Il-kassett li rrekordjana fiċ-ċimiterju

Il-qoxra tal-kassett
IL-ĦAJT li jikkritika lill-bniedem fuq id-diviżjoni li qed joħloq bejnu u bejn in-natura. Dan ġie rrekorjat filgħodu qalb is-siġar u l-veġitazzjoni selvaġġa taċ-ċimiterju abbandunat.

Il-kassett taż-żewġ serati fuq it-tarġiet ta' Santa Barbara. L-ewwel lejla fl-1982 tinkludi lill-Ħawħa u it-tieni lejla tinkludi lil Mr Jones u l-ħuh, żewġ Ġermaniżi li kienu qed jivvjaġġaw u waqfu għal xi jiem Malta. Huma nzertaw għaddejjin minn strada rjali u komplew magħna bid-daqq u l-kanzunetti tagħhom. L-isem li tajna l-kassett bil-Ġermaniż imkisser jindika li dik il-lejla konna mkeċċijin minn fuq it-taraġ mill-kuntistabbli '
Ejjaimxiċċaqlaq' kif fil-fatt jinstema fuq l-istess
recording.

Fuq iċ-ċint.
Imkejjen sagri.
Iċ-ċint ta’ putirjal kien iservi fil-biċċa l-kbira bħala post fejn konna niltaqgħu peress li kien l-ewwel art meta wieħed jiżbarka minfuq tal-linja. Fuq iċ-ċint u madwaru kienu jigu diversi żgħażagħ imħarbtin minn kull rokna ta’ Malta u kien punt ta’ referenza għan-nies taċ-ċirku Bertu Funtana biex jisimgħu l-ewwel aħbarijiet jew fejn qiegħed it-tali, x’se nħawdu llum u fejn se nintefgħu il-lejla. Fuq iċ-ċint konna nitħalltu ma’ rockers oħrajn li ma nafuhomx u jekk il-karattru jikklikkja ma’ tagħna, naqra naqra jiskopru d-dinamiċità tal-grupp u jintlaqagħu b’id miftuħa. Iċ-ċirku Bertu Funtana ma’ kellux mexxejja dikjarati jew awtokratiċi u r-regoli applikati kienu biss dawk tas-selezzjoni naturali mingħajr ibbullijar. Per eżempju kien hemm ċerti individwi li l-kwalitajiet vjolenti tagħhom ma sabux appoġġ fil-grupp. Oħrajn li kienu jiddettaw u jridu li tgħaddi tagħhom sabu ħajt ma’ wiċċhom u eventwalment dabbru rashom.
Ir-Roj tal-gabbana l-ħamra ta’ fejn iċ-ċint (li kien fula maqsuma ma’
Buddy Holly), kellu salib oħxon bina. Il-gaj tagħna, ġuvintur u tfajliet bla sura kif konna nkunu libsin, x’aktarx li konna ngerxulu n-nies u nnaqsulu l-bejgħa bin-nofs. L-inbid ma konniex nixtruh minn għandu għax kien iġib biss ta’ Coleiro u aħjar daqqa ta’ kantun fuq moħħok milli ssofri l-effett ta’ dan l-alkohol li ma kienx denju jissejjaħ inbid. Tiskanta anki meta tgħix bl-għakkarija tagħżel l-aħjar. B’xi pakkett Twistees jew xi pasta tal-4ċ minn dawk ir-roża li kultant konna nixtru mingħandu, ma kienx se jimxi ‘l quddiem fin-negozju. Meta kien ikun hemm aħna fuq iċ-ċint, it-twejqa li kellu fuq dik in-naħa biex iservi lin-nies, rari kienet tara klijenti. Li ma kienx għaż-Żejża bar (il-gabbana tal-ħalib) fuq ix-xellug tiegħu, x’aktarx li ma kienx idawwar lira biex jgħix hu u jmantni ‘l-familtu.
