagħna u aħna illum nifirxu dak għal ta' warajna. Il-ħajja hija wkoll kontinwazzjoni.

Min kien hemm għall-ikla anki jekk ma ntebahx, kien qed jiċċelebra dan iċ-ċiklu tal-ħajja. Bil-ferħ u ċ-ċajt, bl-ikel u x-xorb u bl-espressjoni tagħna l-ħajjin, ġeddidna it-tifkira tal-mejtin li darba kienu qabilna fuq din l-art. U dawn mill-art il-ġdida tagħhom jifirxu s-sarvetta biex mill-ġid tagħna nroddu l-barka t'Alla fuqhom. Il-ferħ tagħna ngħixuh b'tifkira tagħhom....

għall-erwieħ!





15.10.08

L-Għid tal-Erwieħ reġa' magħna.


"L-Erwieħ jifirxu s-sarvetta". Il-jum propju tal-IKLA TRADIZZJONALI huwa it-2 ta' Novembru imma peress li din is-sena jaħbat il-Ħadd, mhux kulħadd ikun jista' jdum. Għalhekk l-għid se nagħmluh lejlietha, jiġifieri is-sibt l-ewwel ta' Novembru. L-ikla għandha żewġ platti, il-minestra u l-ħanżir mixwi bil-patata l-forn u l-ħaxix. Xorb : il-meraq tal-ħajja (larinġ tad-demm, inbid u aniżetta) mdewwaq fil-bidu bħala aperittiv u l-inbid u l-ilma servut waqt l-ikel. Fl-aħħar il-kafè u l-ħelu (għadma).


Il-festa t-tajba u agħtu xi ħaġa għall-erwieħ!

Aktar tagħrif dwar l-Għid tal-Erwieħ fuq din il-link: L-Għid tal-Erwieħ


20.2.08

Trijonfali p17

Strixxiklu elettroniku żuffjettuż p17

Biex tkabbru kklikkja fuqu.

7.2.08

Ġrajjiet mid-dinja ta' l-iskumnikati 3



Minn dejjem kelli ċertu faxxinu għall-karnival. Ir-renju tal-bluha li jwarrab is-serjetà oppressiva biex jgħix mumenti qosra ta’ ħelsien u glorja. Il-glorja tagħna n-nies komuni li qatt ma naslu mkien fil-ħajja. Ir-realtà taħqarna wisq u għalhekk induru għall-bluha għax fiha nsibu r-refuġju. Biha u fiha nistħajluna xi ħaġa oħra, xi ħadd ieħor. Is-setgħa li qatt ma nduqu fil-ħajja ta’ kuljum, niksbuha għal ftit jiem biex nissodisfaw ix-xenqiet tagħna.

Fuq tal-linja qgħadt immaħħaħ fuq dan jien u sejjer lura d-dar. Ħin minnhom tela’ l-inspector biex jiċċekkja l-biljetti. Bil-qiegħda fuq is-sît ta’ quddiemi li kien iħares ‘il ġewwa, kien hemm maskerat liebes kostum stramb ta’ xi gwerrier. Kien kostum fin qisu mibni minn bċejjeċ tal-bebbux tal-baħar u magħqudin ħaġa waħda biex jiffurmaw korazza mlewwna bi lwien ileqqu u jkanġu skond kif jaħbat fuqhom id-dawl. Il-maskerat kien liebes elmu f’għamla ta’ bebbux kbir. Il-kostum kien magħmul b’sengħa li ma bħalha u għalkemm stramb, kien jagħti dinjità kbira lil min jilbsu. Wiċċ il-maskerat kien serju b’leħja mqasqsa pulit u għajnejh fissi bħal ma jkunu ta’ xi suldat.

