
Pitazz bil-graffitti

L-Imperial Caffè
Iċ-Ċirku Bertu Funtana 8
Ħolma tal-ġenn.
Il-Ċirku Bertu Funtana kien qed jitħawwar u jitħawwad ġmielu. Il-gajijiet li ġew u ndehsu man-nikleu taċ-ċirku bdew iżidu fil-frekwenza u xi wħud minnhom saru ukoll parti integrali mill-grupp. L-interazzjonijiet u l-interrelazzjonijiet bejn il-gajijiet u l-individwi naturalment żdiedu u kkomplikaw ruħom. Il-korteġġar u l-gosti personali saru jiddeterminaw l-attivita’ ta’ xi individwi li ġieli għażlu jmorru għal rashom. Imma wara kollox il-formazzjoni taċ-Ċirku Bertu Funtana issawret b’mod naturali fuq dan l-ispirtu ħieles. Bħal kull attività f’xi ċentru parrokkjali għaż-żgħażagħ, kien hemm ċerta vibrazzjoni ta’ emozzjonijiet u imġieba li hi karatterista maż-żgħażagħ. L-unika differenza kienet li ma’ kellniex il-kappillan iħuf ma’ saqajna. Pero l-affarijiet kienu qegħdin jnbidlu.
Il-kumitat il-ġdid bi Fra Ġorg fuq quddiemnett iżomm l-istandard ta’ direttur spiritwali, beda x-xogħol fuq il-post fejn kellna nibdew niltaqgħu il-YMCA il-ġdida. Fi Triq il-Merkanti, Nru. 41 fir-raba’ sular, bdiet il-manutenzjoni tal-post li kien ilu magħluq għal xi snin. Kull minn seta’ ta daqqa t’id. Min ibajjad, min iħalleb is-saqaf, minn jiżbogħ it-travi u min iqandel l-għamara li ma kienetx faċli biex ittellagħha dawk id-99 tarġa għal hemm fuq. Il-veduta irreżistibbli mill-kamra prinċipali kienet dik tal-port il-kbir. Ftit minuti tħares lejn dik il-wesgħa baħar imdawwra bis-swar tal-kottonera u tħossok ispirat u rilassat.
Fil-fratemp, għand Bertu fil-Kafè Imperjal ukoll l-attivita’ żdiedet. Minbarra ċ-ċekċik tat-tazzi tat-tè jew tal-birra, l-imħarbtin li saru midħla tal-post kienu jinvolvu ruħhom f’xi diskussjoni dwar l-aħħar aħbar fix-xena politika, fuq il-knisja u l-anti klerikaliżmu, fuq jekk l-era tal-punk kienetx spiċċat u indifnet, fuq il-lirika tar-rok vis a vis il-kawżi fid-dinja, fuq Mintoff u Fenech Adami u fuq Thatcher u l-gwerra tal-falklands eċċ eċċ. Xi pitazz vojt kont dejjem tarah idur minn id għal oħra fuq l-imwejjed bil-wiċċ tar-rħam. Dan kien mezz prattiku u effettiv għalina biex niktbu l-graffitti tagħna u kienet drawwa li min jiġi għand Bertu jagħti titwila lil dan il-pitazzi li kien idum idur xi ġimgħa fuq l-imwejjed. Il-pitazz kien iservi ta’ minbar fejn fuqu l-individwu jperreċ fehtmu taħt il-forma ta’ frażi jew simbolu skond it-twemmin tiegħu. Mhux darba u tnejn it-taħżiż fuq il-pitazz serva biex qajjem xi argument. Kien hemm ukoll mumenti fejn dawn il-pitazzi issawru fi strixxikli li konna insejħulhom KOKO live jew KOKO flash.
Filwaqt li l-kav. Gużè Galea kien ikun bil-qiegħda jixrob tazza kafè u jitkellem ma’ xi ħabib tiegħu dwar l-aħħar tiftixa fl-arkivji tal-Bibljoteka nazzjonali, kienet tqum xi disskussjoni taħraq fuq in-naħa l-oħra tal-ħanut dwar l-użu ta’ l-armamenti nukleari jew jekk il-knisja għandiex tindaħal fuq il-kondojiet. L-għajjat kien iżid u l-klieb ta’ Bertu (li ġieli kien hemm tlieta minnhom), jibdew jinbħu u bħat-talk shows tal-lum, Bertu kien ikollu jidħol b’xi buffunata biex jikkalma l-irjus sħan.
“ Hawnhekk il-Kafè Imperjali fi triq il-merkanti ma’ triq il-briganti, tiġi biex tibla’ wieħed Imperjali jonkella tmur faċċata u tibla’ wieħed Mondjali” Dawn kienu battuti komiċi ta’ Bertu biex iżomm l-umoriżmu ħaj u jtaffi mis-serjeta’ tal-kustjonijiet li jinqalgħu fil-ħanut. Kellu għexur minnhom merfugħin fil-komma u kien joħroġhom jew biex jitfi n-nar tal-argument jew biex iħoll is-silġ tal-infamiljarità. Kien jgħidhom lil klijent ġodda jew lil parruċċani irrispettivament mill-klassi jew status tagħhom, għalkemm kien dejjem isib il-mument xieraq mingħajr ma’ joffendi. Il-kariżma ta’ Bertu kienet is-sigriet tas-suċċess tal-Imperial Caffè u kull bniedem ta’ kull eta’ minn kulinkwa sfera soċjali kien jidħol għand Bertu imqar biex jixtri pakkett sigaretti u bit-trattament li jaqla’ mingħand Bertu, ibqa’ żgur li kien jerġa jigi jixtri darb’oħra.