Dan mhux għax konna xi nies ta’ qattgħni għalkemm kif semmejt qabel, kont tinzerta xi tnejn minn San Ġiljan li ġlieda kienu jikluha. Kont tarahom jixxenjaw kif tellgħu sa Tas-Sliema biex jifqgħu li xi
Rockabillies (
Teddy boys) tal-Ħamrun u kif ġabuhom kapuljat u lanqas wieħed li hu wieħed bin-nokklu m’għaddiha lixxa.
Jekk dawn kienu biss rakkonti irreċtati b’deskrizzjonijiet ta’ dmija u snien itiru u li forsi żarżru f’widnejn kull min kien għaddej minn hemm dak il-ħin, id-drama vera kienet għada se tibda. Hekk kif jasal is-Sid minn Ħal Safi, jaqbeż minfuq tal-linja u jeħodha bil-ġirja sa fejn iċ-ċint u f’qamsa waħda jtir għal wara ċ-ċint u jibqa’ nieżel għal isfel f’dak l-għoli kollu tal-foss ta’ Bieb il-Belt, b’dik it-twerziqa ddisprata li titfi għax-xejn. “Madonna!” In-nies li nzertaw jaraw dix-xena jibjadu bil-qatgħa, iċċassati quddiem iċ-ċint, imwaħxin kif żagħżugħ hekk teneru itemm ħajtu b’dal-mod ikrah f’suwiċidju. Pawsa li tiffiżalek demmek, imbagħad...imbagħad tidher id minn wara ċ-ċint tiggranfa u oħra tiġġebbed biex tilħaq ix-xquq, imbaghad ras u tqanziħa ta’ bniedem jissara biex jitla’ ma’ ħajt. U s-Sid jitfaċċa jixxabbat minn wara ċ-ċint u b’sieq wara oħra jmiss l-art quddiem koċċ nies miblugħin b’dak li raw. U sakemm tmurilhom id-dexgħa, bil-mod il-mod jirrealizzaw li waqgħu vittma ta’ ċajta goffa u mixgħufin ikompli għal xogħlhom. Id-dramm jispiċċa u aħna nfaqqgħu id-daħq u nogħxew. Is-Sid kollu mbissem u kuntent bir-riżultat li rnexxielu jillandja tajjeb fuq il-ħoġor moħbi wara ċ-ċint u li b’suċċess irnexxielu wkoll jaqta’ xi għaxar snin minn ħajjet dawk li tahom il-qatgħa. Ir-Roj tal-gabbana, isfar mewt irodd is-slaleb u jgħajjarna mġienen u jgħid lis-Sid li alla ħabbu li ma baqax nieżel għal isfel.
Minkejja li kważi kulħadd kien issa ittesserat mal-YMCA, il-funtana u l-postijiet partikulari taghna kienu għadhom jiġbduna lejhom bħal kalamita. Hemmhekk komplejna bit-tbaħrit tagħna bħaċ-ċuqlara tal-imgħoddi li kienu jżejnu t-toroq bil-għana u d-daqq. Trubaturi li ta’ żaqqhom f’fommhom iperrċu l-emozzjonijiet tagħhom fil-beraħ tal-pjazez u t-toroq. Bid-differenza kbira li lilna ħadd ma kien jiggustana u japplawdina. Forsi konna aktar nixbħu l-vagabondi mistħerrħin mis-soċjetà. Imma din kienet il-ħajja li fittixna. Mingħajr pretenzjonijiet u mingħajr pika, daqqejna fit-toroq. Bosta minnha u ninkludi lili nnifsi, tgħallimna l-kitarra mit-triq. Wieħed juri lill-ieħor x’jaf u ħallatna u qsamna flimkien l-esperjenzi tal-kordi fuq t-tastiera tal-kitarra. Dan ma jfissirx li sirna xi
Jimmy Page jew
Richie Blackmore. Kien hemm minn kien kapaċi iktar minn ħaddieħor imma jien ma niftakarx għira u pika li żammitna milli nesprimu ruħna liberament. U lanqas ma dħalna f’kompetizzjoni diretta ma’ klikka jew oħra. L-iskop f’dan l-istadju żagħżugħ ta’ ħajjitna ma kienx li nelevaw ruħna għal xi kategorija kolta imma kien propju li ngħixu il-mument f’dawk iċ-ċirkostanzi li ntasabna fihom. Inkonxjament konna nafu li sibna ruħna hemm f’dak il-post, ma’ dawk in-nies, f’dak iż-żmien u li tipprova kemm tipprova toħolqu ma jirnexxilhek qatt.