Minkejja l-preżenza meżmeranti ta’ dan il-karattru, għal xi raġuni, l-inspector ma tax kas ta' dan il-maskerat. Lanqas biss ikkalkulah u kompla jdur il-passiġġieri l-oħra waqt li jitlobhom il-biljett, jiflih u jqattagħlu biċċa mit-tarf bħala marka li rah u li l-biljett validu. X’ħin wasal għal fuqi intendejt li kont għandi lanqas lestejtlu l-biljett u teftift malajr fil-bwiet tal-qmis biex nara fejn kont qgħedtu. Bit-tferfix tiegħi bdejt noħroġ kull ma kelli fil-bwiet waqt li l-inspector waqaf quddiemi jistenna għal ftit imbagħad tilef sabru u kompla jiċċekkja l-biljetti tal-passiġġieri li kien imiss. Kont naf li x’ħin ilesti jerġa’ jiġi fuqi għall-biljett, għalhekk bħal wieħed miksur u mifxul komplejt infittex. F’but minnhom ħassejt karta mitnija li kont naf li ma kinitx il-biljett. Fid-daqqa u l-ħin instemgħet tifqigħa li ttarrax u l-passiġġieri u jien magħhom sibna ruħna ntiru u nitħabbtu mas-saqaf tal-karrozza. Id-dinja donnha kienet waslet fi tmiemha. Għajat, twerżiq u xegħir. Ħadd ma kien jaf x’inhu jiġri. Id-dawl kien naqas sewwa bħal meta tidħol f’mina għalhekk il-komozzjoni kienet akbar f’dik id-dalma. Il-karrozza tal-linja nħasset li qed tinbaram u titgerbeb u min ma sabx ma x’hiex iżomm, beda jitwaddab min-naħa għall-oħra fost it-tweżiq waħxi ta’ nies midruba u beżgħana.

Ħassejt lil xi ħadd jiġbidni minn driegħi u l-pandemonju li sibt ruħi fih bħal inħriġt minnu f’daqqa u ntasabt f’qiegħa mimlija trab li kien qed itir u jagħmel kullimkien daħna. X’kien ġara? Inbżaqt minn xi tieqa forsi? L-għajat u t-twerżiq kont għadni qed nisimgħu jien u nqum mill-art bit-trab jiksili għajnejja u dieħel ġo ħalqi, imma l-ħoss tan-nies beda jbatti u jitfi għax-xejn. “X’ġara?” bdejt nistaqsi lili nnifsi għax ebda proxxmu ma stajt nara jew nisma’ fil-viċinanza tiegħi. Imbagħad rajt ombra fid-daħna wieqfa quddiemi hekk kif sfurzajt biex nieqaf fuq saqajja. Kellmitni. Kien leħen sod ta’ raġel u qalli biex nimxi warajh. Imherwel kif kont imxejt wara l-ombra fis-sefqa tat-trab. Ma stajtx insib loġika għal dak li ġara f’temp hekk qasir u lanqas ħsieb ma kelli u aġixxejt biss bl-istint ħalli nibża’ għal ġildi u nsib kenn minn dik il-ġrajja terribbli li sibt ma’ wiċċi. Mument wara, s-sens umanitarju reġa’ ġieni u dort biex nara x’sar minn tal-linja, min-nies li kien hemm ġo fiha, x’sar mit-triq, mill-bini , mid-dinja normali li sa ftit ilu kont nagħmel parti minnha jien. Iżda xejn. Ma stajt nara u nisma’. Xejn. Trab biss. Dħaħen ta’ trab kull fejn tħares.

“X’inhu jiġri?” staqsejt lil dik l-ombra stramba miexja quddiemi, “Fejn qegħdin? X’sar minnhom in-nies li kont magħhom fuq tal-linja? Fejn ġejt?... hawn fejn qegħdin?” L-ombra ma tkellmitx u baqgħet miexja. Issa li r-riflessi tiegħi kien bdew ġejjin għan-normal u ksibt lura l-istat mentali tiegħi, ħassejtni iktar imħawwad. ‘Il fejn se naqbad nagħti rasi? Quddiemi ombra li talbitni nimxi magħha f’dagħbien misterjuż ta’ trab u warajja d-dinja li kont naf, miblugħa f’dagħbien ieħor?

31.1.08

Trijonfali p16

L-istrixxiklu elettroniku żuffjettuż jissokta. P16

X'ġara s'issa:

Il-Venerabbli Gonzo kien inkazzat minħabba li l-popolarita' tiegħu kienet nieżla ġmielha. Għalhekk ried jikkarga l-faħma ta' moħħu biex jiġuh iktar ideat u viżjonijiet għall-pajjiż. Joe Babun iċ-Ċaċċarun u s-segretarju leali tiegħu, ipprova jgħinu billi jtellgħu fuq il-bejt tal-kwartieri ċentrali msejħin it-TermosLampaSpiritiera, biex jagħti kargatura lill-faħma permezz tax-xemx t' Alla. Sakemm kien qed ixemmex moħħu, qagħad jissendika lill-għafrit tal-bini aħmar infernali u rah ikewwes taħlita ta' bżieq l-għoġġieba u semm is-sriep u biha jinbidel zoptu f'Super Sant. Gonzo allarma ruħu u twerwer għax il-lejber għalih kien agħar mill-virus qerriedi tal-imxija tat-tjur.