Dak iż-żmien l-aljenazzjoni tat-TV kienet qed tirranka ġmielha. Diversi toksijiet żgħar madwar Malta kienu ilhom li bdew it-triq tan-niżla u kienu qed ikampaw bil-filmijiet ta’ Pierrino u Edwich Fenech. Id-daqqa tal-mannara ħaduha meta bdew ixandru l-istazzjonijiet sqallin li b’biċċa booster mal-erjal kont taqbadahom sew u għalhekk, minkejja li f’Malta kellna biss it-television iswed u abjad, wara nofs il-lejl, klandestinament beda jaqleb għall-blu. Bertu għal raġunijiet differenti minn dawn, tħajjar jistalla t-televiżjoni fil-ħanut tiegħu u allura dan kompla jżid ma’ l-istorbju fil-Imperial Caffè.
Lejla minnhom għal ħabta ta’ Marzu ‘83 jidhirli ftit qabel jew ftit wara r-Rock Mass, waqt li konna miġburin fil-ħanut għand Bertu, fuq it-televiżjoni bdew ixandru il-famus kunċert tal-1969 WOODSTOCK. Kulħadd waqaf milli kien qed jgħid jew jagħmel u ċċassajna lejn dat-televiżur se jaqa’ biċċiet, bi stampa monokroma u fjakka u bil-volum itextex. Imma widnejna kibru xiber. B’devozzjoni kbira smajna ‘l Joan Baez, lil Crosby, Stills, Nash & Young, lil Ten Years After, eċċ eċċ. Maħkunin b’dawk ix-xeni ta’ nies hippies u mużika bdiet ħierġa litanija ta’ espressjonijiet minn fommna miftuħ waqt li jarmi d-duħħan tas-sigarretti.. “Far out man!” “tal-ostja ras!” “il-lalla x’buzz!” eċċ eċċ. Woodstock kienet il-ġenna tal-art, il-ħolma li joħlom kull min kien jgħix il-ħajja tagħna. Kif kellna nitwieldu daqs tant snin wara u daqstant eluf ta’ mili ‘l-bogħod?
Ma niftakarx min kien li ssuġġerixxa li nagħmlu kunċert bħal dak imma naf żgur li moħħ Bertu xegħel daqs bozza tal-mija u malajr beda jwebbilna bl-idea. Il-kumitat il-ġdid kien kompost minn membri tal-affari tagħhom u ma nistax ngħid li kellhom xi tendenza megalomanjaka fir-rigward tal-attivitajiet li kienu jorganizzaw. L-idea tal-kunċert stil Woodstock għoġbithom imma ittendew bir-responsabbiltà kbira finanzjarja li kien se jġorr fuqu dan il-kunċert. Huma raw li biċċa YMCA maltija li għada f’infanzja tagħha u b’xi erbgħin lira biss taħt rasha, ma kienet se tkun qatt kapaċi tidħol għal kunċert ġgantest ta’ tliet ijiem, bl-entratura gratis? Il-kumitat ma riedx jidħol għal din ir-responsabbilta’ enormi mingħajr garanzija ta’ sponsor qawwi li kien lest jippompja l-liri. Għalhekk irriffjutaw. Imma Bertu kien determinat li jwettaq din il-ħolma u saret pressjoni biex il-kumitat tal-YMCA (li kien ilu fit-tmexxija ftit ġimgħat biss) jirreżenja. Malajr ifforma kumitat proviżorju biex jorganizza din il-verżjoni maltija tal-Woodstock. Il-kunċert ingħata l-isem ta’ MALTASAJF u kellu jsir f’Awissu ta’ dik l-istess sena (1983). Il-ġirja sal-barkun. Kien għad fadal biss ħames xhur u l-Imperial Caffè f’tebqa t’għajn, ittrasforma ruħu f’uffiċċju u kwartieri. Nies jittajpjaw l-ittri lill-ministeri għall-permessi, u ittri biex l-attivita tkun sponsorizzata. Nies deħlin u ħerġin bid-donazzjonijiet mill-fabbriki. Telefon iċempel bis-segretarji tal-ministri fuq il-linja, u rappreżentanti tal-baned rok mix-xena lokali bdew ġejjin biex jindagaw fuq l-attività. Kull filgħaxija, il-kumitat proviżorju MALTASAJF kien jitla’ minn bieb ċkejken fil-ġenb tal-ħanut għal fuq fejn qabel kien hemm il-pastizzar u hemm Bertu, bħal xi Dun Mikiel Xerri u sħabu miġburin fis-satra tal-lejl, kien imexxi l-laqgħa u flimkien konna nippjanaw id-dettalji kollha ta’ dan il-festival maratona li sa dak iż-żmien kien għadu qatt ma sar bħalu f’pajjiżna.






