Il-kitarra ma hedietx mill-daqq fuq il-funtana tat-Tritoni. Fuq it-taraġ tal-knisja ta’ Santa Barbara fi Triq ir-Repubblika konna wkoll ninġabru indoqqu. Hemmhekk irrekordjana żewġ serati memrabbli li ġbarnihom f’kassett wieħed. Armati b’zewġ kitarri, ħarmonika, filfloppi u dak li ġie għal idejna, għaddejna l-lejla straight sal-bajd (b’xi eċċezzjonijiet) imma ibbażżjati bil-mużika u l-kant. Toni l-Ħawħa kien Rastaman, iffissat fuq Bob Marley. Il-Ħawħa kien wieħed mill-eċċezzjonijiet li semmejt għax xi naqra tlaħliħa Marsala ddur ġo moħħu kien ikollu. Bit-tappijiet tas-sufra fil-but tal-ġakketta tal-ġins biex iżomm amment ta’ kemm-il flixkun xorob matul il-ġurnata. Mhux għax kien jimportah wisq. Il-Ħawħa kien spettaklu waħdu, tih it-tappijiet tas-sufra fil-but, akkumpanjament tal-kitarra u udjenza u erħilu jaqsam lil kulħadd bid-daħq. Jekk tieqaf il-kitarra kien jintefa jtaptap idejh ma’ koxxtu u b’ħalqu jdoqqlok xi melodija bħall-Popcorn jew il-High Chaporal u jimita il-ħsejjes tal-blalen tat-table tennis. Fuq it-taraġ ta’ Santa Barbara filgħaxijiet fit-tard kienu jgħaddu minn quddiemna dawk li jkunu għadhom kif ħarġu miċ-Ċinema tal-
Embassy, l-Ambassador, il-Ġawhra u l-Ġojjell. Paragunat ma’ xi film ta’
Hollywood, f’għajnejhom, id-divertiment tagħna kien jidher fjakk u medjokri. Kif tista’ tqabbel lil Ħawħa ma’
Clint Eastwood!
Kellna post ieħor li fih konna ninġabru għat-tbaħrit tagħna. Iċ-Ċimiterju abbandunat taħt Beltissebħ. Qalb l-oqbra u l-lapidi legligna u pejjipna fis-satra tal-ħitan għoljin u s-siġar t’hemm isfel, u kemm-il darba kkontemplajna fuq il-passaġġ bejn il-ħajja u l-mewt. Ir-ritwal tat-tipjip tal-ħaxixa flimkien mad-daqq, id-diskors taħt l-ilsien u x-xorb tal-għenba magħsura kien joħloq atmosfera spirtwali u jgħaqqadha f’ċelebrazzjoni tal-ħajja u tal-kummunjoni tagħna. Fiċ-ċimiterju irrekordjajna żewġ tapes. Wieħed li semmejnieh il-Ħajt fejn fih nikkritikaw lill-bniedem li jqis ruħu superejuri għall-ħolqien kollu tad-dinja u fejn bl-attitudni egositika tiegħu u l-istil modern tal-ħajja li qed jikkrea, qed jibni ħajt bejnu u bejn l-annimali u l-istess natura li żżommu ħaj. It-tieni kassett huwa sensiela ta’ kanzunetti spontanji u oħrajn magħrufin man-nies taċ-ċirku Bertu Funtana, xi wħud minnhom f’tentattiv biex inqajjmu l-mejtin (
allegorikament, għall-ħajjin li qishom mejtin).
Tkompli
.............................