Fix-xena mbagħad jidħol Ġanni Ħanex, bniedem insinifikanti li tilef ħobżu mill-fabbrika tal-qliezet ta' taħt tan-nisa fejn kien ilu jaħdem xi 15-il sena. Dan ġara għaliex il-ministru tal-Eċċellenza u t-Testikoloġija, OSTINAT kien beda jinforza r-ristrutturar mitlub mid-dinja moderna u globalizzata. Ġanni Ħanex ma nstabx tajjeb biex jinnavika fit-tongi, il-prodott ġdid state of the art tal-fabbrika BSORMA. Għaddewh mill-għarbiel tal-ETC u weħel u sab ruħu jinkines 'l hawn u 'l hinn mingħajr għaxja ta' lejla.

Sadanittant daħlet Priċċilla Vella Perċiċċi bħala konsulenta mal-Venerabbli u swietlu bagatella ewri tant li reġa' rrikorra għall-faħma ta' moħħu biex isolvi l-problema finanzjarja. Fost l-iktar ideat skabrużi mimlijin budebbus, ġietu waħda brillanti li jqaħħab lis-serva Melita.

Lura għal Ġanni Ħanex, narawh iqalleb il-gazzetta biex isib ix-xogħol waqt li Preċilla Vella Perċiċċi tixxaħxaħ fil-pożizzjoni l-ġdida tagħha mal-venerabbli Gonzo u tixxennaq għal paga ikbar.

Segwi skond in-nri. fil-bloggati. Ikklikkjaha biex tkabbarha.

22.1.08

Blogg rieqed la tqajmux.

Ili ma nibbloggja daqsxejn.

Mela ħa nibda.

Bħal poeta, l-bloggej jitkellem waħdu, imma wkoll mad-dinja. Ifittex l-attenzjoni u jittama li l-kelma tiegħu tinftiehem. Jesprimi ruħu bil-kliem jew bl-istampi kif ukoll bil-mużika u permezz ta’ dan huwa jiddikjara l-individwalità sovrana tiegħu. Bil-bloggati tiegħu, jtella’ l-bandiera ta’ l-istat indipendenti ta’ ġo fih u jżomm fil-għoli l-kostituzzjoni ta’ qalbu. Jesponi l-kultura ta’ ħsiebu li fih jintsab univers ieħor.




Ġrajjiet mid-dinja ta' l-iskumnikati 2

Ġietni l-lublieba għal qassata. Ġejt bejn ħaltejn mnejn se nixtriha. Pastizzeriji fir-raħal issib kemm trid. Imma kont naf x’kelli aptit. Qassata ta’ l-inċova. Il-qassatat ta’ l-inċova wieħed biss jagħmilhom. Fittixt fil-but biex nara kemm kelli ewroċenteżmi u rajt li b’sebgħin indabbar waħda. Inżilt lejn il-wesgħa ta’ quddiem il-bank u f’kantuniera minnhom, ħanut daqs toqba, kien hemm il-qassata li tħajjart għaliha.

Kien filgħodu. Xi l-għaxra u nofs. In-nies tħawtel ‘l hawn u ‘l hinn, tixtri u tonfoq, dieħla u ħierġa mill-ħwienet, mill-banek u s-supermarket. Ħaddiema jgħabbu u jħottu minn fuq it-trakkijiet. Sriebet ta’ karozzi għaddejjin bħal parata tankijiet tal-gwerra li għadhom kif rebħu xi territorju. Waqaft mument inħares. Bil-qassata sħuna f’idi, imqartsa f’borża tal-karti, wieqaf quddiem is-supermarket, rajt l-Imlejka. Għaraftha mill-aħħar darba li rajtha tilgħab il-boċċi mad-Durbies. Qasmet it-triq u mxiet l-isfel, waħidha. Tħarrikt mnejn kont u ġbidt għal urajha. Ilwiet lejn ix-xellug u tellgħet it-telgħa għall-misraħ ta’ wara l-knisja. Ħaffift il-pass imma sakemm wasalt il-misraħ, kienet għosfrot. Ma rajthiex. Fejn setgħet daħlet?...staqsejt lili nnifsi.

Iddeċidejt li nintefa’ niekol il-qassata qabel ma tiksaħli u poġġejt fuq bank ta’l-injam u l-ħadid fondut. Il-misraħ kien baħħ. Il-bankijiet vojta. Id-djar ta’ mad-dawra kienu siekta u donnhom vojta wkoll. Ebda attività. Ir-riħa ta’ l-inċova issa bdiet taqsamli qalbi. Ħriġtha mill-borża u gdimtha ħafif u magħadtha bħal qisni ma ridthiex li tispiċċali din l-imbierka qassata. Il-kwiet li kien hemm fil-misraħ, serraħni imma t-tul tiegħu beda jħassibni. Kif ma jgħaddi ħadd minn hawn? Kif ma jixref ħadd minn tieqa jew joħroġ minn xi bieb? Iż-żmien kien qisu waqaf. Anki s-sema kien donnu waqaf. Lanqas sħaba waħda ma tħarket.

Ħassejt bħal preżenza. Bħal xi ħadd iħares lejja. Ħassejni mgħasses minn xi par għanjejn ta’ seqer jiflu kull ċaqliqa li nagħmel. Dawwart rasi ‘l hawn u ‘l hinn, infittex u ngħarrex għal xi ruħ f’xi tieqa jew f’xi parapett. Ħadd. Ma kien hemm ħadd. Imbagħad għajnejja waqgħu fuq l-istatwa li kien hemm f’nofs il-misraħ. Statwa ta’ figura pulita, ta’ mara żagħżugħa, sidirha wieqaf u rasha merfugħa. Iżda l-ħarsa tagħha kienet ‘l isfel, lejn il-misraħ, lejn l-art....lejja. Iffissajt ħarsti lejn il-figura tal-bronż. Deherli li sidirha kien tiela’ u nieżel bin-nifs. Deherli li petptet għajnejha, deherli li rajt lil xuxitha titħarrek mar-riħ. Stħajjiltha se titkellem u żiffa riħ ġiet tħaxwex mas-siġar u x-xtieli u dawwart wiċċi u nħsadt. Fuqi resqet tfajla, wiċċha smajjar, xagħarha twil mġiegħed u iswed tuta. Newwlitli karta, fuljett jew x’kien u telqet ‘l hemm tkompli tqassam. Intbaħt li issa kien hemm in-nies fil-misraħ. Min ġej u min sejjer. Minn dieħel id-dar u minn ħiereġ. Nisa bil-pushchair, rġiel bil-kelb u xarabank nies, lkoll imdaħħlin fiż-żmien, niżlin minn xi coffee morning u mexjin itaqtqu u jgorru bħall-ħamiem.

Tajt daqqa t’għajn lill-karta li kelli f’idi u rajt programm tal-festa. U qrajt li llejla fil-misraħ ta’ wara l-knisja se jkun hawn il-banda, l-ġigġifogu, l-imwejjed tal-qubbajd, id-daqqaqa, iż-żeffiena u l-għannejja u diskors mis-sindku. Avviċinajt xwejħa li kienet bil-qiegħda fuq bank u staqsejtha x’inhi din il-festa. Il-festa mhux fis-sajf issir is-soltu?...staqsejtha. “Iva” qaltli, “imma din xi ħaġa tal-karnival.” Iżżejtha ħajr u dort biex immur għal riħi. Mill-knisja nstemgħu it-tokki ta’ nofsinhar. Alleċ! Indunajt li l-qassata bil-kemm kilt nofsha u issa kienet kiesħa silġ.

24.12.07


5.4.07


30.3.07

Ġrajjiet mid-dinja ta' l-iskumnikati.


L-IMLEJKA

Dal-post infern. Karrozzi għaddejjin. Dħaħen . Inġenji mostrużi jostakolaw il-passaġġ kważi f’kull triq, ikissru djar sħaħ u jibqgħu ifanndu fl-art sa ma jħallu kratier. Tregħid tal-jack hammers. Storbju ta’ makni. Il-ħamba tan-nies.

Tbigħedt kemm stajt mit-toroq prinċipali. Il-Fgura saret infern. Twebbilt biex nieqaf nbill grizmejja u dħalt f’ħanut. It-televiżur mixgħul idoqq id-diski tal-MTV. Il-ħanut battal għajr għat-tfajla wara l-bank. “Agħmilli tè ‘kk jogħġbok” għedilha. Għamlituli, ħallastha u mort bih bil-qiegħda ma’ waħda mill-imwejjed ħomor . Kien hemm ġurnal fuq il-mejda u bdejt inteftef fih skonċentrat għall-aħħar bil-mużika tgħajjat ħierġa mill-kaxxa imdendla mal-ħajt fir-rokna. Tajt ħarsa madwar il-ħanut. Minkejja li jien minn hawn, qatt ma rfist il-għatba ta’ dan il-post għax dejjem ikkunsidrajtu għal ċerta kategorija ta’ nies. Imqegħdin fuq ħoġor ta’ tieqa u fuq turrun kaxex tal-luminata, kien hemm żewġ gabjetti b’għasfur f’kull waħda minnhom

Sefsift tnejn fit-tè li kelli quddiemi u komplejt nosserva. It-tfajla ta’ wara l-bank qagħdet tkewwes waħidha u kultant tbagħbas iċ-ċellular. L-għasafar fil-gabjetti issa fetħulha jgħannu donnhom riedu jikkompetu ma’ Emenem u l-oħrajn tal-MTV. Mhux għax jien wisq reliġjuż imma f’jum id-Duluri s-soltu wieħed josserva s-skiet. Imma f’dan l-infern...fejn tista’ ssibu s-skiet?

It-tfajla kompliet tbiehem il-buttuni tan-Nokia, imgħaddsa f’dinja għaliha. L-għasafar komplew jgħannu u jżidu fil-għana. It-televiżur kompla wkoll...għal ftit...imbagħad donnu beda jitbaxxielu l-volum. Naqra naqra beda jitbaxxa u jitbaxxa sa ma smajtux iżjed u kien hemm biss l-istampa tpetpet u tqabbeż id-dwal mal-ħitan tar-rokna. “Maria Madonna!” għidt ġo qalbi “tan-Nokia issa żiedu t-telekmand bħala feature?” Bdejt infettel biex nixtri wieħed bħalu ħalli nibda nużah bħala self defence kull darba li nkun x’imkien u nkun brutalment attakkat minn xi Zuppardu, Monteżin jew Rachel-lallatkun. U ntift għal mument niċċassa fil-vojt, nimmaġina u nidħak bir-reazzjoni tan-nies meta l-programm favorit tagħhom jibda jinqaleb waħdu għal stazzjon ieħor.

X’ħin ġejt lura f’tiegħi minn dil-fantasija mqarba, xrobt l-aħħar boqqa u qomt biex nitlaq. Imma ħassejtni differenti. Ħassejtni qisni qiegħed x’imkien ieħor. Kollox kien jidher l-istess fil-ħanut. L-imwejjed u s-siġġijjiet. Il-kaxex tal-luminata, It-tfajla wara l-bank. L-għasafar fil-gabjetti. Kollox l-istess. Imma donnha kien hemm ċerta ħedma. Donnu l-istorbju tad-dinja waqaf. L-għasafar kienu għadhom jgħannu kieku, biss oħla minn qabel. Imbagħad smajt bħal ċaċċir ġej minn bieb ieħor fuq wara tal-ħanut. Instema' xi kliem. Għana tal-għasafar. Għelbitni l-kurżita u ħriġt nittawwal. Xejn speċjali. Ma kien hemm xejn speċjali. Rġiel biss. Madwar erbgħin raġel imdawwrin ma’ pitch tal-boċċi, xi wħud ukoll bil-gabjetta u l-għasfur f’idhom, iżommuh b’ċerta għożża, b’ċerta reverenza, xi wħud iħarsu lejh bla ma jitkellmu,oħrajn b’ħarsithom fuq ir-ramel tal-wesgħa battala quddiemhom. Kont sejjer ‘l hemm u xi ħadd qalli. “Stenniha, dalwaqt se tilgħab.” “Min se jilgħab? “ saqsejtu. “Mhux l-Imlejka” weġibni, “Mhux l-Imlejka.”

12.3.07

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p15

30.11.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p14

X'ġara s'issa:

Il-Venerabbli Gonzo kien inkazzat minħabba li l-popolarita' tiegħu kienet nieżla ġmielha. Għalhekk ried jikkarga l-faħma ta' moħħu biex jiġuh iktar ideat u viżjonijiet għall-pajjiż. Joe Babun iċ-Ċaċċarun u s-segretarju leali tiegħu, ipprova jgħinu billi jtellgħu fuq il-bejt tal-kwartieri ċentrali msejħin it-TermosLampaSpiritiera, biex jagħti kargatura lill-faħma permezz tax-xemx t' Alla. Sakemm kien qed ixemmex moħħu, qagħad jissendika lill-għafrit tal-bini aħmar infernali u rah ikewwes taħlita ta' bżieq l-għoġġieba u semm is-sriep u biha jinbidel zoptu f'Super Sant. Gonzo allarma ruħu u twerwer għax il-lejber għalih kien agħar mill-virus qerriedi tal-imxija tat-tjur.

Fix-xena mbagħad jidħol Ġanni Ħanex, bniedem insinifikanti li tilef ħobżu mill-fabbrika tal-qliezet ta' taħt tan-nisa fejn kien ilu jaħdem xi 15-il sena. Dan ġara għaliex il-ministru tal-Eċċellenza u t-Testikoloġija, OSTINAT kien beda jinforza r-ristrutturar mitlub mid-dinja moderna u globalizzata. Ġanni Ħanex ma nstabx tajjeb biex jinnavika fit-tongi, il-prodott ġdid state of the art tal-fabbrika BSORMA. Għaddewh mill-għarbiel tal-ETC u weħel u sab ruħu jinkines 'l hawn u 'l hinn mingħajr għaxja ta' lejla.

Sadanittant daħlet Priċċilla Vella Perċiċċi bħala konsulenta mal-Venerabbli u swietlu bagatella ewri tant li reġa' rrikorra għall-faħma ta' moħħu biex isolvi l-problema finanzjarja. Fost l-iktar ideat skabrużi mimlijin budebbus, ġietu waħda brillanti li jqaħħab lis-serva Melita.


Segwi skond in-nri. tal-paġni. Ikklikkjaha biex tkabbarha.

21.10.06


Il-Għid tal-Erwieħ
Xi ftit tagħrif

Bħal ġnus oħra, il-Maltin ukoll juru rispett kbir lejn il-mejtin tagħhom. Huma kienu u għadhom jemmnu li kull bniedem għandu ruħ li ma tintemmx miegħu f’qabru. Għalhekk sa mill-qedem, il-Maltin kellhom drawwiet u festi biex jiċċelebraw il-kontinwità tal-eżistenza spiritwali tan-nieshom li ħallew din id-dinja.

L-ikla
L-ewwel insara kienu jħejju ikla u ċelebrazzjoni fid-dwiemes fejn kienu jidfnu l-għeżież tagħhom.

“L-erwieħ jifirxu s-sarvetta”
Hekk kienu jgħidu meta jasal it-2 ra’ Novembru, jiġifieri jum l-erwieħ kollha. Dan ghax kienu jemmnu li f’dan il-jum meta niftakru fil-mejtin, l-erwieħ ta’ qrabatna jkunu qed jistennew il-ħniena u s-sufraġju tal-ħajjin, għalhekk kienu jifirxu is-sarvetta għall-għotjiet tal-ħajjin. F’dan il-jum il-Maltin kienu jkunu ġenerużi mal-foqra.

Il-borma tal-ħaxix
F’dan il-jum xi patrijiet jew individwi, kienu jħejju borma kbira fit-toroq tal-bliet u r-rħula u fiha kulħadd kien jixħet xi ftit ħaxix milli jkollu d-dar biex imbagħad titqiegħed fuq il-ħatab jaqbad u jagħmlu minnha xi minestra tajba. Din ukoll kienet tkun għal foqra.

Il-Ħanżira tal-Erwieħ
Kien hemm ukoll id-drawwa li minn xi żmien qabel il-festa, xi ħadd jitlaq ħanżira tiġġerra mat-toroq bil-ġaras (qanpiena) ma’ għonqha biex meta timxi tinstema’ u għalhekk tintema’ min-nies kull darba li tgħaddi minn quddiem darhom. Il-ħażira kienet tismen bl-ikel mbagħad fil-għid tal-erwieħ kienu joqtluha u jsajruha biex minnha jieklu l-foqra. Għalhekk imqarr darba f’sena dawn l-imsejkna kienu jduqu biċċa laħam.

L-erwieħ tal-purgatorju
F’xi inħawi madwar Malta fejn hemm jew kien hemm xi ċimiterju, wieħed isib statwi minquxin fil-ġebel ta’ ruħ jew erwieħ qalb l-ilsna tan-nar. Dawn l-istatwi fuq il-ħitan ifakkruna fl-erwieħ tal-purgatorju u għalhekk ifakkru lil min ikun għaddej min hemm biex igedwed xi talba għall-bżonnijiet tagħhom.


L-erwieħ tal-ikkundannati
Il-Maltin, speċjalment in-nisa twajbin, kienu juru ċerta devozzjoni lejn l-erwieħ ta’ dawk li kienu ikkundannati għall-forka. Huma kienu jemmnu li l-erwieħ penitenti tal-ikkundannati kienu jaqilgħu il-grazzji. Ninu Xkora, li ħafna jemmnu li kien innoċenti, ingħatata l-forka ftit jiem qabel l-għid tal-erwieħ. Dwar Ninu Xkora hemm għajdut li kien fetaħ il-kanċell taċ-ċimiterju lil waħda mara li marret iżżur il-qabar tiegħu stess.


Ir-rużarjanti kienu fraternità li jiġbru l-flus għall-qraba tal-ikkundannnati filwaqt li jħeġġu lin-nies biex jitolbu għar-ruħ dawk iġġustizzjati bil-forka. Huma kienu jilbsu bħall-fratelli jiġifieri jilbsu ċoqqa bajda u jgħattu wiċċhom b’kappun abjad bit-toqob għall-għajnejn biss. Kienu joħorġu fit-toroq u jduru bieb bieb b’xi bott f’idejhom. Id-dehra tagħhom libsin l-abjad u b’wiċċhom mgħotti kienet tnissel fi qlub in-nies ċertu misteru, biża’ u ħniena.

L-għadam tal-ħelu
Fix-xahar ta’ Novembru sewwasew minn l-Għid tal-Erwieħ ‘il hemm, fid-djar kienu jippreparaw l-għadam tal-ħelu biex jiftakru fil-mejtin. L-għadam tal-ħelu jinħadem bħall-figolla imma fil-forma ta’ għadma. Xi dulċiera għadhom sal-lum jagħmlu dan l-għadam tal-ħelu.



In-naħa l-oħra tal-munita
Filwaqt li xi wħud kienu jgħożżu t-2 ta’ Novembru bħala jum ta’ rispett lejn dawk li darba għexu f’dan il-wied tad-dmugħ, oħrajn kienu jintasbu fuq xi għatba jirrankontaw l-istejjer tal-iħirsa u tal-uħux. Għax kien hemm min jgħid li ma’ l-erwieħ it-tajbin joħorġu wkoll l-erwieħ il-ħżiena . Mill-qigħan tal-infern joħorġu x-xjaten. Mill-moħbiet tagħhom joħorġu s-sħaħar u n-nies koroh jew tas-setta. Minn taħt l-art l-għewiel u l-uħux. Mill-oqbra l-iskeletri u iġsma bla ruħ mexjin ndlaj ndlaj fid-dawl tal-qamar. Spettri mitlufa, min sejjer għal xi ħażen u min sejjer għal xi għors.

Aktar tagħrif fuq l-Għid tal-Erwieħ agħfas fuq din il-Link: https://erwieh.infinityfree.io/?i=1

It-2 ta’ Novembru illum
Se nagħmlu ikla biex infakkru dawn id-drawwiet ikkuluriti.

L-ikla:

­­­­­Minestra bil-ħobż mixwi.
Majjal mixwi servut bil-patata l-forn u ħaxix
Xorb: Meraq tal-ħajja (Larinġ tad-demm, inbid u aniżett)
Deżerta : Għadam tal-ħelu

12.9.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p13



2.8.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p12

21.6.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p11

12.5.06

L-Għanja tal-Poplu 2006

L-għanja tal-Poplu huwa festival tal-kanzunetta Maltija. Illum huwa l-unika festival li għadu jinżamm fuq skala nazzjonali u li jiċċelebra l-idjoma ta’ poplu li kiber fid-dell ta’ kulturi ġganti. Qatt ma naf li smajt lil xi ħadd jirrakkonta l-istorja ta’ l-iżvilupp ta’ din il-forma ta’ espressjoni. Anqas ma naf li teżisti fil-kitba. Naħseb li tkun storja siewja biex wieħed jara kif għanjet il-poplu kienet manifestata matul iż-żminijiet. Kinitx l-Imnarja waħda mill-okkażjonijiet li ġabret l-għannejja flimkien biex juru ħilthom u jiddevertu l-poplu? Meta daħlet sew il-kanzunett Taljan fostna, kien hemm festival li ma niftakarx x’kien jismu u lanqas ma naf kemm dam isir. X’sar minnhom dawk il-kanzunetti maltin? ”Madonina” naf li kienet waħda minn dawn. ”Sparaw għall-Qamar” ta’ Charles Clews, din kienet oħra minnhom tgħid? Hemm xi ħadd li kkompila l-aħjar kanzunetti ta’ dak iż-żmien u ħariġhom fuq diska?
Fi żmieni niftakar il-festival Internazzjonali tal-kanzunetta Maltija. Ta’ dan għandi d-diski kollha imma llum minħabba s-cds dawn mhumiex disposti għall-preżentaturi fuq ir-radju. Imma qabel dan il-festival il-għaqda YTC diġa kienet bdiet tgħaqqad il-kantanti, il-mużikanti u l-awturi flimkien biex fuq palk jippreżentaw il-festival tagħhom. Fis-70ijiet din l-għaqda taż-żgħażagħ kienet diġa ipproduċiet l-album u l-preżentazzjoni televiżiva tiegħu ”Ikun li trid int”. Wara imbagħad ħarġu ġabra ta’ kanzunetti għall-Milied bl-isem ta’”Kartolina”. Imma l-festival tagħhom minkejja li kien żgħir, ma qata’ xejn u sena wara oħra kompla jżid fl-attendenza tal-pubbliku u iktar u iktar fil-popolarita’ fost il-kantanti u kantawturi, daqqaqa u awturi, tant li minn sala ta’ skola bdew imorru fil-lukanda Phoenicia imbagħad fit-teatru tal-Universita.

Sadanittant il-festival Internazzjonali tal-kanzunetta Maltija nferaq fi tnejn, wieħed minnhom ”il-kanzunetta għall-Ewropa” u l-ieħor ”il-festival tal-kanzunetta Maltija”. Dan tal-aħħar tħalla jmut imġewwaħ biex inżaqq l-ieħor. Jien f’dan ta’ l-aħħar tlift kull interess għax ma nħossx li għadu jappella għalija. B’xorti tajba l-għanja tal-poplu, minkejja li hu wild għaqda volontarja, xorta kampa mal-isfidi finanzjarji u kiber f’festival denju li jirrappreżenta poplu uniku, il-poplu Malti.
F’dinja globalizzata u f’Malta fejn il-biċċa l-kbira tal-poplu huwa sponża għal dak li hu aljen, nifhem li mhux ħafna japprezzaw dan il-festival għal raġunijiet varji. Għalija huwa s-San Remo ta’ Malta f'dik li hi espressjoni lokali, u għalkemm ma tantx inħobb noqgħod quddiem il-kaxxa, għada hemm issibuni, quddiemha, nitpaxxa, nitmeżmeż, nidħak u nemozjona ruħi bil-lirika u l-melodija. Is-sabiħ tal-festival ”L-Għanja tal-Poplu” hu li għandu temi mħawrin bil-kummenti soċjali, imħabba u umoriżmu. Min għadu mhux midħla ta’ dan il-festival inħajru jttawwallu għada s-Sibt 13 ta’ Mejju 2006, fuq TVM f’xi ħin filgħaxija.
Ħaġa waħda żgur li se ddejjaqni fl-Għanja tal-Poplu u din hi il-kompetizzjoni li fl-aħħar trebbaħ lil xi kantant jew ieħor. Jien inħoss li l-arti m’għandhiex titqiegħed f’kompetizzjoni ta’ rebħ jew telf. Din hi xi ħaġa li jkolli nissaporti, mhux għax ma nistax nitfilu fl-aħħar u mmur norqod, u probabbilment hekk nagħmel, imma għax persważ li xi wħud mill-kanzunetti nkitbu u se jkun preżentati f’dan is-sens kompetittiv li narah jixraq iktar lill-isport milli lill-arti.
Insomma fi żgur se ngħoxa nisma’ lil Walter Micallef bil-kanzunetta l-ġdida tiegħu u jekk tippermettuli, ħalluni ndewwaqkom biss il-kliem tagħha. Il-mużika tisimgħuha għada.

'Il Malta

Kliem u mużika ta’ Walter Micallef

‘L Malta fottewha xi kuntratturi
Xi politikanti mingħajr valuri
U fuq qabarha poġġewlha bukett fjuri.
Bl-istaletti, bħal tad-Duluri.

‘L Malta fottewha u mingħajr ħniena.
Stuprawha u ħallewa għarwiena.
W aktar minn hekk, ma wrew l-ebda ndiema.
U nstemgħet mota minn tal-qampiena.

‘L Malta fottewha u l-lum mitluqa.
Bħal prostituta, u kull min għex minn fuqha
Baqgħu siekta u b’fommhom magħluqa.
U ttiegħem morra x’ħin idduqha.

‘L Malta fottewha u t-tfal batew
Ġungla tal-konkos bnew fuq li bnew.
Tant li post fejn jilgħabu mank ħallew
‘Mma huma stgħanew, u kemm stgħanew.

Malta fottewha w għalxejn nibkuha
Għaliex kull deċiżjoni diġa ħaduha
U ngħid xi ngħid żgur li mhux sejrin jibdluha.
‘L Malta fottewha u għalxejn nibkuha.

Malta fottewha ma ħallewliex ħdura
Donnu bil-ħsieb kulħadd ittraskura
Ħadd ma qal xejn u lkoll żammejna pass lura
U l-lum trid tgħarrex biex tilmaħ fjura.

‘L Malta fottewha u t-tfal batew
Ġungla tal-konkos bnew fuq li bnew.
Tant li post fejn jilgħabu mank ħallew
‘Mma huma stgħanew, u kemm stgħanew.

4.5.06

L-istrixxiklu żuffjettuż "TRIJONFALI" p10